Monday, November 15, 2010

Il-Baruni ta’ Ħal Qormi ta’ Karmenu Mallia, Pubblikazzjoni BDL, 2010.

Lil Karmenu Mallia nafu l-iktar bħala poeta li jikteb kemm bil-Malti (Festuni, 2007) kif ukoll b’ilsna oħra bħalma huma l-Franċiż (Paquerettes, 2003) u l-Esperanto; traduttur (b’xogħlijiet maqlubin għall-Malti mill-Ispanjol bħall-versi ta’ San Ġwann tas-Salib, 2009); u fuq kollox Esperantista attiv (Malta Nuntempa Poezio, 2009).

Is-sena 2010 rat lil Karmenu Mallia bħala rumanzier, bir-rumanz storiku Il-Baruni ta’ Ħal Qormi. Huwa xogħol li jifrex fuq kważi 250 paġna u maqsum f’20 kapitlu. Temporalment huwa ambjentat fis-snin 40 tas-seklu 18 (1743), is-seklu tar-Rivoluzzjoni Franċiża u tal-Illuminiżmu. Dan kollu fir-raħal ta’ Ħal Qormi fejn Mallia twieled u trabba. Mallia jirrakkonta l-istorja ta’ dan ir-raħal bis-sabiħ u l-ikrah tiegħu, mela b’riċetta effettiva fejn iħallat b’mod ibbilanċjat il-ħelu mal-morr. Hu rumanz li jirrakkonta mhux biss it-tiġrib individwali tal-personaġġi, imma anki t-tiġrib kollettiv, mela ta’ raħal sħiħ. Għalhekk Mallia jinkludi wkoll leħen il-kollettività permezz ta’ għajdut. Għandna għalhekk referenzi għas-superstizzjoni tal-popolin li titwieled f’ambjenti fejn mhemmx skola. Huwa wkoll żmien meta l-qlajja’ kienu jsiru fuq kollox anki għall-mogħdija taż-żmien.

Interessanti u minuzzjużi huma l-bosta riferimenti toponomastiċi marbutin mal-lokal ta’ Ħal Qormi. Għalhekk jissemmew postijiet bħall-kappella tal-Madonna tal-Ħlas, il-knisja ċkejkna ta’ Santa Marija ta’ Qrejċa, il-pjazza ta’ San Franġisk, l-Erba’ Qaddisin bejn Ħal Qormi u l-Ħamrun, u bosta oħrajn. Hemm imbagħad spazji oħrajn bħalma huwa Sant’Jiermu u l-kalzri li kienu jinsabu fih, imma anki Għawdex.

Bħal kull rumanz storiku tajjeb, Mallia jibni r-rakkont tiegħu fuq fatti storiċi fuq naħa (bħall-persekuzzjoni tal-Lhud matul l-istorja, il-proċess li wassal lil Ħal Qormi biex jinbidel f’Città Pinto, l-imxija qerrieda tat-trabi, il-biża’ mis-sibbien u t-theddida tagħhom fil-Fliegu, il-festa ta’ San Ġwann Għammiedi), u oħrajn mistħajla fuq l-oħra (bħall-pika bejn il-Baruni ta’ Ħal Qormi u l-Gran Mastru Pinto). Mela Il-Baruni ta’ Ħal Qormi mhux nieqes minn tagħrif ta’ natura storika ’l hawn u ’l hinn.

L-istil imħaddem huwa mexxej ħafna, anki permezz tad- djalogar ħaj. Hemm ukoll partijiet djalogati anonimi li jirriflettu l-għajdut tal-popolin. Huma bosta l-waqtiet li jnisslu tbissima fil-qarrej.

Mallia juża l-ittra u l-vers tal-għana bħala parti mill-mekkaniżmi li jżewqu r-rumanz mil-lat stilistiku. Insibu wkoll partijiet fil-korsiv (Kapitlu 16). X’jindikaw dawn eżattament? Forsi l-ġlieda bejn il-moħħ u l-kuxjennza? Hawnhekk tiġi mistoqsija x’inhi l-vera missjoni tar-reliġjuż. Dan jintrabat mar-riflessjoni dwar l-ordnijiet reliġjużi li nsibu lejn l-aħħar parti tar-rumanz wara li nsiru nafu bil-bidla drastika li persunaġġ ewlieni xtaq jagħmel f’ħajtu.

L-ilsien li juża Mallia jinsab bejn id-djalogar sempliċi u l-għarfien eċċellenti tal-idjoma Maltija. Hemm ukoll l-użu tad-djalett mill-Kinu, sid il-ħanut tax-xorb. Interessanti huma anki l-bosta frażijiet li Mallia jinkludi bil-Latin, bil-Grieg, bil-Franċiż u bit-Taljan (rifless ta’ mallia bħala poliglotta). Anki dan jirrifletti b’xi mod jew ieħor is-seklu 18. Ma ninsewx li żmien il-Kavallieri kien wieħed fejn Malta kienet ċentru ta’ bosta familji nobbli mill-Ewropa kollha. Xi drabi tidħol ukoll diretta l-vuċi tan-narratur onnixxenti fejn l-awtur bħal joħloq kuntatt dirett bejnu u bejn il-qarrej.

Mekkaniżmu narrattiv ieħor li Mallia jħaddem tajjeb huwa dak fejn jintroduċi waqtiet ta’ tensjoni wara oħrajn fejn ikun ħakem is-sliem. L-awtur bħal jaħsad lill-qarrej b’avvenimenti mhux mistennija. Drabi oħra jintroduċi personaġġi ġodda (anki passiġġiera, bħall-Bażugri) biex bħal tingħata enerġija ġdida lin-narrazzjoni u lill-azzjoni tar-rumanz.

Mallia jintroduċi numru sabiħ ta’ personaġġi differenti u interessanti, u dan biex ir-ritmu tan-narrazzjoni ma jbattix imma jibqa’ dejjem frisk u mexxej. Tispikka d-deskrizzjoni ħajja tal-personaġġi imma anki ta’ ċerti avvenimenti importanti bħalma hija l-festa ta’ San Ġorġ.

Il-personaġġi rrappreżentati huma marbutin ma’ klassijiet soċjali differenti, inklużi l-ilsiera. Hemm ċerta demokrazija, fis-sens li naqraw b’kavallier li hu anki mastrudaxxa; b’ilsiera li huma ttrattati tajjeb (hekk l-ilsir Tarik jikteb ittra lis-sinjur tiegħu, il-Baruni, fejn jitolbu biex jeħilsu mill-kalzri; huwa lsir li jaf jaqra u jikteb, u anki jesprimi ruħu bi ħsibijiet profondi); b’kappillan li jagħti lezzjonijiet privati lill-kavallier u lill-Farfett; b’mara – is-Sa Ghirlanda – li tifforma parti mill-Kunsill. Mallia jħalli post anki għall-kelb Pagliaccio li bħal jiġbed is-simpatija tal-istess Gran Mastru Pinto. Huma wkoll bosta l-okkażjonijiet fejn Pinto jiltaqa’ mal-poplu Qormi.

Dik li jikteb dwarha Mallia hi soċjetà multinazzjonali u multikulturali – kavallieri, ilsiera Torok, Lhud - li ssib il-benniena tagħha fuq din il-gżira ċkejkna. Il-kappillan jitkellem mal-Lhudi – bejniethom hemm biss rispett u kliem ta’ sliem u għerf.

F’Il-Baruni ta’ Ħal Qormi nsibu wkoll bosta waqtiet ta’ riflessjoni dwar aspetti bħalma huma l-mewt u l-firda u l-uġigħ li ġġib magħha. Inħoss li sentenza importanti li naqraw fir-rumanz ta’ Mallia hija din: “...il-bniedem li ma jistudjax jibqa’ lura. Hawn wisq x’titgħallem, u qatt ma tkun tgħallimt biżżejjed.” Rumanz bħal dak ta’ Mallia jistaqsi wkoll min hu verament il-bniedem?: rikkezzi, unuri, titli, kożmetika, jew bniedem tad-demm u l-laħam kif ġie fid-dinja?

Nispiċċa bil-kliem li bih Karmenu Mallia jtemm ir-rumanz tiegħu: “Pax et Bonum”. Hu kliem li jixraq tassew lil xogħol bħal dan proprju għax ġeneralment mhux rumanz ta’ ġlied, mibegħda u tixrid ta’ demm, imma rakkont fejn jaħkmu l-ftehim, l-armonija u s-sentimenti pożittivi, bi tmiem hieni.

Lill-qarrej nissuġġerilu jaqra wkoll id-Daħla interessanti – miktuba minn bniedem imsajjar sewwa u mimli għerf - li Mallia jikteb għal dan il-ktieb. Jiena qrajtha darbtejn, darba qabel ma bdejt naqra r-rumanz u darb’oħra wara li temmejtu. Fhimt aħjar il-frażi, “Il-kotba bdew jgħallmuni, bdew iġegħluni nkun fuq ix-xwiek biex nara x’fiha dil-borża magħluqa li nsejħilha ħajja.”

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment