Monday, November 22, 2010

Triqat Ħal Tarxien ta’ Joseph A. Farrugia (Kunsill Lokali Ħal Tarxien, 2007)

Bosta jafu li f’dawn l-aħħar snin għadd ta’ Kunsilli Lokali ħadu numru ta’ inizzjattivi f’idejhom biex ikunu minn ta’ quddiem ħalli joffru lill-pubbliku pubblikazzjonijiet marbutin mal-wirt kulturali, storiku, artistiku, arkitettoniku, u l-bqija, tal-lokalità li tkun. Din hija inizzjattiva li daħal għaliha wkoll Joseph Anthony Farrugia minn Ħal Tarxien, f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien, permezz tal-ktieb ġdid tiegħu Triqat Ħal Tarxien (2007). Dan huwa ktieb ta’ iktar minn 260 paġna mimli tagħrif, mappi, ritratti u referenzi utli ħafna għal min ikun irid jidħol għal riċerka ta’ tip storika jew toponomika dwar dan ir-raħal li sar Parroċċa fl-1592. Triqat Ħal Tarxien jiftaħ b’“Messaġġ mis-Sindku”, is-Sur Paul Farrugia, li jistqarr li sa mill-elezzjoni tiegħu bħala Sindku ta’ Ħal Tarxien ħass id-dmir li jikkonċentra “bis-sħiħ fuq kif għandna nżommu l-Istorja tar-raħal tagħna ħajja; Storja li teħodna eluf ta’ snin lura, iżda f’kull era kienet, għadha u tibqa’ waħda interessanti.” Imbagħad wieħed isib “Tagħrif għal min Iterraq” miktuba mill-Mag. J.Cassar li fost l-oħrajn jikteb , “Il-ktieb ta’ Joe Farrugia isemmi dokumenti misjuba minn Wettinger u Fiorini…Dan il-ktieb hu dwar ismijiet tat-toroq, studju li żgur sewa lill-kittieb sigħat ta’ tiftix u xogħol.” Triqat Ħal Tarxien hu ġabra ta’ tagħrif fuq l-ismijiet tat-triqat kollha ta’ Ħal Tarxien magħmula fl-ordni alfabetiku. Joseph A. Farrugia ġabar it-tagħrif u tkixxef dwar għadd ta’ pjanti ta’ }al Tarxien mill-1880 sal-preżent billi żar id-Dipartiment ta’ l-Infrastruttura f’Beltissebħ u l-Arkivji Nazzjonali ta’ Santu Spirtu fir-Rabat. Ikkonsulta wkoll diversi gazzetti bil-Malti u bl-Ingliż, il-“Gazzetta tal-Gvern”, u r-Reġistri Elettorali fuq firxa ta’ ħafna snin. Issa nħalli f’idejn il-qarrej biex jitkixxef dwar min kienu personaġġi bħal Leonardo Abela, Dun Ġwann Barbara, Manwel Buħagiar, Ġużè Damato, Gaetano Lanzon, Karlu Maratta, Marju Schembri u bosta oħrajn. Hemm ukoll tagħrif dwar għadd ta’ toroq imsemmijin għal numru ta’ qaddisin u oħrajn marbutin ma’ avvenimenti storiċi ewlenin. Joseph Anthony Farrugia huwa kittieb ta’ bosta artikli l-aktar dwar l-Istorja ta’ Ħal Tarxien u studjuż tal-Istorja ta’ Malta. Hu membru ta’ ‘Din l-Art }elwa’, ‘Fondazzjoni Wirt Artna’ u għaqdiet oħra, u editur tal-Fuljett Parrokkjali “Tarxien” sa mill-1995.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment