Tuesday, November 16, 2010

Zito Zandarell - Ġrajjiet ta’ Tifel Aljen ta’ Carmel G. Cauchi

Lil Carmel G. Cauchi bosta jafuh bħala wieħed mill-kontributuri ewlenin fil-qasam tal-letteratura lokali. Huwa għalliem, membru tal-MUSEUM, poeta (u għalhekk membru tal-Għaqda Poeta Maltin u tal-Għaqda Letterarja Maltija) u fuq kollox kittieb ta’ stejjer għat-tfal li jidhru kemm fuq rivisti bħalma hija Sagħtar, kif ukoll miġbura f’għamla ta’ kotba li jippubblika regolarment minn żmien għal żmien.

Pubblikazzjoni reċenti ta’ Carmel G. Cauchi u li tkompli tagħni ’l-letteratura għat-tfal hija Zito Zandarell - Ġrajjiet ta’ Tifel Aljen (Librerija Preca, 2003), imżewqa minn 19-il illustrazzjoni kkulurita tal-illustratur magħruf Frank Schembri. Hija storja li testendi fuq 175 paġna u li għandha elementi mill-ġeneru tas-“science fiction”. Tinnarra l-ġrajja ta’ Zito, tifel aljen li jkollu jqatta’ xi żmien fuq id-dinja. Fost l-oħrajn, Zito għandu s-setgħa li jfejjaq, jikkomunika bit-telepatija u għandu ħeffa kbira tant li darba minnhom isalva mill-mewt tarbija ta’ sentejn. Poter ieħor ta’ Zito huwa dak tal-kamuflaxx.

Fost il-personaġġi li niltaqgħu magħhom hemm it-“tajbin” (bħall-familja Debono u dik ta’ Vassallo) u l-“ħżiena” (bħal Hector, zijuh Rocky Rospo u Saborra). Hemm ukoll Salvina l-ġara seksieka, u Ċikka tal-growser. Fost l-imkejjen li jissemmew hemm il-Buskett, ir-raħal mistħajjel ta’ Ħal Berquq u l-pjaneta Terrapaċis. U hawn jidħol aspett importanti ħafna fil-letteratura ta’ Cauchi: dak soċjali u didattiku.

Terrapaċis hija l-oppost tal-pjaneta tagħna. Matul il-ġrajja Cauchi jagħmel bosta riferimenti ta’ natura soċjali: is-snieter u l-kaċċa; l-imħabba lejn l-annimali; l-immigranti illegali (p.162) u l-ħajja diffiċli tagħhom; l-imħabba lejn l-ambjent u l-ħtieġa li nħalluh nadif; is-sigurta` fis-sewqan; is-seksieka u s-sindikajri; l-ugwaljanza bejn ir-razez (p.39); xogħol il-missjunarji; l-adozzjoni; l-importanza tal-ħajja (p.60); il-persuni b’diżabbilta`; il-problema tal-bullying fl-iskejjel; il-kuntrabandu; il-manipulazzjoni tad-dgħajjef min-naħa tal-korrott; il-kompetizzjoni fil-qasam tal-mass media. Jiġu ttrattati wkoll aspetti bħalma huma l-verita`, il-ġustizzja (p.173), il-gratitudni, l-imħabba u l-ħbiberija (p.175), dawn tal-aħħar bħala valuri ewlenin.

Mil-lat lingwistiku għandna taħlita interessanti u ekwilibrata: jintużaw bosta similitudnijiet u qwiel, flimkien ma’ lessiku missellef mill-Ingliż li jorbot il-kitba ta’ Cauchi mal-kuntest attwali. Hemm ukoll il-mod oriġinali kif Zito jitkellem il-Malti għall-bidu. It-tmiem ta’ Zito Zandarell - Ġrajjiet ta’ Tifel Aljen huwa wieħed pożittiv fejn it-tajjeb jiġi ppremjat u l-ħażin jieħu dak li ħaqqu. L-istil huwa wieħed mexxej tant li l-qarrej jista’ jaqra ġrajja bħal din f’nifs wieħed bla ma jiddejjaq. Carmel G. Cauchi kittieb u għalliem jorbot flimkien l-element didattiku ma’ dak pjaċevoli fi ġrajja bħal din.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment