Monday, November 22, 2010

SEC Success Malti

Għajnuna għall-istudenti l-kbar tal-Malti

Id-Dar tal-Pubblikazzjoni Agius&Agius ta' Blata l-Bajda qed toħroġ seniela ta' kotba bl-isem SEC-SUĊĊESS. L-għan ta' din is-sensiela hu li tgħin lill-istudenti l-kbar tal-iskejjel sekondarji u post sekondarji f'diversi suġġetti. Ftit ilu ippubblikat ktieb dwar il-Malti; xogħol ta' Patrick Sammut.

Isem Patrick Sammut ċertament issa huwa familjari mal-istudenti tagħna. Barra milli huwa għalliem tal-Malti u tat-Taljan fil-Kulleġġ De La Salle tana numru ta' xogħlijiet marbutin mal-letteratura Maltija, speċjalment mal-poeżija. Dan ma jistax jonqos meta wieħed jiftakar li huwa l-viċi President tal-Għaqda Poeti Maltin u ilu editur tar-rivista poetika Versi għal dawn l-aħħar snin.

Għal ktieb tiegħu Sammut għażel 18-il poeta ġejjin minn eri differenti u ħa poeżija minn kull wieħed minnhom. Naturalment, dan kien pass fid-direzzjoni t-tajba għax kif wieħed jistenna l-poeżiji għandhom temi u strutturi varji. B'dan il-mod l-istudent isib għajnuna siewja biex jidra jitħarreġ fl-analiżi kritika ta' kull tip ta' poeżija, kemm jekk tkun tradizzjonali u anki moderna.

Imma biex żgur joħloq jew ikattar l-interess fl-istudenti Maltin l-awtur jibda biex jagħti tagħrif bijografiku fil-qosor tal-poeta flimkien ma' ritratti tiegħu u ta' wħud mill-kotba li ppubblika. Għax li wieħed ikun jaf min hu l-poeta u f'liema żmien għex jgħin ħafna lil dak li jkun biex jifhem aħjar xogħlijietu.

M'għandniex xi ngħidu, l-aktar taqsima importanti hija l-analiżi kritika li Sammut jinseġ tal-poeżija li jkun qed jittratta. Kif jistqarr huwa nnifsu fid-Daħla tal-ktieb, ġieli ssib studenti li jkollhom materjal siewi ħafna dwar il-poeżija, imma mbagħad isibu diffikulta' kif jużaw dak il-materjal bil-binja ta' analiżi tajba. Għalkemm l-awtur jgħid li dan il-ktieb jindirizza lill-istudenti tal-Malti fil-livell ordinarju u avvanzat, jiena nħoss li hu aktar adattat għal tat-tieni peress li fl-ordinarju l-analiżi mhix meħtieġa li tkun daqstant profonda.

Ma tonqosx paġna ta' eżerċizzju. Fil-fehma tiegħi, din għandha sservi ta' għodda tajba ħafna għall-istudenti u għall-għalliema. Lil tal-ewwel tgħinhom biex jaraw fehmux sew il-poeżija u lil tat-tieni tgħinhom biex jaraw jekk l-ispjega tagħhom ħallietx il-frott mixtieq. Anzi Sammut jissuġġerixxi biex qabel ma jduru għall-kritika nnifisha l-istudenti għandhom jitilqu mit-taqsima Mistoqsijiet li tinsab fl-aħħar paġni "biex jiffamiljarizzaw ruħhom ma' numru limitat ta' termini li żgur jgħinuhom fl-analiżi kritika tal-poeżija".

Interessanti huma s-suġġerimenti li Sammut jagħmel fil-bidu tal-ktieb. Dawn huma utli ħafna u l-istudent għandu jiftakarhom biex meta jiġi għal dan ix-xogħol ikun jaf kif għandu jimxi. Huma suġġerimenti li jgħoddu għal kull tip ta' poeżija. Ma' dawn, il-ktieb iħaddan ukoll numru ta' Mistoqsijiet Ġenerali flimkien ma' lista parzjali ta' pubblikazzjonijiet Maltin li jistgħu jgħinu aktar fl-apprezzament tal-letteratura u tal-kritika letterarja.

Kif wieħed jista' jara Patrick Sammut wettaq biċċa xogħol bil-għaqal li għandha sservi ta' gwida serja għall-istudenti fis-sitt klassi tal-Junior College u tal-iskejjel sekondarji għolja, kemm governattivi kif ukoll privati. Il-preżentazzjoni tal-ktieb hija tajba ħafna wkoll; dan kollu għandu jinstiga lill-istudenti tagħna biex japprezzaw aktar il-poeżija Maltija.

Alfred Massa

No comments:

Post a Comment