Tuesday, November 23, 2010

dal-lejl ġie alla ta’ Paul P. Borġ

L-ewwel parti

Dan huwa rumanz li Paul P. Borġ bdieh meta kellu għoxrin sena u spiċċah meta kellu 23/24 sena. Strutturalment jinqasam f’erba’ partijiet. L-ewwel parti ġġib l-isem ta’ “Kieli”. Dak li niltaqgħu miegħu mill-ewwel huwa l-ambjent rurali f’Selmun. Hu ambjent primittiv, mela naraw lill-bniedem f’kuntatt mar-raba’ u l-bhejjem, bħalma primittiv huwa l-motiv tad-demm sagrifikali li hu rikurrenti u li jista’ jeħles lil Kieli - li huwa rgħaj - mis-saħta tal-barrani. Is-saħta tal-Għarbi tiġri wara Kieli mill-imgħoddi bħal dell. Hija saħta li ġejja minn ċajta li, bħalma jiġri spiss, titnissel minn nuqqas ta’ ħsieb. Taħkem il-biża’ li jnisslu s-superstizzjonijiet, l-injuranza, l-għajn.

Dwar Selmun Paul P. Borġ jikkummenta li fis-subkonxju tiegħu, meta jara dak il-promontorju ta’ Selmun li jafu sew, dejjem iħoss xi ħaġa, dejjem qisu qiegħed qribu. Kien l-ambjent ta’ Selmun, l-aktar kif kien, ambjent bil-bdiewa u bix-xogħol tar-raba’, u bin-nanna ġo fih, li niggżu u mbuttah biex jikteb. Dak l-ambjent ta’ filgħodu kmieni pereżempju, meta kien imur jaħdem fir-raba’, u waranofinhar jieqaf ftit man-nanniet, jew ma’ xi xiħ jew xiħa, u jaqralhom Taħt tliet saltniet, il-klassiċi, il-Ħelsien ta’ Ġużè Bonniċi, Meta nħaraq it-teatru, Raġel bil-għaqal. Dawn kollha huma kotba li Paul P. Borġ kien jaqra lin-nanniet. Kien għadu daqsxejn ta’ tifel, fl-għarix, fost il-mogħoż u n-ngħaġ, bl-irwejjaħ naturali, faċċata l-istalla tal-baqra bid-dubbien. Ma kinux jafu jaqraw u hu kien jaqralhom dawn in-novelli u rumanzi.

Mill-ewwel Paul P. Borġ jintroduċi fir-rakkont tiegħu bosta mistoqsijiet u inċertezzi: Alla hu verament ħanin u tajjeb? Jeżisti vererament id-destin? Id-dell tas-saħta jwassal lil Kieli biex jiffissa, jinqata’ għalih, joqtol u jaħraq l-annimali f’riti sigrieta u fl-aħħar biex jitgħallaq, anki wara li jsir jaf li sar missier iben, Marju.

It-tieni parti

It-tieni parti ġġib l-isem ta’ “Marju”. Jgħaddu mat-30 sena minn tmiem l-ewwel parti. Marju huwa iben Kieli. Bħal donnu d-dell tas-saħta jibqa’ b’saħħtu anki fuq iben Kieli, li kellu “jitħabat mal-ħajja u jimxi t-telgħa iebsa u wieqfa li ħallielu missieru qabel tgħallaq”, imwarrab mill-bqija. Tidħol l-idea tal-ħajja bħala triq: hemm min jaqbad triq, jew iqabbduh triq, u jinduna li tkun dik żbaljata, iebsa. Marju jġorr ukoll it-toqol ta’ difett fiżiku - kellu xofftu maqsuma. U dan f’soċjetà fejn jaħkem għeluq il-moħħ, mela anki l-biża’.

Did-darba Paul P. Borġ iħaddem il-flashback: Marju jiftakar f’meta kien tifel. F’waqt ta’ tilwim bejn Marju tifel u sieħbu Ġanni, bniedem, annimal u xitla jsiru ħaġa waħda. In-narrazzjoni talterna bejn imgħoddi u preżent, bejn it-tfulija u l-irġulija ta’ Marju, bejn id-dinja tal-ħolm u dik reali. Hemm però sens ta’ kontinwità, bħal ħajta li tmur lura fl-imgħoddi mbiegħed u tibqa’ għaddejja sal-ġejjieni mistur.

Matul l-istorja taħkem ukoll l-istennija ta’ xi ħaġa li għad isseħħ, li għad jiġi Alla. Naraw lil Marju għand il-Griega, Altea, l-unika mara, apparti ommu, li kienet tħobbu. Marju jmut zoptu fil-għorfa ta’ Altea, u Altea ġġorru fi sqaq qrib id-dar t’ommu fid-dalma tal-lejl. Mela kemm l-ewwel, kif ukoll it-tieni parti jispiċċaw bil-mewt tal-protagonisti, Kieli fl-ewwel każ, u Marju fit-tieni każ.

It-tielet parti

It-tielet parti hi dik li ġġib l-isem ta’ “Silvio”. Hija parti li tista’ titqies bħala t-tielet rakkont, 25 sena wara l-għeluq tat-tieni parti bil-mewt ta’ Marju. In-narratur hawn huwa Silvio, iben Marju u Altea, li joqgħod ma’ Ġuża u Fredu - spiss xurban - il-ġenituri adottivi tiegħu. B’xi mod Silvio hu marbut ma’ nanntu Vitor, omm Marju, iżda lil ommu ma jafhiex għax ħallietu ftit wara li twieled.

Waqt il-ħsibijiet profondi ta’ Silvio naqraw dwar il-kuntrast bejn il-ħajja naturali tar-raħal, fir-raba’, u dik rutina u superfiċjali tal-belt. Silvio jinsab bejn dawn iż-żewġ dinjiet opposti: nanntu Vitor u mħabbtu Doris. Hu jammetti li hu marid (b’dipressjoni kronika?) u li jieħu l-pilloli; jinħakem spiss mill-ħsibijiet. Iħoss xewqa kbira li jmur Selmun.

Naraw lil Silvio anki fil-kuntest tal-fabbrika li huwa parti mill-ambjent tal-belt. Hawn jidħol il-motiv tal-klassi soċjali: hemm fuq naħa s-sidien li jpappuha, u fuq in-naħa l-oħra l-ħaddiema li jaħdmu bla mistrieħ bħal donnhom magni. Ix-xewqa ta’ Silvio hi li jinqata’ kompletament mill-ambjent marid u mniġġes tal-belt u jerġa’ lura lejn Selmun, lejn għeruqu. Fir-razzett ta’ Vitor, nanntu, Silvio jħoss dak li ħassew qablu Kieli u Marju. Hemm kontinwità li tgħaqqad id-destin tat-tlieta flimkien. Anki dak ta’ Silvio hu karattru instabbli għaliex ma jsib kenn u mistrieħ lanqas f’Selmun proprju għax jibża’ mis-sensazzjoni li hemm xi ħaġa mistura li trid isseħħ.

Għal ftit il-vuċi narranti ssir Ġuża li tirrakkonta l-bidla li seħħet f’Silvio mill-perspettiva tagħha. Iż-żewġ spazji hawn huma Selmun u B’Kara. Naqraw ukoll dwar dak li għaddej minnu Silvio - it-tkeċċija mill-fabbrika, il-firda minn ma’ Doris u l-ħarba lejn Selmun u Għajn Ħadid - mill-perspettiva tan-nanna Vitor li taf il-ġrajja kerha ta’ nannuh u missieru.

Anki lil Silvio jaħkmuh għadd ta’ mistoqsijiet eżistenzjali u sens qawwi ta’ fataliżmu. Silvio jikkonsidra l-possibilità li jingħalaq ġo xi kunvent biex isib tweġiba għall-mistoqsijiet tiegħu f’Alla. Imma dal-ħsieb għandu għomru qasir. Dan il-ħsieb iwarrbu hekk kif isir jaf li ġejja ommu mill-Ġreċja.

Ir-raba’ parti

Għalhekk ir-raba’ parti tieħu l-isem ta’ “Altea”. Minn fejn ġiet din l-insistenza matul parti kbira mir-rumanz fuq il-mitoloġija Griega? Il-mara ta’ Marju, omm Silvio, Altea, kienet Griega. Allura l-awtur daħħal dan ix-xebh bejn dak li għandna fir-reliġjon tagħna, l-Alla li qed nistennew, u l-alla ta’ Altea, alla Zews, alla li kienet dejjem xtaqitu jiġi. Altea ġiet għal għarrieda f’ħajjet Silvio, ma kellux it-trobbija b’ommu ħdejh. Għalih ommu ma kenitx teżisti, kien nesiha. Imbagħad ġiet f’daqqa waħda f’ħajtu u minn hemm għalih beda mill-ewwel il-kunċett ta’ Alla tagħna, filwaqt li Altea bdiet titkellem fuq Żews. Minn fejn ġiet f’moħħu dir-rabta bejniethom Paul P. Borġ ma jafx. Il-qarrej irid iżomm ħaġa waħda f’moħħu: il-kittieb ma jkollu l-ebda ħjiel ta’ għaliex qed jaħseb dak li qed jaħseb. Bħala kittieb jikteb il-ktieb biss, però ma jafx għaliex kitbu, għaliex kiteb dis-sentenza, u lanqas hu obbligat li jkun jista’ jwieġeb mistoqsijiet dwar għaliex kiteb dik u għaliex kiteb l-oħra.

Altea tasal mill-Greċja għal ftit ġimgħat. Vitor tibża’ li Altea tikxef il-passat misħut ta’ Marju u b’hekk tagħmel lil Silvio parti mis-saħta ta’ l-Għarbi. Silvio jiltaqa’ ma’ ommu. Flimkien jinżlu Buġibba u Altea tibda titkellem dwar l-imgħoddi tagħha. Altea tħabbar lil binha li hija marida bil-kanċer u li se tmut daqt. Flimkien jitilgħu jaraw lil Vitor. Hemm il-biża’ li l-imgħoddi jerġa’ jitla’ fil-wiċċ bil-beżgħat u l-inċertezzi kollha tiegħu. Naqraw dwar waqtiet profondi - anki intimi - bejn Altea u binha Silvio: jinħassu l-qawwa msaħħra tal-baħar f’Buġibba, alla Żews u l-għarfien tal-qrubija ta’ miġjet Alla.

L-episodju tal-mewt ta’ Marju - li seħħ fit-tieni parti - u dak ta’ Altea li hu qrib isiru ħaġa waħda minkejja li mbiegħda fiż-żmien. In-narratur Silvio jammetti ċerta ġibda/għira lejn ommu. Hemm l-idea ta’ l-Annunzjata mħallta ma’ leġġendi u mitoloġiji pagani. Titkellem Altea li ssir in-narratriċi. Bħalma Kieli kien iffissa fuq is-saħta tal-barrani, Altea trid tgħallem il-kelma mħabba lil binha. Hemm l-idea tat-twelid mill-ġdid fil-mewt. B’saħħtu ħafna hu r-riferiment għad-dinja ta’ l-allat mitoloġiċi. Hemm ukoll il-konfront bejn żewġ nisa: fuq naħa hemm Vitor, l-anzjana, bi twemmin qawwi f’Alla Kristjan u li trid tostor l-imgħoddi lil Silvio; fuq in-naħa l-oħra hemm Altea, il-mara sabiħa imma marida li temmen f’alla Żews u li trid terġa’ tqajjem l-imgħoddi. B’kuraġġ kbir Vitor tirrakkonta lil Silvio l-istorja ta’ Kieli u Marju.

Ir-relazzjoni bejn l-iben (Silvio) u l-omm (Altea) hi profonda fl-aħħar parti. Apparti figuri mitoloġiċi Griegi (bħal Rhea u binha Żews), jissemmew ukoll personaġġi Bibbliċi mill-Antik Testment (Lot u wliedu bniet). L-att inċestuż bejn Silvio u ommu jseħħ f’atmosfera bejn ħolma u realtà. Il-qarrej jibqa’ bid-dubju sakemm Silvio jiltaqa’ ma’ nanntu Vitor u jistqarrilha li dineb ma’ ommu stess. Però, dan l-att iservi wkoll bħala katarsi: issa Silvio jħossu lest biex jaffaċċja l-ġejjieni tiegħu, u dan anki għaliex jasal biex jifhem l-imgħoddi tiegħu permezz ta’ Vitor u Altea.

Ir-rabta personaġġi-allat

Il-qarrej iħoss li hemm rabta kbira bejn il-personaġġi u l-idea tal-allat. Għandek l-idea ta’ l-allat primittivi fejn daħal Kieli, dak li wara li ġie misħut mill-barrani kien imur jinqafel fl-għarix tiegħu u jaħraq l-annimali biex forsi jipprova jeħles mis-saħta. Altea hija marbuta ma’ alla Żews, u Silvio (flimkien ma’ nanntu Vitor) marbut mal-Alla Nisrani. Dwar l-inċest Paul P. Borġ jikkummenta li trid tqis li fil-mitoloġija Griega kien permess kollox; ir-relazzjoni ta’ bniedem ma’ bniedem, bniedma ma’ bniedem, bniedma ma’ bniedma. Kienet soċjetà permessiva għall-aħħar. Din il-bniedma, li kienet marida, baqgħet fl-aħħar ta’ ħajjitha, tgħix dejjem f’dak il-livell. Silvio sab ruħu ma’ bniedma bħal din. U Silvio li għandu ħsibijietu f’Alla tiegħu, b’reliġjon li tgħidilna ċerti affarijiet u ttina ċerti gwidi, isib ruħu f’din it-taħbila li qed tgħix ommu fiha qabel ma mietet.

It-tmiem fint

It-tmiem qisu mhux tmiem lanqas. Filli Silvio qed jagħti ħafna importanza lil ommu, filli fl-aħħar paġni qisu ommu tintesa, donnu Silvio jiddistakka ruħu minnha. Ma nafux jekk mititx jew le. U dan ifakkarna fil-fatt li ommu għalih dejjem kienet barranija. Ġiet f’ħajtu fl-aħħar xahar jew tnejn. Għal Silvio l-aktar ħaġa importanti kienet nanntu, Vitor. Hu hemm kien isib dejjem kenn, u fl-ambjent ta’ Selmun fejn dejjem kienet tgħix Vitor u fejn kien ifittex il-kenn.

Però kienet Altea li niggżet lil Vitor biex tikxef ċerti aspetti ta’ l-imgħoddi. Altea qanqlet fih dawk il-mistoqsijiet li Silvio ma setax iwieġeb kollha sakemm hemm l-ewwel ktieb, dal-lejl ġie alla. Fit-tieni ktieb - is-sequel - se jwieġeb ħafna mistoqsijiet, però, kif jiġri fil-ħajja, se jinħolqu ħafna u ħafna oħrajn. L-idea oriġinali ta’ Paul P. Borġ tintrabat mal-fatt li hu rari jkun kuntent b’kitba. Meta jaqraha jgħid li seta’ jagħmilha ftit ieħor aħjar, seta’ għamilha differenti. Però llum tgħallem jifhem li meta jerġa’ jaqraha, f’dan il-każ 20/30 sena, ovvjament jgħid li dal-lejl ġie alla kitbu ġuvni ta’ 20 sena. Dak iż-żmien kien jaħsibha hekk. Imma meta reġa’ qraha t-tieni darba staqsa jekk setax jagħmilha mod ieħor. Biż-żmien tgħallem li qed jgħaddi dawn il-kummenti huwa stess fuq il-kitba tiegħu għax issa hu bniedem li ġarrab b’mod differenti minn meta kien għadu tifel ta’ għoxrin sena. Meta talbuh biex dal-lejl ġie alla jerġgħu jistampawh f’edizzjoni ġdida, ħaseb f’li jkollu jagħmillu tmiem differenti. Però tawh parir biex ma jagħmilx hekk u jħallih kif kien. Kien hemm oħrajn li qalulu biex jagħmel esperiment: iħalli l-ktieb kollu kif inhu, kif ħareġ l-ewwel darba, imma jagħmillu kapitlu barrani biex il-qarrej ikollu jew għażla ta’ kif kien qabel jew inkella kif wara perijodu ta’ żmien kellu jispiċċah. Flok għamel hekk, kien ilu jdur u jbehren f’moħħu l-ħsieb li jkompli jikteb x’ġara u x’ma ġarax, u nħoloq dal-ktieb ġdid li jitlaq bl-istess karattru li baqa’ ħaj, Silvio, u jkompli sejjer għal perijodu ta’ żmien ieħor.

Issa r-rumanz dal-lejl ġie alla għandu t-tkomplija tiegħu fir-rumanz ġdid rajt ’l alla jibki (iż-żewġ rumanzi f’edizzjoni waħda, KKM, 2007)

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment