Monday, November 22, 2010

Sireni u Serenati ta’ Lina Brockdorff

Dan huwa ktieb li jgħaqqad flimkien ir-rumanz, l-awtobijografija u l-istorja. Il-perijodu ttrattat huwa dak ta’ qabel u waqt it-Tieni Gwerra Dinjija f’Malta. Huwa ktieb esperjenza u jiswa mitqlu deheb għal dawk li jixtiequ jkunu jafu kif għexu u minn xiex għaddew l-antenati tagħna ftit aktar minn 60 sena ilu. L-istil huwa wieħed mexxej u l-ktieb huwa maqsum f’taqsimiet differenti li ma jtulux ħafna biex ma jgħejjewx lill-qarrej.

L-awtriċi tinnarra l-istorja tal-familja tagħha, imma anki dik tal-gżejjer Maltin. Kienu żminijiet koroh fejn eluf batew il-ġuħ, il-firda, il-għaks, il-bard, il-mard, il-mewt u l-bqija. Lina Brockdorff jirnexxielha ttina deskrizzjonijiet ħajja billi tappella għas-sensi imma anki billi ttella’ fil-wiċċ numru ta’ tifkiriet li setgħu ntilfu kieku ma ddeċidietx tniżżilhom fuq il-karta. Il-Maltin irnexxielhom jgħaddu minn dil-prova anki permezz tal-fidi qawwija li kellhom u permezz tas-sens tas-sopravivenza.

Fost il-ħwejjeġ li l-qarrej jiltaqa’ magħhom hemm il-ħajja fix-xelters u fil-katakombi kontra l-bombi tal-għadu, il-ħajja tar-refuġjati fl-irħula ’l bogħod mill-bliet, in-nuqqas tal-ikel u r-razzjonament, il-logħob li bih kienu jgħaddu ż-żmien it-tfal ta’ dari, il-mard li kien jolqot l-aktar lit-trabi, is-solidarjetà bejn nies li jinsabu fl-istess ċirkostanzi mwiegħra, il-praspar li l-awtriċi għaddiet minnhom flimkien ma’ oħtha, ir-relazzjoni mal-Ingliżi u mal-emigrati Maltin fil-Mediterran, il-perikli li għaddew minnhom il-ħaddiem tat-Tarzna waqt l-attakki mill-ajru, u bosta episodji oħrajn.

Sereni u Serenati ma jinnarrax biss stejjer ta’ diqa, imma anki ta’ ferħ. Issib episodji li jnikktuk u oħrajn li jdaħħquk bla ma tkun taf. Huwa ktieb li tista’ taqrah f’nifs wieħed miktub minn kittieba li taf kif tħaddem il-pinna fis-sengħa tal-kitba bil-Malti.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment