Monday, November 15, 2010

Ahwa bla ma jafu ta’ Tony C. Cutajar (2009)

Aħwa bla ma jafu hu r-rumanz ġdid ta’ Tony C. Cutajar li jtul mal-mitt paġna, u li huwa indirizzat l-aktar lill-qarrejja żgħażagħ. Fih l-awtur jgħaqqad is-siewi mad-divertiment biex b’hekk min jaqrah ikun qed jieħu gost u fl-istess ħin jitgħallem xi ħaġa utli, anki jekk indirettament.

Il-parti storika

Bħala perijodu storiku r-rakkont huwa bbażat fi żmien meta Malta kienet taħt l-Ordni ta’ San Ġwann u ċentru kummerċjali importanti f’nofs il-Mediterran. Insibu partijiet deskrittivi marbutin mal-isfond storiku tal-Ordni ta’ San Ġwann, ir-rwol importanti li kellhom l-ilsiera f’kull qasam tas-soċjetà Maltija, ix-xogħol iebes fir-raba’ matul is-sena, il-ħajja fuq galera tal-Ordni u l-bqija.

Il-parti mistħajla

Fuq l-isfond storiku Tony C. Cutajar iqiegħed l-istorja mqallba tal-iskjav Tork Andrea u l-iskjava Rosa. Andrea hu ta’ lewn iswed u xi ftit jirrappreżenta lil dawk kollha ta’ lewn iswed li aħna l-Maltin ma nħarsux lejhom b’rispett anki fil-preżent minħabba għadd ta’ preġudizzji li għadhom jaħkmuna sal-lum. Cutajar jiddedika wkoll numru ta’ paġni lill-konġura tal-iskjavi f’Malta li kienet se sseħħ fis-seklu 18.

Il-persunaġġi – li bosta minnhom huma żgħażagħ - huma varji: min krudil u qalbu ħażina, u min ġeneruż u mimli mħabba.

Stil ta’ kitba

Apparti din it-taħlita bejn l-element storiku u dak mistħajjel, Cutajar jalterna n-narrazzjoni mad-deskrizzjoni. Jitħaddem id-diskors dirett, u avvenimenti familjari jitħalltu ma’ oħrajn nazzjonali, iż-żgħar (l-ilsir Andrea u l-ilsira Tereża) mal-kbar (l-Inkwiżitur). Bil-mod il-mod il-ħafna trufijiet jew rakkonti żgħar ġor-rakkont ewlieni jibdew jidħlu f’xulxin biex ir-rumanz isir ħaġa waħda u unika. Hemm imbagħad ċerta twist fir-rakkont meta l-maħbubin isibu li fil-fatt huma aħwa u minn hemm ’il quddiem l-għan ta’ ħajjithom isir dak li jsibu lil ommhom.

L-aspett soċjali

Apparti l-preġudizzju razzjali li jeżisti f’xi wħud mill-Maltin, Cutajar ifakkarna li Maltin u Torok, jew Insara u Mislem, ma kinux dejjem għedewwa, imma kien jeżisti wkoll rispett bejn iż-żewġ razez, anki jekk naħa kienu s-sidien u l-oħra lsiera. Cutajar jirreferi għal nuqqas ieħor tal-Maltin ta’ kull żmien: l-ilsien laxk u d-dagħa. Hemm imbagħad bħal messaġġ dirett liż-żgħażagħ tal-lum: “Meta tisker ma jkollokx kontroll fuqek innifsek u ssir bħall-annimal.”

Tematika

Tema ewlenija hija d-destin u dak li jerfa’ għal kull individwu. Hemm min mill-ħażin jgħaddi għal sitwazzjoni aħjar, u min viċi-versa, bħal fil-każ ta’ Andrea u Rosa. U dan hu parti mill-istil narrattiv ta’ Cutajar biex jintroduċi dejjem aspetti ġodda fir-rakkont tiegħu u ma jraqqad qatt ir-ritmu tan-narrazzjoni. Hemm ukoll l-importanza tal-libertà għall-bniedem li hu skjav. Hu rumanz ta’ valuri pożittivi bħall-familja, l-altruwiżmu, l-imħabba u l-ħbiberija.

Ma setax jonqos li rumanz immirat għaż-żgħażagħ ma jitkellimx dwar xewqat, ħolm u mħabba. Xi mkien matul ir-rumanz kollu hemm bħal leħen msaħħar li jfakkar lill-qarrej li fost il-ġnus għandhom isaltnu l-paċi, il-ħbiberija u l-fratellanza, u mhux il-firda u l-gwerra.

Aħwa bla ma jafu ta’ Tony C. Cutajar huwa rumanz bi tmiem hieni, bħalma jixraq lill-qarrejja żgħażagħ.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment