Monday, November 22, 2010

DUN KARM - LE POESIE ITALIANE a cura di Oliver Friggieri Malta University Press, 2007.

Ir-rabta bejn il-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila u l-Prof. Oliver Friggieri ilha teżisti għal snin twal. Is-sena 1980 kienet rat il-pubblikazzjoni tal-ktieb Dun Karm – Il-Poeżiji Miġbura, edizzjoni kritika ta’ Oliver Friggieri maħruġa mill-KKM u Karmen Mikallef Buħaġar. F’dik il-ġabra tal-poeżiji bil-Malti tal-poeta nazzjonali, Oliver Friggieri kien qassam il-versi ta’ Dun Karm f’sitt taqsimiet ewlenin: i. Il-problema eżistenzjali u l-valuri tad-dinja oġġettiva; ii. Il-motiv epiku, demokratiku, ambjentali; iii. Il-lehma tat-tifkira u l-kelma universali; iv. Il-lirika tat-twemmin u l-innu popolari-reliġjuż; v. Ir-riflessjoni estetika; u vi. Traduzzjonijiet. Imbagħad fis-sena 1988 kien ħareġ il-ktieb Il-Jien u Lilhinn Minnu, edizzjoni annotata minn Oliver Friggieri ta’ din il-poema ta’ 520 vers mil-pinna ta’ Dun Karm (Pubblikazzjoni Toni Cortis). Oliver Friggieri kien ħareġ il-ktieb Dun Karm fl-1989 (anki din edizzjoni Tony Cortis), ktieb li fih l-awtur ittratta f’għamla ta’ studji kritiċi aspetti bħalma huma l-persunalità ta’ Dun Karm bħala bniedem u poeta, l-impenn soċjali, il-poeżija popolari, id-definizzjoni moderna ta’ nazzjon, il-poeżija tal-femminilità, u s-solitudni. Quddiemi għandi wkoll il-pubblikazzjoni ta’ Oliver Friggieri, Saggi sulla letteratura maltese (Università di Malta, 1989), li fiha nsibu inklużi tliet studji kritiċi dwar Dun Karm. Fl-1997 Oliver Friggieri kien ħareġ L-Ittri ta’ Dun Karm lil Karmen Mikallef Buħaġar (Edizzjoni PEG), ittri li jkopru s-snin 1940 sas-sena li fiha Dun Karm miet, 1961. Ta’ min jgħid li Karmen Mikallef Buħaġar kienet Maltija li tgħix fl-Eġittu u li kienet tikkorrispondi regolarment mal-poeta nazzjonali.

Ftit ġimgħat ilu l-Prof. Oliver Friggieri ra ħolma li ilu jaħdem għaliha mal-35 sena ssir realtà permezz tal-pubblikazzjoni ta’ Dun Karm – Le poesie italiane (MUP, 2007). Dan il-volum mill-isbaħ jiġbor fih 146 poeżija (li jinfirxu fuq 211-il paġna) li Dun Karm Psaila kiteb bit-Taljan bejn l-1889 u l-1946, bejn wieħed u ieħor. Huma poeżiji meħudin mill-antoloġiji poetiċi Foglie d’alloro (1896), Versi (1903) u Liriche (1954), imma anki minn numru mdaqqas ta’ pubblikazzjonijiet u manuskritti oħra. Il-poeżiji qegħdin ippreżentati kronoloġikament. Dun Karm – Le poesie italiane għandu wkoll introduzzjoni kritika dettaljata mill-pinna ta’ l-istess Professur Oliver Friggieri, bl-isem ta’ “L’identità culturale di Dun Karm”. Hawn il-kritiku jittratta aspetti bħalma huma r-rabtiet mat-tradizzjoni romantika Taljana, u l-influssi ta’ poeti Taljani bħal Manzoni u Monti fuq Dun Karm.

Bħala tmiem għad-daħla ta’ dan il-volum Oliver Friggieri jikteb hekk: “…con la pubblicazione di questa opera ora considero come compiuto il mio lavoro critico, durato vari decenni, con lo scopo di raccogliere ‘tutte’ le poesie di Dun Karm, sia quelle in maltese, sia quelle in italiano.” Dun Karm – Le poesie italiane huwa ktieb li kull min għandu għal qalbu l-letteratura Taljana, imma anki dik Maltija miktuba b’ilsna oħra, ma jistax ma jkollux fil-librerija personali tiegħu.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment