Monday, November 22, 2010

MIRAĠĠI LASALLJANI

(Ġabra ta’ Poeżiji fid-Dawl ta’ San Ġwann Battista de la Salle, Editur Patrick Sammut, De La Salle Brothers Publications, ISBN 978-99932-0-728-3. 90 faċċata)

Il-poeżija hija mera tal-ħajja kif ukoll ta’ min jiktibha. Għalhekk, kultant Antoloġija li tħaddan xogħlijiet ta’ diversi kittieba tkun aktar interessanti minn dik ta’ kittieb uniku. Għax tajjeb niftakru li kull bniedem jista’ jħares lejn l-istess oġġett b’lenti differenti minn bniedem ieħor.

Dan ġie quddiem għajnejja jien u naqra l-ktieb Miraġġi Lasalljani li primarjament iħaddan poeżiji ta’ erba’ poeti: Joseph Axiaq, Mario Attard, Patrick Sammut u Stephen Cachia, kollha għalliema fil-kulleġġ De La Salle, Kottonera. Għedt primarjament peress li l-ktieb jinkludi wkoll żewġ studji ta’ Patrick Sammut, wieħed dwar Bro. Henry Grech FSC u ieħor dwar Bro. Michael Buttigieg FSC, li t-tnejn jidħlu fix-xirka tal-poeti Maltin.

Miraġġi Lasalljani hu mqassam f’erba’ taqsimiet: a) Żewġ Brothers ħbieb tal-Malti; b) Poeżiji ispirati mill-figura ta’ San Ġwann Battista de la Salle; ċ) Poeżiji u d) Bijografija tal-artist Hilary Spiteri, li mhux biss żejjen il-ktieb b’opri artistiċi maħluqin minnu, imma ħa ħsieb ukoll id-disinn tal-qoxra.

Kumment qasir dwar l-erba’ poeti inklużi f’din il-Ġabra.

(Dr) Joseph Axiaq:

Dr Axiaq għandu poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan. Fost l-erba’ poeti huwa l-aktar poeta li jħossu deluż bil-ħajja ta’ madwaru. Għalhekk uħud mill-versi tiegħu huma versi ta’ protesta.

Il-poeta spiss iqabbel il-preżent mal-passat u għalih donnu li tat-tieni kien ferm aħjar minn tal-ewwel. B’hekk jinħakem minn ċerta nostalġija. Ħarsa madwaru jara ħafna nuqqasijiet: qerq, qerda ambjentali u nuqqas ta’ rispett. Dan kollu jagħmel id-dinja ta’ żmienna “karnival kontinwu” kif jistqarr fil-poeżija Maskli.

Iċ-ċiviltà moderna għalih mhix għajr infern li ġabu b’idejh il-bniedem innifsu:

“Intbaħna li l-ġenna li kellna

Infern spiċċat għalina

Vittmi sirna t’Għemilna” (Ħolma)

Ir-romantiċiżmu tiegħu hu msejjes fuq prinċipji tradizzjonali li ntirtu mingħand ta’ qabilna. Dan ikompli jikxef l-illużjoni li d-dinja moderna toffri lill-poeta, li jsib il-ħarbien ta’ dan kollu fl-arti mużikali.

Il-versi ta’ Axiaq huma semi-moderni, it-temi varjati. L-istil hu dak tal-vers ħieles li jqarreb lejn il-prożajku; stil imfittex u mħaddem minn diversi poeti kontemporanji kemm lokali kif ukoll barranin.

Mario Attard:

Bħal Joseph Axiaq, Mario Attard xejn ma jidher kuntent b’dak li jseħħ madwaru. Huwa jħares lejn il-bniedem bħala dak li aktar jogħxa jħott milli jibni. Għalhekk, ħoloq ir-razziżmu, il-mibegħda u tant tipi ta’ vjolenza. Xhieda ta’ dan tinsab fil-poeżija A Dispatch from my friend.

Attard huwa romantiku u minħabba f’hekk ibati wkoll minn ċerta nostalġija meta jqabbel żmien ma’ ieħor. B’sens ta’ dwejjaq huwa jħares lejn iż-żmien li jgħaddi b’ħeffa li jġib miegħu ċertu tibdil li lilu ma tantx jinżillu tajjeb:

“Għadda ż-żmien u miegħu taru

Wisq affarijiet...” (Lill-Fanal u l-Kebbies tiegħu)

Mario Attard għandu l-itwal poeżija fil-ktieb imsejsa fuq il-leġġenda ta’ Ħajmuna. Poeżiji oħra jikxfu karattru ta’ poeta sensittiv ħafna u fl-istess ħin tradizzjonalista. Imma l-ħlewwa ta’ vrusu u l-messaġġi ċari li jwassal ċertament huma xhieda ta’ poeta matur u li tkisser sew fis-sengħa poetika.

Stephen Cachia:

Stephen Cachia huwa l-aktar poeta modern fost l-erbgħa. Għalkemm l-iżgħar fl-età mhux nieqes anqas mill-ħila li jibni versi sbieħ li jġegħlu lill-qarrej jipprova jifhem il-messaġġ (meta jkun hemm) jew aħjar il-ħsieb magħġun magħhom.

Il-poeżiji ta’ Cachia f’din il-Ġabra huma kollha bl-Ingliż u jittrattaw suġġetti kontemporanji għalkemm jistgħu jitqiesu dejjem attwali. Il-qarrej żgur li mhux se jiltaqa’ ma’ versi ħfief għax Cachia jħobb jaħbi ħsibijietu wara diversi figuri tad-diskors, l-aktar li jħaddem fosthom il-metafora.

Ħafna drabi poeżiji qosra bħal dawn, li nħobb nxebbahhom ma’ dawk bil-Malti ta’ John Sciberras, ta’ Noel Fabri u ta’ Ġorġ Borg, ikun fihom ħafna x’wieħed jomgħod. Imma hawn hu s-sabiħ ta’ din it-tip ta’ poeżija, li tħalli lill-qarrej jasal għall-konklużjoni tiegħu b’mod mill-aktar ħieles. Nagħti eżempju b’silta mill-poeżija Eyes:

“Jewel hunter

owl, sea

born to cry, fly

in mystery’s open mind.”

Patrick Sammut:

Fil-fehma tiegħi, Patrick Sammut huwa l-aktar romantiku. Il-poeżiji tiegħu, din id-darba bl-Ingliż u bit-Taljan, għalkemm tematikament jidhru li fihom l-istess tema romantika fis-sens wiesgħa tal-kelma, min-naħa l-oħra jvarjaw minn waħda għal oħra.

Għandna mħabba bejn raġel u mara, bejn bniedem u ieħor, bejn ġenituri u wlied u mħabba lejn l-ambjent. Il-poeta għalkemm konxju li mhux qiegħed jgħix f’Utopja, b’danakollu ma jibqax lura milli jesprimi xewqatu. Sogħbien li madwaru l-paċi tinsab biss fuq il-karti u fuq fomm il-politiċi, Sammut jiftaħ qalbu mal-qarrej u b’sinċerità kbira jistqarr:

“Many years have fled

since the year of peace was announced

but still black clouds cover our eyes.”

Sammut jesprimi mħabba lejn min miet qablu f’Eternal peace and rock and roll; lejn martu f’Figlia del sole; lejn uliedu ċkejknin fi Smiles and sweet dreams; lejn ħutu l-bnedmin f’Mega-concerto. Min-naħa l-oħra, ma jibqax lura milli jikkundanna kull tip ta’ vjolenza kif għamel dwar dik li seħħet fil-11 ta’ Settembru 2001 ġewwa New York.

Il-ktieb għandu preżentazzjoni tajba ferm, b’Daħla mill-pinna tal-Provinċjal, Bro. Martin Borg FSC. Id-daqs ta’ Miraġġi Lasalljani huwa konvenjenti biex jinġarr u jkun jista’ jinqara fejn wieħed jixtieq. Barra dan, il-fatt li jħaddan xogħlijiet b’ilsna barranin jista’ jkun mezz utli biex iwassal il-Poeżija Maltija barra minn xtutna.

ALFRED MASSA

No comments:

Post a Comment