Tuesday, November 16, 2010

L-Avventuri ta’ Roderick u Gridoro ta’ Carmel G. Cauchi

(Pubblikazzjoni Merlin Library, 2001)

L-isem ta’ Carmel G. Cauchi huwa l-aktar marbut mal-kitba għat-tfal. Huwa biżżejjed li wieħed isemmi l-avventuri ta’ Mastru Gerfex u l-bosta kitbiet tiegħu fir-rivista Sagħtar, apparti pubblikazzjonijiet oħra. Dan l-aħħar Cauchi ppubblika ktieb ġdid ta’ 185 paġna bl-isem ta’ L-avventuri ta’ Roderick u Gridoro. Huwa ktieb li jidher miktub għat-tfal, iżda jiena ċert li jieħu pjaċir jaqrah anki l-adult li għadu jsib il-ħin biex jaqra, imqar għal ftit minuti kuljum.

Permezz ta’ L-avventuri ta’ Roderick u Gridoro Cauchi jerġa’ jieħu lill-qarrej fid-dinja tal-fantasija mimlija lwien, karattri, fwejjaħ u ħlejjaq differenti. Hija dinja fejn ma taħkimx dik il-vjolenza li llum insibu fil-kartuns moderni jew fil-logħob elettroniku. Hija wkoll kitba li għandha ħafna mill-ħrejjef li xi darba konna nisimgħu mingħand in-nanniet: hemm il-ġlieda bejn il-ħażin u t-tajjeb, l-ostakli li wieħed irid jirbaħ u l-għażliet li jrid jagħmel, l-isfidi li jrid jaffaċċja u l-premju aħħari. Hemm paralleliżmu kontinwu bejn id-dimensjoni reali u dik fantastika. Dan jidher permezz taż-żewġ dinjiet li jirnexxilu joħloq Cauchi: dik ta’ fuq u l-Art tal-Fantasija. Dik ta’ Roderick, il-protagonist, hi mixja li waqtha jġarrab esperjenzi differenti biex fl-aħħar jasal għall-għarfien tiegħu nnifsu. Mela l-vjaġġ fl-Art tal-Fantasija hu wkoll vjaġġ li hu jagħmel fih innifsu u li fl-aħħar jgħinu jagħraf it-tajjeb mill-ħażin.

L-avventuri ta’ Roderick u Gridoro jlaqqagħna ma’ bosta personaġġi: Roderick hu tifel ta’ ras iebsa, imma ta’ qalb tajba; Gridoro huwa t-tifel misterjuż u b’qawwiet speċjali. Hemm ix-xwejjaħ Salvu li jbati bil-qtugħ tan-nifs; Ġeneroso, sid il-Ħanut li Jagħti b’Xejn; it-tewmin Roża u Lelà; is-sultan xwejjaħ u ż-żewġ għassiesa ġganti, Dragos u Żorkan; in-nanu Sifja-Nitfa-Tikka; Pepprina u Tamara, fis-siġġu tar-roti; Ivander ix-xwejjaħ; il-buffu Oscarillo u Orchidea, il-mara tad-duħħan. Anki l-annimali jifformaw parti mill-personaġġi tar-rakkont: Majna l-għasfur iswed; Lollipop il-kelb; Żunqor, il-ħmar iswed u Kapuċċell, is-serduk li tilef denbu.

Waqt ir-rakkont preżenti ma jonqsux ir-rabtiet intertestwali. L-avventuri ta’ Roderick u Gridoro jfakkru fil-vjaġġ fantastiku ta’ Gulliver jew fl-avventuri ta’ Alice f’Wonderland. Tissemma wkoll il-ħrafa ta’ Bajda-Silġ u s-Seba’ Nani.

L-avventuri ta’ Roderick u Gridoro hu anki ktieb li jorbot flimkien tliet aspetti importanti: dak morali, dak soċjali u dak ambjentali. Huwa rakkont kontra l-egoiżmu u favur l-altruwiżmu: “Iż-żmien li tuża biex tagħmel il-ġid mhux żmien mitluf”; “. . .hawn valuri aqwa mill-flus. . .aktar tkun kuntent meta taħseb f’ħaddieħor milli meta tkun moħħok biss fik innifsek”; “Dak li hu sewwa u sabiħ jeħtieġ taħdem għalih”. Dak ta’ Cauchi hu messaġġ favur il-maħfra u kontra r-rabja, favur is-sempliċità u kontra l-apparixxenti: “Minn hawn tara li dak li jidher sabiħ u jlellex mhux bilfors aħjar minn dak li jidher modest u sempliċi”. Fuq livell soċjali Cauchi jsemmi l-moħqrija kontra l-annimali min-naħa tal-bniedem. Biżżejjed wieħed isemmi l-ġlied li jsiru bejn sriedak jew klieb; l-għasafar li jinqatlu minħabba l-kaċċa, u l-Corrida fi Spanja. Nota soċjali oħra tittratta l-pjaga tad-droga: “M’intix ser tirraġuna bħal dawk iż-żgħażagħ li jesperimentaw bid-droga, hux? Flok jitgħallmu minn ħaddieħor jesperimentaw huma u jispiċċaw fil-għawġ huma wkoll!”. Il-Karnival fl-Art tal-Fantasija jirrifletti l-ħajja tagħna ta’ kuljum: “Qisu palk kbir fejn kulħadd hu attur, qed jaħdem parti li mhix tiegħu”. Fuq livell ambjentali Cauchi jikteb kontra t-tniġġis: “ilma kkontaminat bil-kemikali velenużi li xi fabbriki jarmu bħala skart”.

Minkejja t-titlu sempliċi, L-avventuri ta’ Roderick u Gridoro huwa ktieb miktub b’sengħa mill-aqwa. Fuq livell lessikali nsibu taħlita interessanti ferm. Hekk niltaqgħu ma’ bosta kliem mill-Ingliż bħal “videos”, “studs”, “flying saucer”, “computer games”, “telecard”, “remote-control”, “walkman” u bosta oħrajn. Żgur li kliem bħal dan jorbot ir-rakkont ta’ Cauchi mad-dinja tal-lum. Min-naħa l-oħra l-awtur juża wkoll id-djalett f’ċerti partijiet: dan narawh meta niltaqgħu maż-żewġ bdiewa Nikol u Kola. Cauchi jlewwen il-kitba tiegħu anki permezz ta’ taqbil orali fuq naħa, u l-użu ta’ bosta idjomi Maltin fuq in-naħa l-oħra. Xi wħud minnhom huma: “ma rridx nidħol bejn il-basla u qoxritha għax nibqa’ b’riħitha”; “nipprova ndawwar ir-rota kif nista’”; “ma kinux iħalluhielu ħelwa għal melħa”; “mal-ħaġra t-tajn”; “kien ħeles mill-miżieb u weħel fil-qattara” u oħrajn. Stilistikament il-qarrej jinnota bilanċ meqjus bejn il-livell deskrittiv u dak narrattiv (fejn jaħkem id-djalogar). Dan jgħin biex jibdel ir-rakkont f’wieħed mexxej. L-avventuri ta’ Roderick u Gridoro huwa rumanz ta’ tmintax-il kapitlu: għalkemm hemm rabta tajba ferm bejn kapitlu u ieħor, kull kapitlu jista’ jinqara kważi kważi bħala storja għaliha waħedha. Hemm ukoll ġenjalità u freskezza fejn tidħol varjetà ta’ xeni, u karatteristiċi evidenti huma l-ħeffa u s-sempliċità fil-bdil minn xena għal oħra. Xi drabi niltaqgħu ma’ xeni mgħaġġla li jsegwu lil xulxin. Għalhekk ir-ritmu tar-rakkont jistiednek tkompli taqra bla waqfien biex tara kif se tispiċċa l-biċċa. Ġenjali hija wkoll it-taħlita bejn l-imgħoddi u l-preżent, bejn it-tradizzjoni u l-modern.

Għoġbitni ħafna l-metafora fejn il-karattru tal-bniedem huwa mqabbel ma’ ġnien li jeħtieġ l-attenzjoni. Jekk tabbandunah ma jikber xejn ħlief “xewk, għolliq u ħaxix ħażin”. It-tmiem huwa sorprendenti: l-awtur idaħħal id-dubju f’moħħ il-qarrej permezz tal-mistoqsija, “Dak kollu li seħħ kien ħolma jew realtà?” Li hu żgur hu li L-avventuri ta’ Roderick u Gridoro ironikament huwa ktieb għat-tfal li jistiednek għal riflessjoni profonda u serja.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment