Monday, November 15, 2010

Kun af aħjar il-post fejn toqgħod u tgħix

Kif spiss inħobb nikteb, illum il-ktieb Malti – anki bl-Ilsien malti - mexa ħafna ’l quddiem u sar jimla’ parti kbira mill-ixkaffi kemm tal-ħwienet tal-kotba, kif ukoll tal-libreriji. Il-qarrej Malti għandu għażla kbira ta’ suġġetti dwar xiex jaqra. Ġeneru għal qalb ħafna tal-Maltin huwa l-ktieb li jittratta dwar lokalitajiet differenti, u dan f’rabta mal-kuxjenza dejjem tikber li l-gżejjer tagħna, għalkemm żgħar fid-daqs, huma sinjuri bil-bosta f’rabta mal-istorja u l-kultura.

Quddiemi għandi tliet pubblikazzjonijiet reċenti. L-ewwel ktieb jismu Agħraf Wirt ir-Raħal Tiegħek ta’ John Saré (2009), u maħruġ minn Din l-Art

Ħelwa bil-għajnuna tal-HSBC Cares for Malta’s Heritage Fund. Huwa ktieb li jifrex fuq 261 paġna, u maqsum fi tnax-il kapitlu li jittrattaw lokalitajiet bħaż-Żurrieq, Ħaż-Żebbuġ fil-Preistorja, ir-Rabat u ġrajjietu, l-Imġarr u Niesu tal-Qedem, Is-Simblija – Ħad-Dingli, Il-Mosta maż-Żmien, Iż-Żejtun, L-Imqabba, Kirkop, Il-Qrendi, Ħ’Attard u Il-Għargħur. Kif wieħed jista’ jaqra matul il-kapitli differenti, Saré jikteb dwar dawn l-irħula differenti matul perijodi storiċi differenti bħalma huma l-Preistorja, żmien il-Puniċi, żmien ir-Rumani u oħrajn.

Fil-verità din hija pubblikazzjoni li tiġbor fiha għadd ta’ taħditiet li saru mill-awtur fil-Kunsilli Lokali tal-lokalità waqt sensiela ta’ programmi ta’ Din l-Art Ħelwa biex toħloq kuxjenza fuq il-wirt kulturali u storiku tal-lokal in kwestjoni, kif ukoll biex tgħarraf l-għanijiet tagħha, u r-restawr li wettqet fuq siti storiċi fil-Gżejjer Maltin.

Din l-Art Ħelwa ilha mdaħħla fil-Ħarsien tal-Wirt Malti sa mis-sena 1965. Matul is-snin din l-organizzazzjoni salvat bini u monumenti storiċi, knejjes żgħar, torrijiet u siti oħrajn li kienu żgur jintilfu kieku Din l-Art Ħelwa – flimkien mal-voluntiera ddedikati tagħha - ma ħaditx f’idejha r-restawr tagħhom. Għan ieħor ta’ din l-organizzazzjoni hu dak li tmexxi kampanja biex toħloq sensittività dwar il-ġmiel tal-kampanja Maltija fid-diversi forom tagħha: il-flora, il-fawna, is-sbuħija tal-irħula, il-wirt mibni. U dan kollu fi żmien diffiċli, meta l-gżejjer tagħna jinsabu f’assedju kontinwu mit-taparsi żvilupp.

Kif ikompli jikteb il-President ta’ Din l-Art Ħelwa, Martin Galea, fid-Daħla, dan “Hu ktieb li jolqot dirett il-Wirt tar-Raħal; il-bini qadim, in-nies, l-ilsien u d-djalett, postijiet ta’ interess bħall-knisja, il-każin, il-pjazza jew il-misraħ. Hu dan it-tiżwiq fl-irħula tagħna li jagħmel il-ħajja aktar interessanti.”

Agħraf Wirt ir-Raħal Tiegħek ta’ John Saré huwa pubblikazzjoni ta’ kwalità mill-aqwa u mżewwaq b’numru kbir ta’ ritratti bil-kulur li jkomplu jillustraw l-isbuħija u r-rikkezza ta’ wirt Art Twelidna.


Pubblikazzjoni interessanti ħafna oħra u ta’ kwalità għolja ġġib l-isem ta’ Il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien 1610-2010, ippubblikat mill-Parroċċa Marija Annunzjata, Ħal Tarxien (2010). Il-ktieb jifrex fuq 120 paġna, b’indiċi tal-persuni u tas-suġġetti fl-aħħar.

Dan il-ktieb jinqasam fi tliet partijiet ewlenin. L-ewwel parti tittratta dwar “L-Arkitettura tal-Knisja fis-sekli sbatax u tmintax”. It-tieni parti għandha l-isem ta’ “Analiżi Storiku-Deskrittiv tat-tiżjin fl-artali tal-knisja parrokkjali fil-mixja tas-snin”. Dawn iż-żewġ taqsimiet huma frott il-pinna u r-riċerka tal-Mons. Prof. Vincent Borg. Parti oħra hija magħmula minn 5 Appendiċi, li jagħtuna tagħrif dwar il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien f’Dokument tal-1593 (tal-Maġistrat Joseph Cassar); dwar l-Isqof Tumas Gargallo (1578-1614), ta’ Joseph A. Farrugia; Talba u digriet biex tinbena l-knisja, ta’ Joseph G. DeBono; Xogħol Skulturali fil-Knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien, ta’ Dr. John Debono; u aktar tagħrif dwar il-knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien, ta’ Joseph G. DeBono.

Kif jgħid il-Mons. Prof. Vincent Borg fil-Kelmtejn Qabel, l-istudji tiegħu huma “riżultat ta’ analiżi metodika ta’ dak li jinsab miġbur u miktub, l-ewwelnett, fir-rapporti tal-Viżti Pastorali li saru lil din il-parroċċa matul is-sekli sbatax u tmintax.” Ikompli jikteb hekk: “Ma’ dawn inżid ukoll dokumenti oħrajn li sibt kemm fl-Arkivju tal-Parroċċa nnifisha, b’mod speċjali, il-kotba tal-prokura tal-knisja, kif ukoll oħrajn li ltqajt magħhom fl-Arkivju tal-Kurja.”

Il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien 1610-2010 huwa mżewwaq b’numru sabiħ ta’ pjanti, ritratti b/w u anki bil-kulur, u anki b’poeżija bl-isem ta’ Il-Knisja tar-Raħal, mill-pinna ta’ Alfred Massa, President tal-Għaqda Poeti Maltin.

It-tielet pubblikazzjoni li għandi quddiemi hija Xbihat Qaddisa fit-Toroq tal-Isla ta’ Fabian Mangion (2010), pubblikazzjoni tal-istess awtur, u li tifrex fuq 71 paġna. Is-sottotitlu għal dan il-ktieb huwa “Ġabra ta’ Tagħrif dwar in-Niċeċ u l-Istatwi li naraw fit-Toroq ta’ din il-Belt.” Dwar l-awtur, il-Profs. Stanley Fiorini (anki hu iben il-Belt Senglea) jikteb hekk: “Fabian Mangion, wild l-Isla, li għandu ferm għal qalbu l-ġid, il-ġieħ u l-ġrajja ta’ din il-belt – ġrajja minsuġa b’mod l-aktar sfiq mal-ħajja Nisranija li għaddewlna missirijietna – b’ħerqa żagħżugħa jdomm l-għarfien li waslilna sal-lum dwar in-niċeċ u l-istatwi, familjari u inqas familjari, ħafna minnhom ta’ valur artistiku għoli, li kollha flimkien jinsġu verità waħda: ix-xhieda tat-twemmin ferventi li ta’ qabilna riedu jgħaddulna.”

Xbihat Qaddisa fit-Toroq tal-Isla huwa tip ta’ vademecum miktub b’mod mexxej u ċar, li jista’ jinġarr fil-but biex dak li jkun, meta jasal l-Isla joħorġu u filwaqt li jaqrah bil-mod il-mod, jiskopri x-xbihat qaddisa, in-niċeċ u l-iskrizzjonijiet diversi li hemm imxerrdin ma’ din il-belt storika. Hu ktieb li jinqasam f’ħames partijiet: 1. Xbihat f’Ġieħ Marija Addolorata; 2. Il-Madonna tan- Nofs u Xbihat oħra tal-Madonna; 3. In-Niċċa tan-Nattività tal-Madonna u oħrajn żgħar iddedikati lill-Madonna; 4. L-Istatwa ta’ San Mikiel Arkanġlu u Xbihat ta’ Qaddisin oħra; 5. Il-Kurċifiss tal-Ponta. Din il-pubblikazzjoni għandha wkoll Biblijografija u Glossarju, u hija mżewqa b’numru sabiħ ta’ ritratti b/w. Interessanti u siewja hija anki d-Daħla tal-istess awtur, fejn juri l-imħabba u l-interess ġenwini li għandu lejn L-Isla.

Ktieb bħal dan faċilment seta’ ġie ppubblikat mill-Kunsill Lokali ta’ L-Isla għax ma jagħmel xejn ħlief ġieħ lil-lokal. Tkun inizzjattiva sabiħa u utli kieku l-istess Kunsill Lokali jieħu f’idejh il-pubblikazzjoni tal-istess ktieb ta’ Fabian Mangion, imma din id-darba maqlub għal ilsna bħall-Ingliż, it-Taljan u oħrajn, biex it-tagħrif siewi li ġabar b’imħabba u b’dedikazjoni l-awtur żagħżugħ jitgawda wkoll mill-barrani u fl-istess waqt it-turist isir jaf dejjem aħjar belt oħra għanja ferm mil-lat storiku, artistiku u kulturali.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment