Monday, November 15, 2010

GHERF IL-BNIEDEM (2007) - Poezija ta’ Lino Grech

Għerf il-Bniedem ta’ Lino Grech

Din hija ġabra ta’ 38 poeżija li, kif jikteb Lino Grech stess fid-Daħla, “turi xejriet f’waqtiet mill-ħajja tal-poeta... Kull poeżija tfittex tifli nofs ħsieb, jekk mhux ukoll biss ħjiel ta’ ħsieb.” U dan jaqbel mija fil-mija mas-saħħa ewlenija ta’ Grech f’dil-ġabra: il-ħsibijiet profondi li jesprimi fi vrusu, kemm dwar it-tiġrib tal-ħajja, kif ukoll dwar ir-relazzjoni tal-bniedem mal-ħajja lilhinn mid-dinja.

Il-Forma

Diġa` mill-ewwel poeżija tal-ġabra, li ġġib l-istess isem, Grech jagħtina ħjiel ta’ ma’ xiex se niltaqgħu: ir-rimi tradizzjonali (fuq kollox imbewsa, xi drabi msallba u alternata), u l-versi li jservu ta’ stedina għar-riflessjoni profonda b’għadd ta’ mistoqsijiet rettoriċi. Grech jagħti importanza ewlenija lill-qbil tal-ħoss fi tmiem il-versi bla ma jinkwieta ħafna dwar sillabar u aċċenti ritmiċi fil-versi. Għalhekk dawk ta’ Grech huma wkoll eżerċizzji fir-rima, u dan jista’ jkun limitu fil-poeżija tiegħu. B’hekk bosta drabi niltaqgħu ma’ liċenzji poetiċi mġebbdin in extremisprinċipalment għal raġunijiet ta’ rima: “ħodra” minflok “ħadra”, “dnubijieti” flok “dnubieti”, “indiemu” għal “indiema tiegħu”, “sewqana” flok “sewwieqa”, “tametek” għal “it-tama tiegħek”, “ħebejtlek” flok “ħbejtlek”, u “l-għotja ta’ qabar missieri” flok “l-għata ta’ qabar missieri”. Metrikament Grech spiss juża l-kwartini, is-sestini u d-distiku u xi drabi jħaddem ukoll l-għamla tas-sunett Ingliż.

Il-Kontenut u t-Tematika

Il-poeżija-talba u l-poeta fittiex - Il-qarrej ta’ Għerf il-Bniedem jiltaqa’ ma’ numru ta’ poeżiji-talba. Fil-poeżiji Bejn Ħalltejn u Waħdi Grech jindirizza lil Alla: fl-ewwel waħda jħossu f’salib it-toroq bejn l-ispiritwalita` (l-imħabba lejn Alla) u l-materjaliżmu (l-imħabba għad-dinja u din hi d-dgħjufija tal-bniedem). F’Waħdi jikteb dwar il-ġlieda bejn il-ħażin u t-tajjeb fil-bniedem u dwar l-iskoperta t’Alla fin-Natura (u hawn tixref l-idea panteistika). Xi ħaġa simili naqraw dwarha f’Fejn int Mulej?: hawn il-poeta jfittex u jsib lill-Mulej mhux fir-riti u l-monumenti reliġjużi, imma fl-istess għeġubijiet naturali. F’Lilhinn Minni l-poeta qrib in-natura jħossu komdu biżżejjed biex jindirizza lill-Mulej dwar kwistjonijiet li ma jista’ qatt jifhem:

“Għaliex daqshekk seħer u sbuħija,

Meta hekk qasira ħajti u ta’ ħija?

Għaliex tant għożża f’uliedi,

Meta mewti u mewthom ġa’ tniedi?”

Grech iħossu “Mifluġ” għax il-ħsibijiet u l-mistoqsijiet bla tweġibiet jgħajjuh.

Flimkien ma’ dawn il-poeżiji-talba naqraw ukoll għadd ta’ poeżiji fejn naraw lill-poeta fittiex. Fittiex ta’ xiex? F’Lil Patri Piju Grech ifittex stat ta’ spiritwalita` u umilta`. F’Il-Qoxra jfittex it-tifsira tal-ħajja permezz t’Alla u jikteb, “Agħtini Mulej, dawl il-ħajja./ Ħa nsib tal-fejda l-bajja.” F’Għajnejn Bla Dawl Grech bħal jifhem li l-verita` nsibuha biss wara l-mewt meta jikteb, “Għaliex fidi għamja sakemm għajnejna nagħlqu?” F’It-Tifsira Grech jifhem li moħħ il-bniedem hu ċkejken u limitat biex jifhem ċerti tifsiriet, u l-kobor jidher biss f’min jifhem dan. Il-poeta mġarrab hu umli biżżejjed biex jammetti li qatt ma jista’ jasal biex jifhem it-tifsira tal-ħajja għax “għal kull vers ġtal-Bibbjaħ hemm mitt tifsira.” U dan biex fl-aħħar jasal għall-konklużjoni, “Ma qalulix, Mulej, li jien mingħajrek m’jien xej”. (Qaluli Mulej)

L-aspett soċjo-morali – Din hija tema li nsibuha preżenti f’xi poeżiji ta’ Grech. Hekk f’Sewqan Bla Nifs is-sewqan bl-addoċċ isir rifless ta’ tbegħid mit-triq tas-Sewwa. Grech jistieden lill-qarrej: “Mela ieqaf u aħseb ftit;/ Hekk lil Alla ssib mill-ġdid.” F’Mistoqsija Bla Tweġiba l-poeta jistaqsi għaliex il-bniedem jagħti aktar importanza lill-unuri tad-dinja milli lil dawk tas-sema? Kemm Kilbiet Bla Rażan, kif ukoll Wild id-Dinja, jittrattaw il-kilba tal-bniedem għall-flus. F’din ta’ l-aħħar Grech jikteb dwar l-istat korrott tal-bniedem li “Bejn Alla u ~esri ma ġqataxħ linja.”

L-imħabba – Tema bħal din hija preżenti f’għadd sabiħ ta’ poeżiji. Fi Fdalijiet naqraw dwar imħabba imgħoddija, filwaqt li f’Għaqda fil-Firda naqraw li l-imħabba hi dik ix-xiħaġa li żżommna qrib xulxin anki jekk jifirduna distanzi twal. F’Imħabba ġdida l-imħabba vera hi dik lejn l-istess persuna, imma jista’ jkun li l-poeta qed jirreferi wkoll għal Alla. F’Il-Logħba ta’ l-Imħabba l-imġarrab jifhem li l-vera mħabba mhix logħba. F’Xenqet l-Imħabba naqraw li l-unika xewqa tal-poeta hija dik għall-imħabba ġenwina. B’xorti ħażina pero` l-poeta hu konxju tal-fatt li “ta’ kollox it-tmiem,/ U żejjed u fieragħ il-kliem”. (Ħalfet l-Imħabba)

Il-ħolqien ċkejken u r-riflessjoni – Il-poeta hu tant sensittiv li jirnexxilu jispira ruħu anki minn oġġetti jew ħlejjaq mill-aktar ċkejknin u insinifikanti. F’Dubbiena Għażżiela joħroġ il-kuntrast bejn il-poeta li jgħejja bil-piż tal-ħsibijiet, u d-dubbiena li hi ħafifa u “moħħ ir-riħ”. F’In-Nemlu Grech jistieden lill-qarrej jirrifletti dwar fejn hu l-veru kobor, jekk hux fl-informatika u fil-grammatika, jew fi kreatura ċkejkna bħan-nemla? Għall-ewwel fil-poeżija Għasfur Fuq Qabar Grech jistaqsi għaliex għasfur qed jgħanni hieni fuq post ta’ diqa bħal qabar missieru? Imbagħad jifhem li forsi l-għasfur hu egħref minnu għax jaf li wara l-mewt hemm ħajja oħra. Anki “borża tal-plastik” tittajjar fis-sema tispira lill-poeta u twasslu biex jirrifletti dwar il-kunċett jew l-istat ta’ Spirtu Ħieles.

Oħrajn – Hemm imbagħad għadd ta’ argumenti oħra li Lino Grech jittratta fil-versi tiegħu. Jitfakkru personaġġi importanti bħalma kienu Mikiel Anton Vassalli, “missier il-Malti”, u Ġużè Cassar Pullicino: “Għal xogħol bir-reqqa semmewk;/ Għal ħsieb għarriexi għollewk”. Deskrizzjoni effettiva ta’ l-istat tax-xjuħija tingħatalna f’Tamet ix-Xjuħija: għax-xiħ il-preżent hu niexef, l-imgħoddi spiċċa u l-futur baħħ. F’Id-Duluri jitħalltu s-sagru mal-profan, it-twemmin mal-politika u s-serju mal-ironiku. F’Sacerdos in Aeternum Grech jikteb dwar kemm dik tas-saċerdot illum hija għażla tassew diffiċli, u dan anki f’relazzjoni ma’ x’inhu s-Sewwa. Imbagħad hemm l-eleġija Il-Bastun. Hawn il-bastun jissimbolizza lil missier il-poeta li miet meta Grech kien għadu żgħir. Grech jikteb hekk:

“Ja mewt kiefra u bla mogħdrija,

Li ħadtli lil missieri ħesrem fit-tfulija.”

Eleġija oħra hija l-aħħar poeżija tal-ġabra, L-Aħħar Titjira. Il-poeta hu dak li josserva u jinnota l-ħin kollu. Hawn jagħtina deskrizzjoni ħajja ta’ xena f’ajruport li fl-aħħar mill-aħħar twassal għal riflessjoni aktar profonda:

“Ħadd ma jobsor il-jum u s-siegħa

Meta jinġabar minn din il-qiegħa.”

Konklużjoni - Għalhekk it-tmiem ta’ dil-ġabra ta’ poeżiji jittratta t-tmiem tal-ħajja tal-bniedem. Idealment il-bniedem jilħaq il-quċċata tal-għerf meta jagħraf il-waqt tat-tmiem tiegħu, imma ladarba dan mhux possibbli l-bniedem verament għaref hu dak li jifhem li qatt ma jista’ jasal biex jifhem misteri akbar minnu bħalma hija l-mewt. U dan jerġa’ jwassalna għat-titlu tal-ġabra: Għerf il-Bniedem. Wara li jaqra dil-ġabra ta’ poeżiji l-qarrej iħossu ftit aktar għaref dwar dak li jagħmel ħajja ta’ bniedem, anki għax jifhem saħansitra d-dgħjufijiet u s-saħħiet (il-Fidi) tiegħu fejn huma.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment