Monday, November 29, 2010

Kassjopea - Antologija ta’ esejs (2006) ta’ Maurice Mifsud Bonnici

Dan hu ktieb li jiġbor fih 41 esej f’244 paġna. Huma kitbiet li jvarjaw fin-natura tas-suġġetti li jittrattaw. Uħud minnhom huma nofs triq bejn l-esperjenza personali u professjonali u l-kumment soċjali. Ma jonqsux il-kritika kostruttiva, l-ironija u l-laqta komika matul il-kitbiet tal-kittieb minn Ħal Lija. Tinħass b’saħħitha r-rabta bejn Maurice Mifsud Bonnici tifel (dak ta’ bosta snin ilu) u l-istess awtur, imma anzjan ta’ tmenin sena. Stilistikament il kitbiet ta’ natura teknika u soċjali xi mindaqqiet jinħassu ftit itqal u ftit inqas mexxejja minn dawk narrattivi. Dak li l-awtur jikteb f’waħda mill-esejs tiegħu - It-teorija tal-kuntrarjetà - japplika sewwa għalih ukoll: “bniedem li jħaddem is-sens ta’ osservazzjoni” u li “jasal biex iwelled kixfiet għall-ġid ta’ għajru.” (p. 77) Il-qarrej ta’ Kassjopea jista’ jaqra dwar numru ta’ personaġġi marbutin mal-passat ta’ l-awtur bħal Ġanni tal-ħalib, Majsi l-parrukkier u missierek, is-Sur Ġużè tas-Sanità, imma anki dwar personaġġi storiċi li għexu fir-realtà - bħall-arkitett Piano, Churchill, Roosevelt, Gorbachev, Bush, Eliżabbetta II u l-Papa Ġwanni Pawlu II - u hawn tispikka ħafna s-sengħa tad-deskrizzjoni.

Mistoqsijiet:

1. Maurice Mifsud Bonnici huwa bniedem li jikteb iva, imma li qabel jikteb, jifli, jgħarbel u jirrifletti qatigħ. Xi tgħid dwar dan?

La int apprezzajt dan kollu sinjal li int għandek dawn il-kwalitajiet fik ukoll. Jiswa ħafna għall-qarrejja, speċjalment jekk ikunu studenti, li l-awtur ma jiktibx mill-ewwel dak li jiġih f'moħħu u jħalli lill-qarrejja jiġu għall-konklużjonijiet tagħhom. Inħobb nagħraf biex nilħaq il-mudullun ta' ħsiebi qabel niktbu.

2. Spiss il-qarrej jiġi indirizzat direttament fil-kitbiet tiegħek. X’ġid jista’ jikseb il-qarrej ta’ Kassjopea?

Inħobb li lill-qarrej niktiblu bħal meta nkellmu wiċċ imb'wiċċ. B'hekk indaħħlu fl-interess ta' dak li nkun ktibtlu. L-Ingliżi għandhom espressjoni iktar ċara: take him into your confidence.

3. Ħsieb li joħroġ f’wieħed mill-esejs tiegħek hu dan: “Mas-serħan trid issinn l-għodda”. Kemm japplika dan għalik meta tiġi biex tikteb?

Meta ktibt dan il-ħsieb kont qed nalludi għas-serħan mix-xogħol waqt il-qtugħ tas-siġar. Meta tiġi biex tapplika dan għall-kitba tiegħi, inħoss li għandi niddistingwi bejn kitba ta' proża u dik ta' poeżija. Meta nkun f'nofs xogħol ta' kitba ta' proża u nkun qed nieħu s-serħan tiegħi, jien naħseb ħafna fuq dak li nkun għad irrid nikteb. B'hekk inkun qed insinn l-għodda biex naqta' iktar "siġar". Meta niġu għall-kitba tal-poeżija, meta jiġini ħsieb poetiku f'moħħi ma naħlix żmien noqgħod insinnu waqt il-mistrieħ tiegħi: niktbu mill-ewwel u nsinnu waqt li nkun qed niktbu. Hekk niktibha l-poeżija jien, u nifhem hawn ħafna poeti bħali.

4. Fl-imgħoddi kont taħdem bħala inġinier - dan tak l-opportunità biex tifhem aħjar l-importanza ta’ l-ambjent u t-teknoloġija li dwarhom tikteb ħafna f’Kassjopea. X’tikkummenta?

L-inġinier huwa l-protagonista fit-twettiq tat-teknoloġija. Fir-rigward ta' l-ambjent daqs kemm jista' jsebbħu, jista' jgħarrqu. Fil-kitba tiegħi dejjem tfajt ħafna responsabbiltà fuq l-inġinier meta nkun qed nikteb fuq il-ħarsien ta' l-ambjent. Xi drabi l-inġinier ikun imġiegħel jieħu deċiżjonijiet li hu ma jaqbilx magħhom, għax ma jkunx hemm xejn x'tagħmel. Hekk, pereżempju, meta jien kont Chairman ta' l-Enemalta kelli naċċetta li fl-istazzjon tagħna tal-Marsa nibdew nużaw boilers ġodda li jaħdmu bil-faħam, avolja l-faħam huwa għadu magħruf ta' l-ambjent. Dan għax l-inġinier għandu r-responsabbiltà konfliġġenti li joħloq servizz bl-inqas prezz għall-konsumatur.

5. Kassjopea hi żwieġ bejn il-prammatiku u t-teoretiku, l-utli u d-dilettevoli. X’taħseb?

L-aspett prammatiku magħqud ma' dak teoretiku trawwem fija mill-formazzjoni tiegħi ta' inġinier li f'xogħlu jgħaqqad il-prattika mat-teorija u l-aspett l-ieħor ta' l-utilità magħġuna ma' dak li hu dilettevoli, rawwimtu fija bħala awtur li jfittex li b'kitbietu jgħaddi messaġġi li huma siewja għall-ħajja u oħrajn li jsebbħuha. Din ta' l-aħħar trawmet fija l-aktar bil-poeżija li ta' spiss tnebbaħni.

6. Inti ppubblikajt ukoll ġabriet ta’ poeżiji, rumanz u ktibt bosta novelli mxerrdin f’antoloġiji ko-awturati, rivisti u ġurnali lokali. X’għandha iktar u/jew inqas il-kitba ta’ l-esej minn dik tan-narrattiva jew tal-poeżija?

L-esejs huma kitba li m'hix fittizja bħal ma jistgħu jkunu n-narrattiva u l-poeżija. Esejs bit-Taljan, u anki kultant bil-Malti, jissejħu saġġi li jissuġġerulek trattament ta' l-għerf. In-narrattiva tirrakkonta u l-poeżija toħlom. Għalkemm essej rari jkun bl-aspett ta' l-aħħar, spiss insibu esejs narrattivi. Meta konna l-iskola, mil-lista ta' suġġetti li konna mitluba nagħżlu l-esej tagħna, ta' spiss konna nagħżlu wieħed narrattiv għax dan hu meqjus mit-tfal bħala eħfef minn suġġetti oħra.

7. L-esejs li naqraw f’Kassjopea għandhom ukoll messaġġ marbut magħhom. Wieħed minnhom huwa favur il-paċi u kontra l-gwerra. Ieħor huwa dwar kemm tista’ tkun maħmuġa l-politika internazzjonali. X’messaġġi oħrajn se jiltaqa’ magħhom il-qarrej?

Hemm bosta messaġġi oħra f'din l-antoloġija tiegħi. Wieħed minnhom huwa l-messaġġ storiku li għadni kemm insemmi. Messaġġ ieħor ta' kif bniedem għandu jkun jaf kif jgħix il-ħajja tiegħu f'did-dinja. F'das-sens hemm x'titgħallem ħafna mill-esej tiegħi "It-Teorija tal-Kuntrarjetà", li, għalkemm miktub b'sens ta' umuriżmu fin, iħallilek lezzjoni–li jaqbillek iġġerragħ il-kuntrarjetà fil-ħajja u titgħallem tgħix magħha għax m'hemmx ħaġ'oħra x'tagħmel. Messaġġ ieħor huwa dak li wieħed bil-vokazzjoni ta' inġinier tal-elettirku fi żmieni kellu l-elementi kollha kontrih, l-ikbar waħda fosthom hija li fl-Università ta' Malta ma kienx hemm kors għalih, u kien ikollu jsiefer bħal ma għamilt jien. Dak li ktibt mill-esperjenza tiegħi jiswa ħafna għal min irid jikteb l-istorja ta' l-inġinerija f'Malta u għall-istudenti ta' llum biex japprezzaw il-faċilitajiet li ġew biż-żmien maħluqa għalihom. Messaġġ importanti ieħor huwa dak li aħna li rridu mill-ħolqien irridu qabel xejn nibżgħu għalih aħna. Hemm oħrajn, iżda naħseb tawwalt biżżejjed.

8. Kemm huma importanti Ħal Lija u Birżebbuġa fil-kitbiet tiegħek?

Ħal Lija hija raħal twelidi li jien tant inħobb u ma nieqaf qatt infakkarha fil-kitbiet tiegħi, speċjalment fil-poeżija. In-nies ta' dar-raħal tawni "Ġieħ Ħal Lija" li jien tant apprezzajt u ma niqafx napprezza. Birżebbuġa nħobbha għax fiha qattajt l-isbaħ sjuf ta' tfuliti ma' ħija Antoine. It-tifkiriet tagħha, speċjalment il-filgħaxijiet twal tagħha bid-dawl tal-qamar jisserrep fuq wiċċ il-baħar tal-bajja hekk imsejħa Pretty Bay, ma nista' ninsihom qatt u għalhekk ma nqastx insemmihom f'din l-antoloġija tiegħi.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment