Monday, November 15, 2010

HAJJA TA’ BNIEDEM u NON OMNIS MORIAR (2007) - Proza ta’ Lino Grech

Ħajja ta’ Bniedem hija ġabra ta’ tlettax-il rakkont bil-Malti li jifirxu fuq 200 paġna. Min-naħa l-oħra Non Omnis Moriar jiġbor fih ħdax-il rakkont bl-Ingliż li jifirxu fuq ftit aktar minn 100 paġna. Il-qarrej jinduna li huma żewġ ġabriet tewmin, minkejja l-użu tal-Malti u tal-Ingliż, minħabba l-istili, it-temi u l-persunaġġi li jiltaqa’ magħhom.

L-istil u t-teknika mħaddmin

Ir-rakkont twil Ħajja ta’ Bniedem jitwieled mill-aħħar frażi li jgħid missier in-narratur qabel ma jmut. Hawn, bħal fiż-żewġ ġabriet imsemmija, naqraw dwar sitwazzjonijiet tal-ħajja differenti rrakkuntati minn leħen narranti ewlieni li spiss huwa onnixxenti. Jitħaddmu matul ir-rakkonti l-Malti idjomatiku, is-sarkażmu, l-ironija taqta’ daqs sikkina (ara The Statue, dwar il-burokrazija Maltija), il-parodija (ara Bla Ras, Il-Miraklu), u niltaqgħu wkoll ma’ episodji komiċi li jnisslu tbissima (Ħajja ta’ Bniedem, Nofs Lira l-Bewsa, Bla Ras, Il-Miraklu). F’Ħajja ta’ Bniedem l-awtur jinkludi wkoll xi versi ta’ iben Lelin. F’Kelb tal-Bejt Grech iħaddem stil mexxej ħafna, u meta taħseb li r-rakkont wasal fi tmiemu, l-awtur jintroduċilek element ġdid biex jagħtih nifs ġdid.

Hemm drabi meta Grech jindirizza direttament lill-qarrej (Il-Miraklu), filwaqt li spiss jalterna d-deskrizzjoni mad-diskors dirett. Element rikurrenti hija t-tagħlima li tingħata fl-aħħar tar-rakkont mil-leħen narranti (Il-Pinku). F’Għajnejn ta’ Seqer il-morali hija din: “qatt ma tkun taf ma’ xiex sejjer tiltaqa’ jew ukoll ħa ngħidu s-sewwa, ma’ min tkun qiegħed tagħmilha.” F’Il-Miraklu Grech iħallat is-sagru (Sant’Antnin f’Padova) mal-profan (il-Karnival ta’ Venezja) f’rakkont wieħed. Inħoss li s-saħħa ta’ Grech kittieb tal-proża tinsab fir-rakkonti l-qosra.

Matul ir-rakkonti Grech spiss jagħmel referenzi għad-dinja kontemporanja: LAN, Star Wars, Jedi, network, u l-bqija. Fir-rakkont bl-Ingliż Non Omnis Moriar naqraw livelli differenti ta’ rakkonti: hemm ir-rakkont ġor-rakkont ġor-rakkont, mela narraturi differenti. Hemm in-narratur ewlieni li jsib pittura qadima moħbija fl-uffiċċju tiegħu. Hemm l-avukat Cacopardi li jinnarra l-imgħoddi tal-pittura, u fl-aħħarnett hemm ir-rakkont tad-Direttur tal-Mużew Nazzjonali li jirrakkonta ġrajja ta’ mħabba u ta’ inkwiżizzjoni fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann (seklu 17). Id-deskrizzjonijiet iħallu lill-qarrej bla nifs. Ir-rakkont The Tunnel għandu bidu oriġinali u effettiv u javviċina ħafna lir-ra

kkont surreali u fantaxjentifiku, bħalma jiġri f’The Fly. F’The Tunnel tinbena bil-mod il-mod ċerta tensjoni li twassal lill-qarrej biex jistaqsi, “X’hemm wara l-għajbien ta’ l-impjegati?” Titħaddem għalhekk it-teknika tal-gradazzjoni għax ix-xiħaġa stramba li seħħet ma tingħadx f’daqqa. It-tmiem hu effettiv: naqraw dwar il-biża’ ta’ min intilef x’imkien fiż-żmien u ma jafx x’jista’ jsib meta jmur lura f’daru. F’The Fly il-mara tar-riklam televiżiv tkellem lil Keith telespettatur mill-iskrin tat-TV! Grech joħloq ċerta ambigwit¿ madwar il-kelma “fly” li għall-ewwel tfisser “kużakk”, imma wara tirreferi wkoll għall-film fantaxjentifiku “The Fly” tad-direttur David Cronenberg li deher fl-1986. Anki hawn it-tmiem hu oriġinali: x’ikun ġara lil Keith eżattament jafuh biss hu u l-qarrej. F’The Full Circle naqraw dwar misteru li jinħeba wara traġedja: il-qarrej jerġa’ jistaqsi sa fejn tasal ir-realt¿ u fejn jibda l-mistħajjel.

Parti mill-istil li jħaddem Grech fir-rakkonti tiegħu huwa wkoll il-livell senswali għoli li spiss iħaddem (ara The Telephone). Hawnhekk ir-rakkont jispiċċa b’anti-klajmaks, u dan wara li jkunu nbnew fil-qarrej numru ta’ aspettattivi. The Statue hu rakkont li għandu mil-leġġendarju f’rabta mas-saħta ta’ Ċirċe. Satan’s Breed jiġi rrakkontat mill-perspettiva ta’ bniedem pervers u

sadist li jsejjaħ lilu nnifsu “wild Satana” jew “is-suldat ta’ Luċifru”. L-istil huwa mexxej ħafna u ċerti affarijiet li jistgħu jdarrsu jiġu rrakkuntati b’indifferenza liema bħalha, qisu qatt ma seħħ xejn. Taħkem matul in-narrazzjoni l-ewwel persuna singular, l-“I”, li permezz tagħha joħorġu għadd ta’ perversitajiet moħbija fl-inkonxju tal-bniedem. Dan hu wkoll rakkont li jieqaf fin-nofs (in medias res) u teknika bħal din tagħtih aktar saħħa. F’To Heaven Born in-narrazzjoni timxi minn deskrizzjoni ta’ personaġġ għal ieħor.

Hemm imbagħad ir-riferimenti inter-testwali matul ir-rakkonti ta’ Grech bħal Charles Dickens, Edgar Allen Poe, Isaac Asimov, The Wizard of Oz, u Ulysses. Personalment inħoss li ritmikament ir-rakkonti bl-Ingliż jaħkmu lill-qarrej aktar minn dawk bil-Malti.

L-ambjentazzjoni żmien u spazju

Bħala ambjenti fejn isseħħ l-azzjoni tar-rakkonti ta’ Lino Grech insibu Bormla, il-Birgu, il-Port il-Kbir, il-Belt, ir-Rabat, Birkirkara, il-Mosta, imma anki xi bliet barranin, ladarba tema rikurrenti hija dik tas-safar. Imbagħad hemm ambjenti oħra rikurrenti bħalma huma l-fabbrika u d-dinja tan-negozju u tal-kontabilit¿ (Ħajja ta’ Bniedem u Stella Maris), il-Qorti (Il-Liġi u l-Ħaqq, Ir-Rigal, Non Omnis Moriar, The Girl in White Jeans, The Statue, u The Perfect Crime), l-uffiċċju, u għand tal-lottu (Għajnejn ta’ Seqer). Parti kbira mill-azzjoni sseħħ fil-preżent, imma naqraw dwar azzjonijiet li jseħħu fi żmien l-Inkwiżizzjoni u l-Kavallieri tal-Ordni u anki fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Dawk ta’ Grech huma wkoll rakkonti li jinnarraw żminijiet meta l-Maltin, “Ta’ filgħaxijiet fil-jiem sajfin kienu jintasbu wara biebhom, min fuq siġġu, min fuq banketta jew kaxxa ta’ l-injam u min fuq l-għatba tal-bieb, iħarrfu stejjer tal-waħx jew ġrajjiet ’il bogħod ukoll imbegħdin mis-sewwa waqt li t-tfal jiġġerrew mat-toroq għerja jilagħbu noli, ħarba, passju u x’ma nafx jien.” (Is-Suspett)

It-tematika

Dawk ta’ Lino Grech huma rakkonti li jitwieldu u jieħdu forma anki minn inċidenti żgħar li jseħħu fil-ħajja ta’ kuljum. Mela l-qarrej jaqra dwar it-twelid, it-tfulija, iż-żgħożija, l-imħabba, iż-żwieġ, it-tradiment, il-mard, il-gwerra, l-ostakli li l-bniedem jiltaqa’ magħhom, il-piki, il-ħbiberija, il-mewt u l-bqija, kollha aspetti marbutin mal-ħajja tal-bniedem, u hu hawnhekk fejn jidħol il-livell universali tar-rakkonti ta’ Grech.

Tema li hija rikurrenti hija dik tas-safar. Niltaqgħu magħha f’rakkonti bħal Ħajja ta’ Bniedem, Bla Ras, Il-Miraklu, The Telephone, u The Full Circle. Is-safar iservi bħala opportunitajiet biex jinfetħu bibien ġodda ta’ negozju, ta’ ħarba mir-rutina li tifni lil dak li jkun, imma anki ta’ lok fejn jintisġu relazzjonijiet extra-konjugali.

L-imħabba u s-sess (ara Satan’s Breed, The Fly, The Ideal Civil Servant) huma żewġ temi importanti oħra fil-kitbiet ta’ Grech. Is-Suspett hu rakkont ta’ żewġ miżżewġin li jinħabbu fi żmien meta l-Qorti hi mimlija b’każijiet ta’ żwiġijiet fi kriżi. L-imħabba spiss hija mhedda minn elementi differenti bħall-mard, il-vjolenza domestika, l-omosesswalit¿, l-abbuż tax-xorb, u r-relazzjonijiet inċestużi u extra-konjugali. Hawnhekk wieħed jistaqsi, “Post it-tfal fejn hu?”. U dawn jispikkaw f’rakkonti bħal Iz-Ziju ta’ l-Awstralja, The Girl in White Jeans, The Perfect Crime, The Full Circle u To Heaven Born.

Temi oħra li jiġu ttrattati minn Grech huma d-destin u l-predestinazzjoni, it-tifkira, is-suwiċidju (Is-Suspett u The Ideal Civil Servant), il-ħaqq u l-liġi li ma jimxux id f’id, id-dipendenza fuq it-televiżjoni, it-trabi barra miż-żwieġ, u l-kożmetika li taħbi dak li l-bniedem ma jridx juri.

Il-personaġġi

Iż-żewġ ġabriet ta’ novelli ta’ Lino Grech huma wkoll album ta’ personaġġi differenti, irġiel u nisa tad-demm u l-laħam bħalna. Niltaqgħu ma’ Lelin li jinvesti kollox fil-fabbrika tal-kunserva imma fl-aħħar isib soddisfazzjon akbar fil-kisbiet akkademiċi ta’ ibnu (Ħajja ta’ Bniedem). Hemm Wenzu, l-għaref sakranazz li jisker biex jaħrab mill-mistoqsijiet il-kbar tal-ħajja. Tliet personaġġi li jħallu timbru huma s-saħħara, il-kavallier u l-inkwiżitur f’Non Omnis Moriar. Keith, f’The Fly, jibqa’ miftakar għall-idjosinkrazija tiegħu li jitkellem miegħu nnifsu għal ħin twil. Niltaqgħu man-narratur li jammetti li hu ġifa, jew mat-tfajla omm li taf tfendi għal rasha fi żmien meta l-maternit¿ barra miż-żwieġ ma kenitx ittollerata. Ir-rakkonti ta’ Grech għalhekk huma tieqa fuq il-ħajja ta’ kuljum mill-perspettiva ta’ individwi jew koppji, bil-waqtiet sbieħ u koroh li jġarrbu. Naraw ukoll ippreżentat il-bniedem f’waqtiet ta’ ċertezza u kunfidenza, u f’waqtiet oħra tal-akbar dgħjufija. Il-varjet¿ fejn jidħlu karattri u l-ħemel ta’ personaġġi joħorġu wkoll fit-trattazzjoni ta’ l-istil, l-ambjentazzjoni u t-tematika li diġ¿ ġew ittrattati hawn fuq.

Konklużjoni

Dawk ta’ Lino Grech huma rakkonti li jinsistu fuq l-idea li jikber kemm jikber il-bniedem dejjem għandu x’jitgħallem, u li l-ħajja hija l-akbar skola li minnha wieħed jista’ jitgħallem. Grech jgħinna nifhmu ftit aħjar il-mistoqsija li jistaqsi f’To Heaven Born, jiġifieri “What really makes a good man?” Ħajja ta’ Bniedem u Non Omnis Moriar jiġbru fihom 24 rakkont li żgur jinżlu għasel mal-qarrej li jfittex fil-qari kemm id-divertiment u r-rilassament, kif ukoll l-opportunit¿ biex jirrifletti dwar ħajtu.

No comments:

Post a Comment