Monday, November 15, 2010

Bellus u Bizzilla (KKM, 2008) ta’ Lina Brockdorff

Il-karriera bħala kittieba ta’ xogħlijiet ippubblikati ta’ Lina Brockdorff bdiet fl-1974 bir-rumanz Kien Kwinta l-Qamar (ippubblikat mill-ġdid fl-2008). Fl-2004 ippubblikat Sireni u Serenati, filwaqt li fis-sena 2007 ippubblikat il-ġabra ta’ stejjer Il-Bieb Numru 11. Bellus u Bizzilla huwa ġabra ġdida ta’ 27 rakkont li jifirxu fuq 189 paġna. Għandu kumment kritiku mill-Prof. Joe Friggieri.

Stil

In ġenerali dawk ta’ Lina Brockdorff huma rakkonti li mhumiex twal ħafna u għalhekk ma jgħejjewx lill-qarrej. Id-deskrizzjoni u l-ħakma fuq l-ilsien Malti huma mill-aqwa. Eżempju wieħed huwa silta mir-rakkont Imriewaħ tal-Palm:

“Maż-żarżir tal-qanpiena elettrika, il-ġnien u l-bitħa tal-iskola, li sa ftit qabel jidhru kwieti u bla ħajja, jimtlew bit-tfal u bl-istorbju. Qisha bħal xmara ta’ tfal lebsin l-ikħal tfur f’daqqa u fi ftit sekondi dak il-lewn ikħal jiksi l-inħawi ta’ mad-dawra. Geġwiġija ta’ ilħna, tħaxwix ta’ boroż ta’ karti u plastik li minnhom toħroġ il-kisra ħobż li tkun ilha tittanta ’l-istudenti tul il-lezzjonijiet ta’ qabel.

Wara ftit sekondi dik il-formazzjoni ta’ eżodu tinbidel u minnha jinqatgħu għal rashom bħal għadajjar, gruppi żgħar u oħrajn akbar. L-għagħa u l-konfużjoni jonqsu sa ma terġa’ ssemma’ leħinha l-qaniena u bil-lajma kollha l-għadajjar jerġgħu fi ħdan ix-xmara għal ġol-bieb tal-iskola.” (p. 107)

F’silta daqshekk qasira għandna mill-inqas mekkaniżmi bħall-appell għas-sensi (tas-smigħ, tal-vista), il-kliem onomatopejku (“żarżir”, “tħaxwix”), is-similitudnijiet (“bħal xmara”, “bħal għadajjar”), l-aspett kromatiku (ir-referenza għall-kulur ikħal) u l-metafora (is-serbut ta’ tfal deħlin fil-bieb tal-iskola bħala xmara).

Dwar il-lessiku li tuża Brockdorff jolqtu kelmiet bħal “galbati”, “diksata”, “labra tal-gamew”, “tal-‘bonton’”, “magna tar-rifs”, “pulikarja” u “tabbraċċa”, li nsibu mferrxin matul ir-rakkonti tagħha. Kollha b’xi mod jew ieħor jistgħu jintrabtu ma’ dinja li għadda ż-żmien tagħha.

L-aspett psikoloġiku flimkien mad-diskors dirett jagħmlu għadd ta’ rakkonti mexxejja (ara Qisu lbieraħ). Mhemmx tqanżiħ u lanqas oxxenitajiet fil-lingwaġġ ta’ Brockdorff. Il-livell deskrittiv u l-analiżi ta’ x’inhu għaddej fil-moħħ huma b’saħħithom ħafna (ara Nieżla x-Xita). Iżda xorta waħda l-kitba ta’ Brockdorff ximindaqqiet tħallik inċert u miklub għal x’inhu jseħħ fil-verità (ara Riħa ta’ Sagristija). Hija wkoll karatteristika tal-kitba ta’ Brockdorff li t-tmiem ta’ xi rakkonti tħallih bħal miftuħ biex il-qarrej ikompli jaħseb dwar kif setgħet tkompli l-istorja, fosthom Nixtieq Nerġa’ Narak Frankie!

Xi drabi niltaqgħu mat-teknika tar-rakkont ġor-rakkont, innarrat mill-personaġġi stess. Spiss it-tmiem tar-rakkonti tagħha huwa feliċi (ara Mhux l-Iben il-Ħali, Xħin Iwarrab is-Sħab, “X’nagħmel mingħajru?”, u Imriewaħ tal-Palm).

F’Is-Siġra tat-Tin naraw li Brockdorff kapaċi toħloq ħsieb poetiku f’għamla ta’ proża, anki billi tispira ruħha minn werqa niexfa li fl-aħħar tinqata’ minn mas-siġra. Hawn ir-rakkont jiftaħ, jieħu dimensjonijiet akbar u tidħol il-flashback: il-ġrajja tal-gwerra u dik ta’ żewġ maħbubin żgħażagħ. Ifakkar xi ftit fir-rakkont Romeo u Ġuljetta ta’ William Shakespeare. Il-poetiku/metaforiku fil-proża ta’ Brockdorff jidher ukoll f’Nieżla x-Xita. It-teknika tal-flashback titħaddem anki f’Meta l-Orgni ma Daqqx, f’”Ħalluli l-Bieb Imbexxaq!”, u f’Niġi Minnha (f’rabta mat-tiġrib li l-bniedem jgħaddi minnu).

Hemm rakkonti li jtulu fiżikament disa’ paġni, imma temporalment jifirxu fuq bosta snin (ara Petali Bojod u Lelà). Hawn naraw ukoll il-livell simboliku fejn ir-rebbiegħa tinftiehem bħala l-istaġun tat-tama u tas-sejba mill-ġdid tal-imħabba. F’rakkonti oħra, bħal f’Meta Taqa’ l-Maskra, Brockdorff tintroduċi anti-climax effettiv ħafna proprju fl-aħħar linja tar-rakkont. Drabi oħra, in-narratriċi tindirizza direttament lill-qarrej bħal fi Ħriġt Nagħmel ix-Xirja.

Għad-Dell tal-Muntanji huwa rakkont li huwa mibni tajjeb ferm mil-lat ritmiku. Brockdorff talterna waqtiet ta’ riflessjoni ma’ oħrajn ta’ azzjoni li taqtagħlek nifsek. Anki hawn titħaddem il-flashback. Iżda jista’ jinħass li rakkont qasir bħal Il-Libsa tat-Tieġ mhux adatt biex jagħlaq ġabra ta’ rakkonti bħal Bellus u Bizzilla. Dan għax ritmikament jinħass għajjien u huwa nieqes minn bosta aspetti li nħassu b’saħħithom f’rakkonti oħra ta’ Brockdorff.

Tematika

Lina Brockdorff tippreżenta l-bniedem tad-demm u l-laħam li jweġġa’, jagħmel l-iżbalji, il-bniedem imġarrab, imma li jibqa’ dejjem ħolqien ta’ emozzjonijiet. Waħda mit-temi rikurrenti hija l-imħabba vera, dik li tissejjes fuq is-sagrifiċċju personali u anki s-sabar, u għalhekk tiġi ppremjata. Żerniq huwa dwar l-ulied bħala teżor li għandna napprezzaw; anki “X’nagħmel mingħajru?” jittratta l-familja, l-ulied, l-imħabba u l-vojt li jħallu warajhom dawk li nkunu ħabbejna u telqu qabilna. Dwar l-imħabba Brockdorff tikteb hekk f’Għad-Dell tal-Muntanji:

“... l-imħabba taċċetta u tabbraċċa kollox: kemm il-perfett u kemm dak li mhux għal kollox perfett għax l-imħabba vera tfisser li tħobb mingħajr kundizzjoni.”

Anki f’Il-Qalb Tgħix biss bl-Imħabba Brockdorff tfakkarna li apparti l-vojt fid-dar hemm vojt ħafna ikbar: dak tal-qalb, l-aktar meta persuna tinfired minn xi ħadd li tkun tħobb. Dan l-istess vojt jista’ jimtela bl-istess imħabba, imma din id-darba b’dik li wieħed jagħti lil ħaddieħor u mhux jirċievi.

Tema oħra li tirrikorri hija l-emigrazzjoni. F’Riħa ta’ Sagristija niltaqgħu mal-emigrant li jitbiegħed mill-kultura reliġjuża lokali, u għalhekk meta jirritorna Malta jħossu bejn żewġ forzi: “jistmell it-talb li jfakkru fit-twemmin, imma fl-istess ħin xenqa qawwija li jerġa’ jsib lilu ta’ qabel.” Il-konverżjoni ssir ħaġa waħda mal-biża’ tal-istqarrija tal-imħabba għal soru. Rakkont simili huwa Petali Bojod u Lelà, fejn Brockdorff tittratta l-imħabba u t-tradiment, il-ħarba lejn pajjiż barrani u r-ritorn lejn il-patrija, ir-rikonċiljazzjoni u l-maħfra. L-Awstralja u l-Maltin emigranti jissemmew ukoll f’Mhux l-Iben il-Ħali.

Hemm ukoll temi soċjali bħad-droga u t-traġedja li ġġib magħha (ara Forsi xi Darba Jisbaħ!), il-faqar u l-vjolenza domestika (ara “Ħalluli l-Bieb Imbexxaq!”) u ż-żwieġ fi kriżi (ara Petali Bojod u Lelà). Il-livell soċjali jidher xi ftit jew wisq anki f’L-Imbierka Trajsikil – Brockdorff titlaq mit-tfal biex ftit wara tiffoka fuq it-tifkiriet ta’ żewġt iħbieb antiki li ilhom ma jaraw lil xulxin żmien twil. Jaħkmu n-nostalġija u fl-istess waqt it-tfakkira li l-bniedem u d-dinja nbidlu qatigħ, inkluża Malta. It-tifkira hija tema oħra importanti fil-kitbiet ta’ Brockdorff. Din terġa’ taħkem f’Nixtieq Nerġa’ Narak Frankie! Anki hawnhekk naqraw dwar iż-żewġ forzi li jiddominaw fil-ħajja tal-bniedem: l-imħabba (l-eros) u l-mewt (it-thanatos). Bħal feniċi, mill-irmied terġa’ tikber iż-żerriegħa tal-imħabba.

It-tfal nerġgħu naqraw dwarhom fi Xħin Iwarrab is-Sħab: hawn, mara li għamlet suċċess fl-Awstralja, wara snin twal terġa’ lura Malta biex tfittex lil dik bintha li kienet abbandunata minħabba diżabbiltà fiżika. L-adozzjoni u d-diżabbiltà fiżika nerġgħu naqraw dwarhom f’Miċ-Ċpar tal-Imgħoddi. Anki hawn Brockdorf tittratta t-temi favuriti tagħha: il-familja u l-imħabba, u torbothom ma’ tmiem hieni. It-tema tad-diżabbiltà terġa’ tixref f’Għad-Dell tal-Muntanji. Min-naħa l-oħra, Imriewaħ tal-Palm huwa rakkont dwar il-bniedem bħala attur bil-maskri tiegħu, u l-ħajja bħala farsa.

Ambjentazzjoni u personaġġi

Lina Brockdorff tambjenta r-rakkonti tagħha fi spazji differenti. F’Forsi xi darba jisbaħ! hu rakkont li jiġi ambjentat f’raħal żgħir. Niltaqgħu ma’ Dun Manwel u l-ambizzjoni ta’ iben xi ftit imwarrab minn ommu biex jipprova li anki hu jiswa. Naraw li anki qassis xi drabi jkollu jagħmel dak li ma jkunx jixtieq u dan iġegħlu jħossu ħati. Għalhekk il-missjoni tinftiehem bħala ħarba mir-realtà.

Ambjent ieħor huwa l-isptar, mifhum bħala kenn mid-“dinja iebsa” ta’ barra (ara “Għalissa m’għandix ħin...”). Jissemma wkoll Wied il-Għajn. Hawn Brockdorff tittratta l-bniedem xi darba b’saħħtu li fil-preżent jinsab b’diżabbiltà fiżika. F’dan il-każ il-bniedem jinsab imdendel bejn il-preżent (kriżi), l-imgħoddi (hena u kenn) u l-ġejjieni (inċertezza). Huwa l-bniedem li jinduna kemm huwa vulnerabbli biss meta jintlaqat mid-diżgrazzja. Anki “Ħalluli l-Bieb Imbexxaq!” huwa ambjentat fl-isptar ta’ San Luqa. Hawn iben u omm isibu lil xulxin wara erbgħajn sena ta’ firda. Meta Taqa’ l-Maskra huwa ambjentat fi klinika u jirrakkonta l-każ ta’ omm tfajla li tinqabad tqila qabel iż-żwieġ.

Post ieħor maħbub mal-Maltin huwa Għar id-Dud li fih huwa ambjentat L-imbierka trajsikil. Jissemma wkoll ix-Chalet. Miċ-Ċpar tal-Imgħoddi hija ambjentata f’San Pawl tat-Tarġa, fejn hemm il-qasab, il-pal tal-bajtar u l-wied tipikament Malti. L-azzjoni sseħħ ġo villa f’famlja tal-klassi l-għolja waqt ikla.

F’għadd ta’ rakkonti ta’ Brockdorff tissemma l-Awstrajla bħala dik l-art li laqgħet bosta Maltin li kienu qegħdin ifittxu xogħol u ġejjieni aħjar (Mhux l-Iben il-Ħali, Xħin Iwarrab is-Sħab). Min-naħa l-oħra, Imriewaħ tal-Palm huwa ambjentat ġo ristorant f’Londra. Ambjenti oħrajn huma dawk tal-iskola, B’Kara u l-Għorgħar. Mela fl-istess rakkont Brockdorff torbot żewġ ambjenti daqshekk kuntrastanti bħalma huma l-metropoli u r-raħal ċkejken. Mhux biss: fuq naħa tlaqqagħna mad-dinja tal-adulti, u fuq l-oħra ma’ dik tat-tfulija (anki dawn it-tnejn jiltaqgħu b’xi mod). Dan il-kuntrast bejn ftuħ (li toffri l-emigrazzjoni lejn l-Awstrajla, li tfisser firda) u għeluq (iċ-ċokon tar-raħal, li jfisser kenn) nerġgħu narawh f’Il-Pumi tal-Bieb ta’ Barra. L-ambjent tal-iskola nerġgħu niltaqgħu miegħu f’Ġiżirana tal-Ġawhar, fejn tifel f’siġġu tar-roti li jitlef lil ommu, isib l-imħabba ta’ għalliema tiegħu. Brockdorff twassal b’mod effettiv it-tiġrib ġewwieni flimkien mal-kunflitti tal- personaġġi li toħloq.

Il-ftuħ u l-għeluq jidhru wkoll f’Għad-Dell tal-Muntanji fejn l-azzjoni sseħħ x’imkien fid-Dolomiti, imma anki fi sptar u waqt titjira f’ajruplan.

Spazju ieħor huwa ċ-ċimiterju f’Min kienet Emilie? L-għeluq huwa sinonimu tas-seksik u l-preġudizzji li jinħolqu minħabba l-injoranza. Fuq in-naħa l-oħra jispikkaw il-ġenerożità u s-skiet tas-sur Turu. Hemm ukoll is-supermarket, bħal fir-rakkont Ħriġt Nagħmel ix-Xirja. Brockdorff tispira ruħha minn laqgħa każwali bejn żewġ romol (raġel u mara), li tinbidel f’relazzjoni u li ’l quddiem tiżviluppa fi żwieġ. Hekk l-awtriċi turina li l-imħabba m’għandhiex età.

Għeluq

Fir-rakkont Xħin Iwarrab is-Sħab Lina Brockdorff tirreferi għall-“ħsieb li jittorturak” u li ma jħallikx bi kwietek. Forsi waħda mis-soluzzjonijiet kontra dan hija l-kitba kreattiva? L-awtriċi jirnexxilha wkoll tagħmel proprju dan permezz ta’ din id-damma ta’ 27 rakkont, bħalma jirnexxilha turina wkoll “li fil-ħajja tar-realtà jista’ xi drabi jiġru affarijiet bħal tal-ħrejjef”, kif tikteb f’Imriewaħ tal-Palm.

Nagħlaq bi kliem Brockdorff stess fil-“Kelmtejn mal-Qarrej” dwar il-bniedem, kliem li jgħinna nifhmu wkoll għaliex l-għażla tat-titlu tal-ġabra tagħha:

“... [il-bniedem] għadu jibki meta muġugħ bid-daqqiet ta’ ħarta tal-inġustizzja, jingħi meta ma jsibx x’jiekol u jokrob għall-imħabba.

Id-dehra ta’ libsitu ma tagħti l-ebda ħjiel ta’ għemilu, ta’ kulma hemm f’qalbu fejn jista’ jkollu ħażna ta’ rieda tajba inkella bejta t’għelt u egoiżmu... Ukoll jekk inkunu lebsin jeans aħrax u ordinarju, allura b’kull dritt inkunu nobbli u sinjuri, l-istess jew aħjar minn dawk li kienu jinksew bil-Bellus u l-Bizzilla!”

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment