Monday, November 15, 2010

It-tifel tan-nanna – Tifkiriet ta’ tfuliti... ta’ Ġorġ Peresso

(Pubblikazzjoni Horizons, 2009).

Ġorġ Peresso huwa personaġġ magħruf kemm bħala xandar kif ukoll bħala kittieb. Biżżejjed li wieħed jiftakar ir-rabta u l-kontribut ewlenija tiegħu ma’ Radju Bronja u l-preżenza regolari u kontinwa tiegħu fuq ir-radju nazzjonali. Huwa kiteb poeżiji, anki bit-Taljan, novelli u anki rumanz qasir (Ħajja ta’ Kelb), b’kontenut flosofiku qawwi.

Dan l-aħħar ġiet f’idejja l-aħħar pubblikazzjoni tiegħu, It-tifel tan-nanna – Tifkiriet ta’ tfuliti... Huwa ktieb li jifrex fuq ftit iktar minn mitejn paġna, imma miktub bi stil mexxej għall-aħħar, b’bosta siltiet li jmissu wkoll il-poeżija.

Wara Daħla miktuba minn Peresso stess, It-tifel tan-nanna bħal jinqasam f’erba’ partijiet ewlenin. Peresso jikteb dwar l-ewwel erbatax-il sena ta’ ħajtu, mela sa dak il-jum meta ħalla l-familja biex jibda jgħix il-ħajja tal-kunvent.

Dak li jagħmel Peresso huwa vjaġġ fil-memorja, vjaġġ li għalkemm jintrabat mal-esperjenzi personali tiegħu jgħin ħafna biex il-qarrej iħossu parti minn dan kollu. Peresso jinnarra l-ħajja personali tiegħu, f’rabta mal-familja tiegħu, imma anki l-ħajja tal-Maltin matul l-ewwel nofs tas-seklu 20, fil-waqtiet kemm sbieħ u kemm koroh tiegħu. It-tifkiriet tiegħu joħduna minn Birkirkara sal-Gżira, minn Bormla sa Ħaż-Żabbar. Jikteb dwar esperjenzi bħall-ewwel jum tal-iskola, it-teatrin tat-tfulija, il-Karnival, il-Preċett u l-Griżma, il-Borża ta’ San Martin, ir-rabta mal-baħar, mas-swar, il-]ajja fl-isqaq, il-mard li ħabbat wiċċu miegħu, l-isptar , il-mużika u r-Rediffusion, tal-Mużew, il-Prietka tal-Milied, u ħemel tifkiriet oħra li ħafna minna għandna maħżunin x’imkien f’xi rokna ta’ moħħna.

Aspett li fih Peresso jeċċella huwa d-deskrizzjoni li żżommok qatigħ, anki billi jappella għas-sensi: l-irwejjaħ, il-ħsejjes, l-ilwien, it-togħmiet - u iktar - tal-imgħoddi. Taħkem ukoll ir-rabta mal-bqija tal-membri tal-familja: il-ġenituri, l-aħwa, in-nanniet, iz-zijiet u l-kuġini, apparti l-ġara. Dawk li jiddeskrivi Peresso kienu żminijiet meta t-tfal kienu joħorġu fit-toroq biex jilagħbu flimkien, xi drabi jirriskjaw ħajjithom bla ma jafu billi joħolqu xi teatru improvvizat f’xi dar imwaqqgħa mill-bombi tal-gwerra, jew jiġbru r-ramm mill-art biex ibigħuh biex meta jkun tard wisq jindunaw li ma kien xejn ħlief bomba mhix sploduta.

Bħala għalliem fil-Kulleġġ ta’ De La Salle fil-Kottonera, laqtuni l-partijiet, anki abbundanti, fejn Peresso, eks student fl-istess Kulleġġ, jikteb dwar il-ħajja tiegħu fl-iskola tal-Freres. Dan kien perijodu formattiv u li ħalla l-marka pożittiva tiegħu fuq Peresso.

It-tifel tan-nanna – Tifkiriet ta’ tfuliti... huwa mżejjen ukoll b’għadd sabiħ ta’ ritratti tal-epoka. Huma ritratti li bosta minna jistgħu jsibu mwarrbin f’xi kaxxa tal-kartun min jaf f’liema rokna tad-dar tan-nanna jew ta’ xi zija jew ziju anzjani. Dak li jagħmel Peresso huwa li jagħti l-ħajja mill-ġdid lin-nies li kienu ewlenin fil-ħajja tiegħu u li ż-żmien firidhom minnu. Il-pinna f’idejn min jaf iħaddimha għandha din il-qawwa: dik li treġġa’ għall-ħajja persuni għeżież għalina li m’għadhomx magħna. U wara dan kollu hemm ir-rispett li wieħed għandu lejn dawk ta’ qabilna, dawk li mingħajrhom u mingħajr is-sagrifiċċji li għaddew minnhom, aħna ma konniex inkunu dawk li aħna llum. Hawn qed nitkellem ukoll dwar il-qawwa tal-kelma miktuba.

Interessanti hija wkoll l-aħħar parti tal-ktieb li Peresso jsemmiha “Kelma kelma”. Nagħlaq bi kliemu stess li juża biex jintroduċi din l-aħħar parti: “Jien u nikteb u ndomm dawn it-tifkiriet, jien u mmur lura fit-toroq tal-memorja, ma stajtx ma ngħidx bejni u bejn ruħi kemm kliem ta’ tfuliti tbiddel, intesa, twarrab, tħallat, iżżewwaq, tħarbat u floku jew miegħu daħal kliem ġdid. U kliem ieħor baqa’ bis-sens ta’ qabel imma f’kuntest soċjali differenti. Uħud ħadu forom Maltin bħal meta żmien ilu kliem Taljan jew Ingliż tħallat sew mal-forom Maltin u mat-tonalità Maltija. U sar kliem Malti. Oħrajn daħlu bi sforz, imqanżħin, dgħajfa, b’mod għażżien u aktarx injorant. U daħlu bla ma ħadu l-libsa Maltija. Imma saru sehem mil-lingwaġġ tagħna, interzjati mal-lingwaġġ ta’ kuljum. Il-kliem m’għandux biss ix-xogħol li jċaqlaq il-mewġ bejn il-fomm ta’ min jgħidu u l-widna ta’ min jisma’. Hu aktar minn komunikazzjoni verbali. Hu storja. Hu paragrafi u aneddoti tal-istorja. L-istorja hi magħmla mill-vokabularju. Forsi d-dizzjunarju huwa l-akbar ktieb tal-istorja.”

No comments:

Post a Comment