Monday, November 15, 2010

JUANN MAMO: ĠRAJJA MALTIJA – Ġabra ta’ novelli


miġbura u annotati bi studju ta’ Mark Vella, KKM, 2010

F’dan il-ktieb Mark Vella ġabar 19-il novella tal-kittieb u ġurnalist, Juann Mamo, flimkien ma’ tliet protonovelli oħra fl-Appendiċi. Huma kollha novelli li dehru f’ġurnali bħal “Labour Opinion”, “Il Hmar”, “Il Hmara”, “Il Berka”, “Dr. Xecchec” u “Il Fkir Malti”, u dan fis-snin bejn l-1923 u l-1935. It-tul tagħhom huwa limitat għal tliet paġni jew ftit iktar u jinqraw bla ebda tbatija.

Dawn kienu s-snin tal-Kwistjoni tal-Lingwa, meta l-ġlieda kienet bejn it-Taljan, l-ilsien tal-kultura, tal-edukazzjoni u tal-Knisja, u l-Ingliż, l-ilsien tal-amministrazzjoni, bil-Malti meqjus bħala l-ilsien tal-injorant jew tal-kċina. Kienu snin meta l-poplu Malti, maħkum mill-barrani (l-Ingliżi), kien maqsum bejn il-klassi tas-sinjuri u tal-elite u l-klassi tal-fqar u bla edukazzjoni.

Apparti d-Daħla ġenerali li Mark Vella jagħtina fil-bidu bl-isem ta’ “Mamo misjub mill-ġdid”, l-awtur jikteb nota introduttiva għal kull novella biex il-qarrej ikollu diġà bħal idea tat-tema jew personaġġi li se jiltaqa’ magħhom. Vella jagħtina wkoll numru ta’ annotamenti f’tarf il-paġna biex dak li jkun jifhem aħjar ċertu kliem arkajku, ċerti espressjonijiet tal-epoka u tagħrif ieħor ta’ natura politika, folkloristika jew storika.

Dawk ta’ Juann Mamo huma novelli mill-isbaħ fis-sempliċità u s-sinċerità tagħhom. Żgur li l-qarrej japprezza l-isbuħija tal-ilsien Malti kif kien miktub u mitkellem lejn it-tieni parti tal-ewwel nofs tas-seklu 20, bid-dinamiċità tiegħu, apparti l-partijiet vivaċi, ħajjin u awtentiċi miġjubin direttament fid-djalett, il-kliem arkajku, l-għajdut u l-bqija.

Fost it-temi li naqraw dwarhom, apparti l-injoranza grassa, hemm il-mikrokriminalità, riżultat tal-qgħad u r-realtà soċjali tal-epoka, il-ġuħ, il-manipolazzjoni tal-klassi fil-poter, il-konfront bejn il-klassijiet, il-fanatiżmu, l-emigrazzjoni u ċerti drawwiet strambi tal-Maltin.

Mamo jiddeskrivi soċjetà fejn il-parti l-kbira tal-poplu kienet mgħaddsa fl-injuranza, fil-biża’, mitmugħa s-superstizzjonijiet minn min riedha tibqa’ hemm biex jibqa’ jgħix ħajja ta’ kumdità. Novelli bħal dawn jinqraw id f’id max-xogħol ewlieni ta’ Mamo, ir-rumanz Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka (1930).

Dak li jagħmel Mark Vella hawnhekk huwa proġett intelliġenti: hu jerġa’ joħroġ għad-dawl numru ta’ novelli li għal deċennji twal baqgħu maqfulin bejn il-paġni ta’ ġurnali tal-ewwel nofs tas-seklu 20 u li wieħed isib fl-arkivji tal-Biblijoteka Nazzjonali. Minkejja li qegħdin fil-bidu tat-tielet millennju, żgur li l-qarrej tal-preżent għandu jieħu gost jaqrahom, u fl-istess ħin jifhem u japprezza l-mixja li għamel il-poplu Malti f’dan l-aħħar seklu, jew kważi. U dan bla ma jinsa li, b’xorti ħażina, ċerti mġibiet u attitudnijiet negattivi tal-Maltin deskritti minn Mamo, għadhom fostna sal-ġurnata tal-lum.

Mark Vella, fl-aħħar parti tas-snin 90, għamel ir-riċerka tiegħu dwar l-istorja letterarja tan-novella Maltija għat-teżi tal-Baċellerat tal-Arti. Isejjaħ is-sejba jew laqgħa ma’ dawn in-novelli ta’ Mamo bħala “inċident feliċi”. Fid-Daħla jikteb ukoll li din il-ġabra annotata għandha tinftiehem “bħala kontribut ieħor ċkejken lejn il-preservazzjoni u t-tixrid tal-wirt li ħallielna Mamo, ċaqgħa żgħira minn minjiera kurjuża li għad irridu nkomplu ntellgħu minnha.” Verament, l-arkivji tal-Biblijoteka Nazzjonali huma minjiera bla qiegħ ta’ għerf missirijietna.

Mark Vella jgħidilna li dawk ta’ Mamo huma novelli li jikkonċentraw fuq ambjenti lokali u li jitkellmu dwar il-“ġrajjiet minimi ta’ non-elite”, b’qafas tekniku li għandu miċ-ċajta u l-bużullotta popolari, mhux wisq sofistikata. L-awtur ta’ Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka f’dawn in-novelli spiss jindaħal b’mod ċajtier biex jgħin lill-qarrej jagħraf l-għemil assurd tal-karattri li joħloq. Dak li jiddeskrivi Mamo hu poplu li iktar moħħu fil-ħtiġijiet ta’ kuljum (u bir-raġun, ladarba kien jgħix f’għaks kbir), milli mill-ġrajjiet u d-destin ta’ art twelidu u t-taqbida mal-barrani. Huwa janalizza s-sitwazzjoni attwali tal-Maltin tal-klassi tal-ħaddiema.

Dan kollu fi spazju ta’ mitt paġna. Mela issa, wara r-rumanz ewlieni ta’ Mamo tal-1930, il-ktejjeb studju ta’ Oliver Friggieri, Ġwann Mamo: il-kittieb tar-Riforma Soċjali (1984), u l-volum ta’ Francis Galea, Juan Mamo – Ħajtu u ħilietu (2007), il-qarrej jista’ jgawdi ktieb siewi u interessanti ferm dwar Juann Mamo: Ġrajja Maltija – Ġabra ta’ novelli. Prosit tassew Mark Vella. Li jonqos issa hu li nixtru l-ktieb u napprezzawh.

Patrick Sammut

1 comment: