Monday, November 15, 2010

Of Cloves and Bitter Almonds ta’ Lou Drofenik (2007)

STRUTTURA U MEKKANIŻMI STILISTIĊI:

Of Cloves and Bitter Almonds huwa rumanz li jinqasam f’ħames partijiet. Bejn il-partijiet insibu tmien interventi min-naħa ta’ min qed jikteb, “The Scrivener”. Fl-ewwel parti insibu tip ta’ introduzzjoni li tlaqqagħna ma’ dar f’Birkirkara lejn il-bidu tas-seklu 20. Hawn jissemmew in-nanniet tan-narratriċi, Sylvia, li huma Rafel Scicluna u Anni Bugeja. Imbagħad hemm parti oħra (fi ħdan l-istess l-ewwel parti), ambjentata fit-tieni nofs tas-seklu 20, fejn in-narratriċi tirrakkonta l-emigrazzjoni tagħha lejn l-Awstralja. It-tieni, it-tielet u r-raba’ partijiet huma ambjentati f’Birkirkara tas-seklu 9, meta Malta kienet taħt il-ħakma Aglabita. Il-ħames parti tittratta ġrajjiet li jseħħu f’Wied Imsaldin (B’Kara) fis-seklu 15, meta l-Maltin kienu taħt il-ħakma ta’ l-Aragoniżi u ta’ Monroj.

Matul ir-rumanz hemm żewġ livelli li jimxu l-ħin kollu id f’id flimkien: il-partijiet mistħajla (mela maħluqa u frott il-fantasija ta’ Drofenik) jalternaw ma’ partijiet li jitfgħu dawl fuq l-iStorja, l-amministrazjoni u aspetti oħra li kienu jeżistu fir-realta`. Lejn l-aħħar parti tar-rumanz ir-rakkont jitbiegħed minn dak ewlieni u jiffoka fuq Malta fi żmien il-fewdaliżmu (l-Aragoniżi u seklu 15), biex imbagħad ir-rakkont mistħajjel jintrabat b’aktar saħħa ma’ dak storiku-reali. Għalhekk dak li għaddew minnu l-Maltin fis-seklu 15 jingħata permezz tad-djalogar bejn Stella u Ġianni.

Matul ir-rumanz għandna xi waqtiet fejn min qed jikteb/jinnarra jmur lura għall-bidu tar-rakkont b’referenzi għall-muniti li Sylvia darba sabet fil-ġnien tad-dar f’B’Kara u l-iskrizzjoni Aglabita (p.95, p.110). Imbagħad lejn l-aħħar tar-rumanz r-rakkont jerġa’ lura għall-bidu, jiġifieri għan-nanniet ta’ Sylvia, Rafel Scicluna u Anni Bugeja. U dan kollu biex il-qarrej jifhem li issa t-taħblila tal-misteru wara r-rakkont bħal donnha ssolviet u nstabu t-truf kollha tal-kobba.

Għaliex il-partijiet intitolati “The Scrivener”?

Fil-bidu l-qarrej jiġi mgħarraf dwar dak kollu li se jiltaqa’ miegħu fir-rumanz li se jaqra. Dawn huma partijiet fejn Sylvia, dik li qed tikteb, tinsab fl-Awstralja fiż-żmien preżenti, imma tikteb dwar żminijiet imgħoddija, fosthom anki B’Kara ta’ 40 sena qabel meta kienet għadha tifla. Se jkun rumanz li jinnarra l-istejjer ta’ nisa differenti, kollha mġarrbin u marbutin ma’ dil-gżira f’nofs il-Mediterran. U dan kollu mwassal minn mara “eżiljata” għal snin twal u li toqgħod fuq il-quċċata ta’ muntanja f’art li saħħritha (l-Awstralja), u li spiss tħossha mbiegħda wisq mir-realta` Maltija kemm temporalment, kif ukoll spazjalment. Dan perÅ jippermettilha “tħares” lejn Malta u l-Maltin minn barra u b’hekk tifforma stampa analitika u oġġettiva (sa ċertu punt) li tinkludi wkoll ħwejjeġ li ma jogħġbuhiex.

F’partijiet bħal dawn niġu wkoll wiċċ imb wiċċ mal-istess proċess tal-kitba fis-seħħ. Hawnhekk il-qarrej jiġi mfakkar li Of Cloves and Bitter Almonds hu rumanz li jittratta distanzi kemm spazjali (Malta-Awstralja, b’kumbinazzjoni t-tnejn gżejjer!), kif ukoll temporali (preżent u passati differenti). Dawn huma partijiet li jistgħu jservu wkoll ta’ pont bejn epoka u oħra, bejn ġenerazzjonijiet ta’ nisa differenti. Importanti huwa r-rwol ta’ l-ilħna mill-imgħoddi li jistigaw lil Sylvia biex tikteb u tfittex il-misteru li hemm moħbi wara d-dar ta’ B’Kara. Infatti Sylvia temfasizza l-bżonn li tispiċċa dak li bdiet. “The Scriviner” huwa spazju fejn jiġu mqiegħda wkoll numru ta’ mistoqsijiet: ta’ min huma l-iskeletri li nstabu fil-ġnien tad-dar ta’ B’Kara? Min hija Stella Bonanno? Għalhekk dawn huma partijiet li jservu wkoll bħala element ta’ kontinwita` bejn parti u oħra jew kapitlu u ieħor tar-rumanz.

Huwa fl-aħħar intervent ta’ “The Scrivener” fejn naqraw li l-kitba hija, “Searching to find the absolute truth...” Imma mbagħad jingħad ukoll li l-verita` għandha wċuħ differenti, u hu hawn fejn jidħol l-element ta’ l-ambigwita` u ta’ l-interpretazzjoni. F’dan l-aħħar intervent il-qarrej ikun wasal għal tip ta’ kjarifikazzjoni (imma li tibqa’ parzjali) fejn jidħlu l-misteri wara d-dar ta’ B’Kara – li kellha l-fama li fiha hemm il-ħares -, misteri marbutin ma’ tliet nisa differenti: Dhabab (Seklu 9), Stella (Seklu 15) u Tessie (Seklu 20). Il-mistoqsijiet li jixirfu hawn huma, “What is their destiny? What is the truth and who is its keeper?” Huwa żgur li l-awtriċi hawn xtaqet lill-qarrej li jerġa’ jgħaddi l-istejjer differenti li qara u jistaqsi anki huwa għadd ta’ mistoqsijiet. Wara kollox rumanz tajjeb huwa dak li jħallik tistaqsi u tirrifletti anki wara li tkun spiċċajt taqrah.

Fit-tmiem jerġa’ jintuża mekkaniżmu stilistiku ieħor frekwenti f’dar-rumanz, l-ittra. Huwa hawnhekk fejn Sylvia bħal tirrikonċilja lilha nnifisha ma’ l-imgħoddi.

Riferimenti kontinwi għaż-żmien għaddej

Inħoss li element ieħor marbut ma’ l-istruttura tar-rumanz huma r-referenzi kontinwi għaż-żmien għaddej, anki permezz ta’ l-istaġuni, l-aktar ir-rebbiegħa li spiss taħdem bħala l-ħolqa li torbot parti ma’ oħra tar-rumanz. Referenzi temporali oħra nsibuhom mferrxin matul ir-rumanz kollu: “October arrived...”, “November came...”, “June is beautiful in Wied Imsaldin and perhaps the June of 1428...”, u “Sabiħa is now in her fifth year.” Anki l-istess titli ta’ xi kapitli jirreferu għas-sena bħal “The Year 871 CE”, “Birgu 29th August 870”, “August 886 CE” (mela 16-il sena wara), “The Year 1421 CE”. Dan ta’ l-aħħar huwa mekkaniżmu li tħobb tuża ħafna fir-rumanzi awtobijografiċi tagħha l-kittieba Ċilena, Isabel Allende. Hemm imbagħad waqt fir-rumanz fejn żewġ paragrafi sintetiċi ħafna jinnarraw ġrajjiet ta’ seba’ snin sħaħ! (p. 93)

Il-livell deskrittiv u l-idjoma Maltija

Inħoss li wieħed mill-preġji ta’ rumanz bħal dan huwa l-livell deskrittiv li f’xi waqtiet jintrabat ukoll ma’ l-użu ta’ l-idjoma u ta’ l-ilsien Malti ġewwa xogħol miktub bl-Ingliż immirat mela anki għal qarrejja li lil Malta ma jafuhiex u lanqas l-ilsien Malti. Spiss id-deskrizzjoni tissaħħaħ ferm permezz tar-riferimenti għas-sensi bħall-ħsejjes, l-irwejjaħ u l-kuluri ta’ l-ambjent li jkun qed jiġi deskritt (bħal belt ġdida jew l-isbuħija naturali tal-post matul l-istaġuni), imma anki b’referenzi għall-fawna lokali-Awstraljana bħal “kangaroos”, “currawongs”, “lyrebird”, “red bellied snake”, “wallaby” u “wombat”. Id-deskrizzjonijiet tal-pajsaġġ rurali Malti ximindaqqiet jikseb mill-poetiku u min-nostalġiku, filwaqt li l-aspett kromatiku jagħti laqta pittoreska lil-livell narrattiv. Id-deskrizzjonijiet jintrabtu wkoll ma’ l-ikel tal-imgħoddi, dettalji arkitettoniċi, u aspetti marbutin mal-liġi, l-infrastruttura u s-sigurta`. Jinħass sewwa l-fatt li l-awtriċi għamlet riċerki dettaljati dwar l-epoki storiċi li ttrattat fir-rumanz.

Il-kliem bil-Malti (“ġibjun”, “kerrejja”, “kurpett”, “musbieħ”, “kenur”, “Sabiħa”, “ħabaq”) jintuża mill-bidu nett. Insibu wkoll il-laqmijiet (“Ix-Xummiema”, “Ta’ sormom ċatt”, “Il-Mistħi”, “in-Niexef”), l-idjomi jew il-qwiel (“ħallata ballata”, “Il-baħar żaqqu ratba u rasu iebsa”, “ajma ma”, “Kerha fin-nieqa sabiħa fit-tieqa”) u anki xi ismijiet ta’ ħut (“Għarusa”, “Lhudi”, “Żabri”, “Kaħli”, “Xilep”) li jgħixu max-xtut Maltin. Dawn kollha jagħtu lir-rumanz laqta aktar awtentika.

IT-TEMATIKA U AMBJENTAZZJONI

Of Clover and Bitter Almonds hu rumanz li jinnarra storja ta’ xogħol iebes, ta’ passjoni u dedikazzjoni, fi gżira minuskola fejn jaħkmu s-superstizzjonijiet. Huwa wkoll rumanz li jibbaża ruħu fuq għadd ta’ temi bħalma huma l-familja, l-emanċipazzjoni tal-mara u l-moviment femminista, l-qgħad u l-emigrazzjoni, ix-xjuħija u l-mewt, il-vjaġġ, it-twemmin u l-biża’ mill-ispirti ħżiena. Hu wkoll xogħol li jittratta waqtiet differenti mill-ħajja: imħabba, mibegħda, twelid u mewt, uġigħ il-qalb, ferħ, abbundanza, theddid, tama u biża’.

Il-familja (spiss dik estiża, bħall-familja li għexet fiha Sylvia jew dik ta’ Lola u Wistin, flimkien ma’ wliedhom, Indri u Tumas, jew il-familja tat-Tabib Musulman tas-seklu 9, jew dik ta’ Menzju, martu u ż-żewġt ibniet Stella u Rużann Bonanno) niltaqgħu magħha sa mill-bidunett. Imma hija familja li bil-wasla taż-żminijiet moderni titnaqqa’ minħabba raġunijiet differenti bħalma huma l-emigrazzjoni, il-firda politika, l-emanċipazzjoni tal-mara, anki l-mewt. Fl-imgħoddi kienet titnaqqa’ minħabba theddid mill-għadu, jew minħabba għajbien f’daqqa ta’ ċerti persuni, jew minħabba mard u mewt.

It-tema tal-emanċipazzjoni tal-mara narawha permezz ta’ personaġġi bħaz-zija Esther (reminixxenza tal-motto “make love not war”), u l-istess Sylvia li l-ewwel tfittex indipendenza minn missierha (billi tiżżewweġ u temigra) u wara minn żewġha (billi tagħżel li tibqa’ l-Awstralja ma tinżilx lura Malta ma’ żewġha). U dan bla ma ninsew kliem Ġianni Farrugia fis-seklu 15 li jgħid, “A woman... is like a donkey, a rope tied qround her neck to go any which way her husband wants her to go, to do his bidding.”

It-tema ta’ l-emigrazzjoni tmur id f’id mal-isfond storiku marbut mal-bidu tat-tieni nofs tas-seklu 20, żmien ta’ bidliet kbar u ta’ tranżizzjoni. Il-partijiet li jirreferu għas-snin ħamsin, sittin u sebgħin, b’dak kollu li ġabu magħhom (Indipendenza, Interdett, premjijiet u kastigi ta’ natura politika, id-differenza bejn il-klassijiet soċjali, l-isfruttament tal-art imma anki ta’ opportunitajiet ta’ natura kummerċjali għal skopijiet ta’ profitt personali), żgur li jinteressaw ħafna lil qarrejja barranin.

Partijiet storiċi li jinteressaw żgur li min mhux midħla daqstant ta’ Malta huma dawk li jittrattaw Malta taħt il-ħakma Aglabita (żmien ta’ paċi, armonija, tolleranza, żvilupp u prosperita`, għall-popolazzjoni magħmula minn Insara, Musulmani u Lhud); u żmien is-seklu 15, mela Malta taħt ir-Re Alfons, il-piż tat-taxxi fuq il-bdiewa Maltin, il-ġrajja ta’ Malta mibjugħa lil Monroj, is-sagrifiċċji li l-popolazzjoni Maltija għamlet biex tixtri lura lil art twelidha, u t-theddida mit-Tork meqjusa bħala kalamita`.

It-tema tal-vjaġġ tista’ tħares lejha minn perspettivi differenti. Hemm il-vjaġġ fiżiku-spazjali marbut mal-emigrazzjoni, vjaġġ twil, li kien jeħtieġ kuraġġ u sagrifiċċju min-naħa ta’ min jiddeċiedi li jidħol għalih, vjaġġ li dak li jkun ma kienx jaf eżattament fejn se jieħdu. Hemm ukoll il-vjaġġ tal-mara u l-kisba tad-drittijiet tagħha matul iż-żminijiet. Anki dan kien vjaġġ li ra bosta sagrifiċċji, tbatijiet u abbużi. Imma fuq kollox hemm il-vjaġġ fil-memorja li tagħmel Sylvia stess hi u tikteb, vjaġġ ta’ tiftix għall-għeruq, u vjaġġ ta’ tiftixa ġewwa nnifisha biex tagħraf aktar hi min hi.

Hemm imbagħad ċerti mudelli arketipiċi li jintrabtu mal-gżejjer Maltin bħalma huma s-siġra tal-lewż, il-baħar, ir-riħ tramuntana, imma anki l-ġibjun, li minkejja d-distanza spazjali u temporali li tifred lil Malta mill-Awstralja, xorta waħda jibqgħu stampati solidi f’moħħ l-awtriċi u b’hekk jissemmew aktar minn darba fir-rumanz.

Bħala ambjenti spazjali mbagħad għandna lil Malta fil-preżent u f’epoki imgħoddija differenti, lill-Awstrajla (minn fejn Sylvia qed tikteb) u anki l-Ingilterra (fejn Esther tmur tgħix għal xi snin). Joħroġ għalhekk il-kuntrast bejn l-għeluq spazjali u mentali ta’ Malta maskilista (fejn in-nies tedha bit-tqasqis li jingħad dwar il-ġirien, bil-politika partiġġjana u bis-superstizzjonijiet), u l-ftuħ ta’ gżira-kontinent bħalma hija l-Awstralja, b’sistema edukattiva fejn l-istudent jiġi mgħallem kif jistaqsi u jkun kritiku, jesprimi ruħu, u fejn teżisti popolazzjoni multikulturali (xi ħaġa simili għal Malta taħt l-Aglabiti) bbażata fuq il-liberta` ta’ l-espressjoni. Hu veru li fl-Awstralja, “Money was god, Manufacturing a new age religion and Factories places of worship”, imma hu veru wkoll li l-Awstralja għal ħafna serviet bħala ħarba minn ambjent dejjaq u mimli iħirsa.

IL-PERSONAĠĠI

Dan huwa rumanz miktub minn mara b’għadd kbir ta’ personaġġi nisa. Pero` dan ma jfissirx li ma niltaqgħux ma’ personaġġi rġiel. Of Cloves and Bitter Almonds jissejjes fuq għadd ta’ personaġġi nisa ta’ ċerta saħħa u kariżma.

Lil Sylvia nsiru nafuha sa minn meta kienet tifla u aktar tard adoloxxenti. Hija dik li fl-imgħoddi kienet “tħares”, tosserva dak kollu li jkun għaddej fid-dar ta’ B’Kara. Sylvia hija wkoll il-“magħżula”, flimkien ma’ nannitha Anni, li tara liż-żewġ nisa misterjużi (iħirsa mill-imgħoddi) taħt is-siġra tal-lewż fil-ġnien. Aktar tard, meta tikber, Sylvia ssir l-“iscrivener” li tfittex fl-imgħoddi tagħha, ta’ familtha u tad-dar ta’ B’Kara, biex tiskopri t-tarf tal-kobba mħabbla.

Iz-zija Esther hija dik li tgħaddi minn fażijiet u bidliet differenti matul ħajjitha. Wara żjara qasira f’Lourdes hija tgħaddi minn żmien fejn tinża minn kull għata materjalistika u tħaddan ħajja spiritwali filwaqt li tingħalaq fiha nnifisha. Imma wara terġa’ lura għalli kienet qabel. Hija l-personaġġ femminili li jissimbolizza l-liberta` sesswali, imma anki dik li taf kif taħfen l-opportunita` (carpe diem!) u flimkien ma’ Sandy u Rocky Attard titla’ t-taraġ li jwassalha għas-suċċess materjali permezz tal-manipulazzjoni u l-isfruttament taċ-ċirkustanzi.

Fl-Awstralja Sylvia tiltaqa’ mar-Russa Claudia li tqarribha lejn il-letteratura Russa permezz ta’ Tolstoi u Turgenev, u tgħallimha kif issir indipendenti.

Hemm imbagħad Lola (seklu 9) li, b’kuraġġ u b’rieda kbar, jirnexxilha taqsam il-Port il-Kbir bil-għawm flimkien ma’ żewġha, minkejja li tqila. Marbuta mal-istess seklu naqraw ukoll dwar il-Musulmana Dhabab, mart it-Tabib. Hemm ukoll Smaira li tirrakkonta l-istorja tan-nisa differenti ta’ dan it-Tabib Musulman, u dan fi żmien meta l-mara kienet aktar meqjusa bħala oġġett jew għamara, u magna biex twelled l-ulied.

Żewġ nisa oħra ta’ ċerta saħħa jintrabtu mas-seklu 15, Stella Bonanno u l-qabla Dolor. Stella hija dik li tmexxi l-attivitajiet kollha tad-dar u tieħu ħsieb lil oħtha sempliċi, Rużann. Hija dik li timpjega lil Gianni Farrugia u aktar tard tagħżlu biex ikun il-maħbub tagħha, minkejja l-ilsien ħażin tal-ġirien. Spiss Drofenik jirnexxilha tikxef l-aktar beżgħat u xewqat mistura u intimi tad-dinja femminili bis-saħħa ta’ dan l-album ta’ personaġġi nisa mill-aktar varjat.

Jispikkaw ukoll xi personaġġi rġiel (anki huma suġġetti għal sentimenti umani u għal waqtiet ta’ dgħjufija u wġigħ il-qalb), għalkemm fuq skala inferjuri. Naqraw dwar ir-rabja u t-tbatija ta’ Albert (missier Sylvia) li ħa jitlef lil tnejn minn uliedu li se jemigraw għax missierhom mhux tat-tajjeb: “Oh it was like a death this separation, this going away, this disappearance into the unknown and the unfathomable.”

Hemm Wistin (seklu 9) li jaddotta lil tarbija li tkun tilfet lill-ġenituri tagħha wara qtil makabru u misterjuż, u t-Tabib Musulman (bniedem ta’ għerf kbir, moħħ miftuħ u ġeneruż) li jieħu taħt idejh l-edukazzjoni ta’ Tumas (l-iben l-ieħor ta’ Wistin) li juri interess fil-mediċina. Hemm ukoll Ġianni Farrugia (seklu 15), Tal-Melħ, li jitlaq mid-dar tal-ġenituri biex isib ħajja aħjar, ’il bogħod mis-sakra ta’ missieru u mit-tbatija ta’ ommu.

Ta’ min jgħid pero` li din hija biss lista parzjali tal-personaġġi li jieħdu l-ħajja f’Of Cloves and Bitter Almonds. Hemm il-personaġġi “tajbin”, bħalma hemm il-“ħżiena”. Flimkien dawk kollha jinteraġixxu biex fl-aħħar mill-aħħar Lou Drofenik toħloq ħaġa sħiħa u organizzata (dan it-tielet rumanz tagħha) li taf tagħti gost lill-qarrej tagħha, imma fl-istess ħin tistiednu jirrifletti dwar il-ħajja u l-bniedem inġenerali.

Ta’ min jispiċċa billi jgħid li Lou Drofenik kienet ir-rebbieħa tal-Kategorija Rumanzi u Novelli b’Lingwa Oħra bir-rumanz tagħha In Search of Carmen Caruana (2007) fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2008.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment