Monday, November 15, 2010

Il-Ħares taz-Ziju Daddu, novelli oħra u xi ġrajja ta’ Maurice Mifsud Bonnici (2007)

L-isem ta’ Maurice Mifsud Bonnici llum jintrabat ma’ għadd sabiħ ta’ pubblikazzjonijiet li bħala ġeneri jifirxu fuq oqsma differenti bħar-rumanz, il-poeżija (inklużi l-ħajku u l-limerikk), l-esej, u anki n-novella. Is-sena 2007 rat lil Maurice Mifsud Bonnici bħala wieħed mir-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Ktieb permezz tal-ġabra tiegħu ta' esejs Kassjopea (2006).

Did-darba dal-kittieb li llum jgħodd iktar minn 80 sena ddeċieda li jiġbor numru ta’ novelli f’ġabra bl-isem ta’ Il-Ħares taz-Ziju Daddu. Huwa ktieb ta’ 280 paġna, b’tagħrif dwar l-awtur u “Kelmtejn Qabel” minnu stess fejn jispjega fil-qasir dwar xiex jittrattaw xi wħud mill-kitbiet tiegħu. Imbagħad il-qarrej jista’ jgawdi 11-il rakkont ta’ tulijiet differenti li jinfirxu fuq madwar 250 paġna. Maurice Mifsud Bonnici għoġbu jżewwaq din l-antoloġija b’numru ta’ skeċis tiegħu stess. Dwar dawn l-awtur jikteb hekk: “Il-ħsieb warajhom hu biss dak li dawn jgħaddu lill-qarrej messaġġ ta’ snapshot meħud f’mument partikolari tan-novelli... Fl-istess ħin iserrħu l-għajn mill-qari.”

Minn dawn il-11-il rakkont sitta jintrabtu ma’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, perijodu li baqa’ stampat f’moħħ Mifsud Bonnici ladarba għexu fl-ewwel persuna meta huwa kien żagħżugħ. U dan jintrabat man-novella Bluha ta’ tfal fejn in-narratur (l-awtur ta’ 16-il sena) qed jiftakar fuq l-attakki tal-Ġermaniżi fuq il-Port il-Kbir u Ta’ Qali; imma anki ma’ Il-bomba tal-Kulleġġ fejn l-awtur ta’ 15-il sena jinnarra biċċa mill-istorja tal-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, meta r-Rettur kien patri Ġużè Delia s.j., u meta Mifsud Bonnici li kien jiffrekwenta l-Kulleġġ kien l-awtur ta’ praspura li ma tinteshiex. Żewġ dati stampati f’moħħ l-awtur u li jirrikorru fil-kitbiet tiegħu huma l-11 ta’ Ġunju 1940 (l-ewwel attakk fuq Malta mill-ajrplani Taljani) u s-16 ta’ Jannar 1941 (l-attakk ta’ l-ajruplani Ġermaniżi fuq l-Illustrious). F’Meta waqa’ l-ajruplan l-awtur jammetti li kien “imfawwar bi spirtu ta’ avventura li jasal biex jagħmel minn ħerba, okkażjoni... ta’ interess.” Iż-żagħżugħ jieħu l-periklu bħala sfida u l-attakki tal-għadu jarahom spettaklu. Dan huwa anki rakkont li jagħti ġieħ lill-eroj tat-Tieni Gwerra Dinjija, lil missirijietna u lill-piloti li tqabdu kontra n-Nażisti fis-smewwiet ta’ Malta.

Ir-rakkont L-“Invejġxin” għandu l-oriġinalità tiegħu għax Mifsud Bonnici jistħajjel lill-kapijiet tal-qawwiet Taljani u Ġermaniżi jiftehmu biex isaħħu l-attakki fuq Malta li kienet qed iżżomm l-avvanzata Ġermaniża fl-Afrika ta' Fuq. Huwa rakkont ħaj ibbażat fuq fatti li seħħew realment. Hija effetiva ħafna l-alternanza bejn id-djalogu ħaj u l-partijiet esplikattivi fejn Mifsud Bonnici jispjega ħwejjeġ marbutin mal-isfond storiku-belliku b’ċertu dettall tant li r-rakkont jilħaq klajmaks filwaqt li jżommok imwaħħal mal-paġna biex tara kif se jiżviluppaw l-avvenimenti deskritti.

Temporalment ir-rakkonti ta’ dil-ġabra jifirxu mis-snin tletin sa bejn wieħed u ieħor is-snin sebgħin tas-seklu 20. Hekk Ġaki l-Faktotum huwa rakkont omaġġ lill-ħaddiem ta’ l-id u tas-sengħa ta’ l-imgħoddi li xogħlu kien jagħmlu b’dedikazzjoni, kuxjenza, reqqa u preċiżjoni. Hu anki omaġġ liż-żgħir li bis-saħħa tal-altruwiżmu u l-ġenwinità tiegħu jinħabb minn dawk kollha ta’ madwaru. Ġaki jfakkar f’ċerti personaġġi li konna naraw sa ftit ilu, fiż-żmien meta l-oġġetti li konna nixtru kienu jservu għomor u mhux jintremew wara ftit. Hu anki omaġġ lil min iġorr laqam (u mhux l-ittri wara ismu) u huwa kuntent bih.

Ma’ dan jintrabat ir-rakkont Il-Ħajbu (personaġġ li għex fir-realtà), imqiegħed fis-snin tletin, fi żmien il-karozzi tan-nar, żmien li fih kien hawn aktar rispett lejn il-bniedem min-naħa tas-sewwieq. ’L hawn u ’l hinn Mifsud Bonnici jikkummenta dwar it-tibdil li ż-żmien ġab fil-mod kif inġibu ruħna u naħsbuha. Bħal Ġaki, il-Ħajbu hu personaġġ li jifforma parti mill-album tal-imgħoddi, nomadu li fl-aħħar isib tmiemu fl-Imgieret għax itteħditlu l-unika ħaġa li qatt kellu, il-libertà.

Tmiem is-snin tletin niltaqgħu magħhom anki f’It-tifel tar-riħ. Hawn ir-rakkont jikkonċentra fuq personaġġi differenti matul fażijiet differenti tiegħu: hemm Karmelina li tisfa tfajla omm waħedha, u aktar tard binha, Paul. Anki hawn l-awtur ma jonqosx milli jenfasizza spiss fuq il-valuri Nsara bħas-sagrifiċċju, l-imħabba u l-ġenerożità. Dak li jitwieled iben bla missier u b’omm sidt ħanut tax-xorb ġewwa x-Xatt tal-Belt jilħaq l-ogħla quċċata billi jsir patri Ġiżwita. Hemm imbagħad Qaddis ġdid li jitqiegħed fis-snin sittin/sebgħin li jintrabat ħafna mal-kappella ta’ San Pawl Nawfragu ta’ San Pawl tat-Tarġa.

Iktar dwar it-teknika li juża Mifsud Bonnici fil-kitbiet tiegħu. L-istil huwa dejjem mexxej, b’lingwa u djalogar sempliċi, u b’xi kliem jirrifletti l-epoka storika li magħha jintrabat ir-rakkont. Hekk il-qarrej jiltaqa’ ma’ kliem u frażijiet bħal “jarawh f’laħmu u xaħmu”, “gerwel”, “tarbux”, “sedil tar-raffja”, “ferkex”, “lapazzata” u bosta oħrajn. Hawn ir-rakkont isir ukoll dokument lingwistiku importanti. F’Meta waqa’ l-ajruplan Mifsud Bonnici jiddedika parti etimoloġika dwar minn fejn ġej l-isem Ta’ Vnezja, isem Ta’ Qali qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Hawnhekk l-awtur juża wkoll bosta termini tekniċi marbutin mal-gwerra. Spiss l-isfond storiku reali jitħallat ma’ plott mistħajjel. Ġieli titħaddem il-flashback, u ġieli l-istruttura tal-kitba issir tixbah lil dik tad-djarju metikoluż. Hemm waqtiet meta l-awtur jappella għas-sens tas-smigħ billi jirreferi għall-ħsejjes waħxija tal-gwerra, oħrajn meta jieħu l-forma ta’ parodija (ara l-aħħar parti ta’ Qaddis ġdid) biex jilħaq tmiem mhux mistenni.

Ir-rakkonti ta’ Mifsud Bonnici daqqa jfakkru fil-ħsieb ta’ San Franġisk li kien jemmen li anki l-iċken kreatura taf tfaħħar lil Alla (Qaddis ġdid), daqqa jfakkru fil-Christmas Carol ta’ Charles Dickens (Il-ħares taz-ziju Daddu). Jidħol il-fantastiku fejn nassistu għal-laqgħa bejn San Pietru u ruħ iz-ziju Daddu. Il-gwerra ta’ żewġ renji għandha mir-rakkonti ta’ Esopu jew ta’ La Fontaine fejn l-annimali jitkellmu u jirraġunaw bħall-bniedem. Dan hu wkoll rakkont ambjentalistiku li jittratta kwistjonijiet bħalma huma t-toqba fl-ożonu, il-moħqrija fuq l-annimali, it-tniġġis ta’ l-arja, l-egoiżmu tal-bniedem li jimmonopolizza kollox. Huwa rakkont twissija lill-bniedem biex ifittex jibdel imġiebtu lejn l-ambjent naturali u l-ħlejjaq li jgħixu fih. Anki dan hu rakkont fantastiku li jirreferi spiss għal siltiet mill-Antik Testment. Mifsud Bonnici jurina kemm huwa aġġornat f’dak kollu li qed isir fil-qasam xjentifiku, teknoloġiku u l-bqija. L-awtur ma jonqosx li jħaddem ukoll il-patos, mela dik ix-xejra li tqanqal malinkonija, ħasra, mogħdrija jew sogħba fil-qarrej.

Il-Ħares taz-Ziju Daddu, novelli oħra u xi ġrajja huwa ktieb li għandu jinqara minn kull min għandu għal qalbu l-imgħoddi, il-letteratura, l-ilsien u dak kollu li huwa Malti. Huwa album ta’ tifkiriet u xogħol miktub b’sengħa u fl-istess ħin rigal lilna mingħand kittieb li jġorr fuq spallejh xkora enormi ta’ esperjenzi ta’ kull tip. Li jonqos hu li nagħtu rigal lil Maurice Mifsud Bonnici billi nixtru għalina u għal ta’ madwarna dar-rigal li huwa għamlilna.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment