Tuesday, November 16, 2010

Viator Errans - Il-Poeżiji Miġbura ta’ Sir George Borg

Forsi l-ewwel ħwejjeġ li wieħed jistaqsi malli jiġi f’kuntatt mal-ġabra ta’ poeżiji ta’ Sir George Borg huma xi tfisser eżattament “Viator Errans”, u għaliex? Mistoqsija oħra hija jekk hemmx rabta bejn it-titlu tal-erba’ volumi miġbura f’dan il-ktieb u l-kontenut tagħhom. It-tweġiba għal dawn tinkiseb bil-mod il-mod hekk kif il-qarrej jimxi minn paġna għall-oħra, minn xogħol għall-ieħor, u minn volum għall-ieħor ta’ dan il-poeta li qabel issa ftit konna nafu bil-versi tiegħu miktubin b’ilsienna. Viator Errans - Il-Poeżiji Miġbura jiġbor fih erba’ kotba bl-isem ta’ Weraq tar-Rand (1952), Omero (1953), L-Enejde (1953), u Sant’Jiermu(1953). Kollha flimkien jiġbru mal-55 xogħol differenti li jvarjaw fit-tul, fit-tema u fil-forma. Ħaġa oħra li tolqot lill-qarrej hija l-fatt li l-versi ta’ Sir George Borg jisforzawk - f’sens pożittiv - biex tmur tqalleb u tfittex dwar leġġendi, mitoloġija, storja u oqsma tal-għerf oħra. Storja moderna u kontemporanja spiss jitwaħħdu ma’ storja antika, ma’ leġġendi u ma’ figuri mitoloġiċi. Il-poeżija tiegħu tieħu x-xejra wkoll ta’ tifkira ta’ vjaġġi li huwa għamel fl-imgħoddi u anki ta’ waqtiet mill-isbaħ f’ħajtu.

Il-metrika, l-istil u l-ilsien imħaddma

Ladarba l-parti l-kbira tal-versi ta’ Sir George Borg jittrattaw l-istorja, il-mit u l-leġġendi, kif se nuri aktar ’il quddiem, wieħed jista’ jsejjaħ ix-xogħol tiegħu narrazzjoni f’għamla ta’ versi. L-aspett deskrittiv huwa qawwi ħafna tant li xi drabi l-versi ta’ Viator Errans joqorbu lejn il-pittura.

Prosodikament jintużaw ħafna l-endekasillabu, l-ottonarju, is-settenarju u l-kwinarju, u għalhekk ir-ritmi jvarjaw bejn ir-riflessiv u l-mexxej. Parti kbira mill-versi li naqraw huma neqsin mir-rima, imma dan ma jnaqqas xejn mill-isbuħija u mill-effett, anki jekk hemm drabi fejn tintuża r-rima mqabbża u dik alternata. Metrikament Sir George Borg juża ħafna l-vers maħlul, l-ottavi, is-sestini, il-kwartini, is-saffika barbara, u s-sunett kemm Taljan kif ukoll Ingliż (ara l-poeżija Il-Poeta l-Kbir).

Fost il-liċenzi poetiċi l-aktar evidenti niltaqgħu mas-similitudni li spiss tintrabat mad-dinja naturali. Hekk, per eżempju, fil-poeżija Libertà jikteb:

“Ustica, Eoli, Egadi, Palage,

qishom bħal flieles żgħar imdawra m’ommhom”.

Element li jintuża b’regolarità kbira huwa l-metonimja. Hekk lil Napuljun isejjaħlu “il-Kors”, “il-Lupu” u “il-gwerrier”, Milton huwa “il-għama Puritan”, Chapman “għaref l-Ingliż”, San Pawl “ta’ Tarsu l-kbir Duttur”, Malta “Art il-Għasel”, Mattia Preti “Raġel Kbir”, l-Ordni ta’ San Ġwann “Is-Salib tat-Tmien Qdusija” u “il-fjur tal-Kontinent”, il-Flotta Ingliża “il-korazza ta’ Albjone”, Victor Hugo “l-Kbir Franċiż”, l-Afrika “tad-dlam il-kontinent”, Alla “l-Għerf ta’ Fuq”, Ċiċerun “ta’ Ruma l-Kbir Oratur”, Dante “l-Gibellin maħrub”, l-Alpi “is-swar tas-silġ”, is-Senat Ruman “l-għaqda għarfa tal-koskritti”, il-Port il-Kbir huwa “tal-Gżira bieb” u “għall-ġnus bejta kennija”, u Ħaġar Qim u l-Ġgantija huma “kbar monumenti”.

Elementi oħrajn huma l-ironija (ara l-poeżija Pax Mundi fejn il-poeta jittratta lil Ruma u l-industrija ta’ l-ilsiera), l-inverżjoni sintattika, l-effett tal-gradazzjoni u l-klajmaks (ara It-taqtigħa ta’ Kossova), u l-mistoqsija rettorika. Hekk fil-poeżija Omero (li hija omaġġ lill-ħassieba l-kbar) jistaqsi:

“Hemm xi ħaġa iżjed nobbli

Milli huma l-ħsibijiet

Tan-nies kbar miksija b’libsa

Kollha deheb u ġawhar fin?”

L-interjezzjoni u l-iperbole jintrabtu mal-element epiku li jaħkem fil-versi ta’ Sir George Borg, anki minħabba l-influwenza ta’ kittieba kbar bħal Omero, Virġilju, Dante, Ariosto u Tasso. Hekk, per eżempju, fil-poeżija Sant’Iermu ssir enfasi fuq l-erojiżmu tal-Maltin li mietu f’din il-fortizza, u jsejħilhom “Sittin iljun, mdawrin b’eluf Mislim”.

Matul l-erba’ antoloġiji poetiċi tiegħu Sir George Borg juri ħakma assoluta fuq l-ilsien Malti, filwaqt li juri fil-prattika l-flessibiltà tiegħu. Ma jonqosx l-użu tal-Malti Semitiku - li jintuża tajjeb u f’postu - imma ma setax jonqos li jintuża bosta kliem Romanz li joqgħod perfettament fin-nisġa tal-versi, għalkemm xi wħud jistgħu jqisuh bħala nuqqas. Għalhekk niltaqgħu ma’ bosta kliem Taljanizzat bħal “suċċediet”, “iddistruġġew”, “jiffrenahom”, “ttraversaw” “sparew”, “nissakkeġġaw”, “strangulatu”, “jisboċċa”, “żveniet”, “indispettit”, “nemik”, “bottin”, “skonfitt”, “dea”, “rinnomat”, “altura”, “allura” (f’dak iż-żmien), “salvament”, “bontà”, “astut” u “skonfitta”. Borg għalhekk juri fil-prattika li l-ilsien Malti hu flessibbli u kapaċi biżżejjed biex jinnarra anki l-ġrajjiet il-kbar f’għamla versifikata.

Matul il-qari ta’ Viator Errans - Il-Poeżiji Miġbura jinħassu bosta influwenzi ta’ xogħlijiet letterarji mill-kbar. Hekk fil-poeżija Il-Ħolma l-qarrej iħoss li hemm rabta ma’ xogħlijiet bħal Alice in Wonderland,l-Apokalissi, imma anki r-rakkonti epiċi tal-Kruċjati. Post importanti ħafna għandha wkoll it-traduzzjoni. F’dal-ktieb insibu tradizzjoni mix-xogħol Kubla Khan ta’ Coleridge, imma anki partijiet mill-Ilijade ta’ Omeru u oħrajn mill-Enejde ta’ Virgilju. Inħoss li hemm rabta bejn Virġilju u Sir George Borg għax it-tnejn għarfu jiddeskrivu permezz tal-versi tagħhom, u b’żewġ ilsna kompletament differenti (il-Latin u l-Malti),

"M'niex tgħaddi il qalb tal-bniedem ...

B'mod li ħaddieħor ma rnexxielu qatt

Id-dmugħ, il-ferħ illi n-nies tħoss kif hu".

(L-Enejde)

It-tematika

Fil-versi tiegħu Sir George Borg juri li huwa midħla sewwa ta’ l-istorja, tal-mitoloġija, tal-leġġendi u tal-letteratura klassika u moderna. In-natura, l-aspett didattiku-morali, in-natura tal-bniedem u l-fidi huma temi oħrajn li l-poeta jittratta f’dan il-ktieb.

L-istorja taċ-ċivltajiet: Viator Errans ixidd l-ilbies tal-poeta-vjaġġjatur matur matul epoki storiċi differenti. Għalhekk dak tiegħu huwa vjaġġ fl-ispazju imma anki fiż-żmien. Fost l-aspetti ttrattati hemm l-istorja ta’ imperaturi, mexxejja, dittaturi u rġejjen. Hawn jidħlu personaġġi bħal Alessandru l-Kbir, Annibale, Kubla Khan, Ruġġieru, Federiku, Murat u l-Ġannizzari, Monroi, La Vallette, George Washington, Napuljun, Stalin u Eliżabetta II. Fil-poeżija George Washington jikteb li ħafna minn dawn :

“Imperi waqqfu, xejra kbira taw

Lill-ġnus, u werqa ġdida kitbu għal dejjem.

[....................]

U paċi taw u glorja lil pajjiżhom”.

Imma oħrajn ħallew warajhom “Ta’ l-għadam kbir munzell/ U telf ta’ vittmi li ma jingħaddux!” (Pasteur)

U dawn kollha jintrabtu ma’ episodji storiċi internazzjonali u nazzjonali importanti li spiss Sir George Borg jinnarra f’għamla ta’ versi: il-ġrajjiet mistura wara Għar Dalam, Babel, il-popli li bnew l-Ipoġew, Ħaġar Qim, l-Imnajdra u l-Ġgantija, il-Vikingi, ġrajjiet il-Feniċi, iċ-ċiviltà Griega, l-Indja, il-Katakombi, Ruma, Biżanzju, l-iskoperta ta’ l-Amerka, l-Assedju l-Kbir, l-Alhambra, il-Balkani u l-bqija. Xi drabi avvenimenti Bibbliċi jitqabblu ma’ oħrajn aktar reċenti bħal fis-similitudni li naqraw f’Bysantium:

“iċ-ċkejkna tagħna Malta tul l-Assedju l-Kbir,

bħal ma Goliath minn David ġie maqtul,

lit-Tork feriet.”

Mela filwaqt li fuq naħa l-versi ta’ Sir George Borg jesprimu rispett lejn l-eroj, fuq in-naħa l-oħra jikxfu l-fatt li l-Maltin tal-preżent huma ingrati għax insew l-azzjonijiet ta’ l-eroj tagħhom għax warrbu l-imgħoddi tagħhom.

L-istorja li dwarha jikteb Sir George Borg hija magħmula minn bosta personaġġi oħra marbutin mad-dinja letterarja bħal Esopu, Omeru, Virġilju, Khajjam, Shakespeare, Milton, Chaucer, Byron, Shelley, Keats, Goethe, Tasso Pier delle Vigne, Brunetto Latini, Manzoni, Carducci u anki Ġan Anton Vassallo. Dwar dan ta’ l-aħħar jikteb li ħadem “għall-ilsien tagħna” biex “’il quddiem jimxi dejjem/ Kontra elf xkiel/ Min-nies li ħarsu ikreh lejn ilsienhom/ U kollox għamlu biex żammewh fil-baxx”. Dwar Dante jikteb li “il-kelma tiegħu għaqqdet poplu fir-ruħ, fil-ħsieb, għal żmien bla tarf.” Hemm imbagħad personaġġi marbutin mad-dinja klassika bħal Sokrate, Platun, Aristotli, Ovenal, Demostene, imma anki oħrajn bħal Prijamu, Ettore, Enea, u allat pagani bħal Uranos, Kronos, Arjadni, Saturnu, Orfeo, Febo, Pluto, Cerere u Pale. Personaġġi oħrajn li jaqgħu taħt l-attenzjoni ta’ Viator Errans huma Gutenberg (missier l-istamperija, imsejħa “għar il-għerf”), Vespucci, Kolombu, Marconi, Voltaire, Leonardo Da Vinci, u Pasteur (“Lid-dinja saħħa ġtaħ, fejqan”).

Il-paċi u l-fidi: Dawn iż-żewġ elementi jintrabtu flimkien fil-poeżija Art il-Għasel fejn Sir George Borg jikteb li “L-ewwel dmir ta’ ċittadin/ Hu lejn Alla u lejn pajjiżu”. Fost il-kittieba kbar imsemmija minnu hemm il-kittieb Taljan Alessandro Manzoni li emmen fil-Provvidenza divina, element li spiss jinsisti fuqu l-poeta Malti ttrattat hawn. Bħal fil-poeżija Ħsibijiet Viator Errans iqis lil “Alla bħala sid/ u Sultan ta’ l-art u l-baħar”, u jqiegħdu dejjem fuq quddiem.

Ix-xejra didattika-morali: Dawk ta’ Viator Errans huma wkoll versi b’tagħlima. U tagħlima li jinsisti fuqha spiss hija l-fatt li f’did-dinja kollox għandu t-tmiem tiegħu. Hekk f’Art il-Għasel jikteb: “Kemm malajr ittir il-ħajja,/ Kemm tan-nies, kemm ta’ l-Imperi!” F’It-taqtigħa ta’ Kossova jikteb li “il-ħajja/ Hi bħal ħolma, kollox frugħa/ U dewmieni ma hemm xejn!” F’Ħellas jistaqsi, “X’inhuwa l-kobor, ħlief biss dell li jtir/ bħal ħolma f’lejl?”, bħalma fil-poeżija Xlendi jerġa’ jikteb “Kemm fiergħa hi l-ħajja” u jistaqsi, “Iż-żmien x’inhu? Kemm kbira hija saħħtu,/ Kif kollox hu jġib fix-xejn”, u f’Ogigea jfakkarna li “Kollox itir!” U hawn tidħol il-mewt, f’Jum l-Imwiet, li ma tagħmilx distinzjoni bejn kbir u żgħir,

“Għax qalb l-oqbra int ma ssibx

La nies kbar u la nies żgħar,

Għax il-mewt b’minġel qalil

Lil kulħadd tagħmel l-istess.”

U minkejja l-kobor ta’ dawk li baqgħu jissemmew fl-istorja tal-bniedem, Viatro Errans jaf li “’Ma kif ifalli spiss il-moħħ tan-nies/ anki jekk dawn ikunu kbar, għorrief!” (Bysantium)

Sir George Borg jikteb ukoll li:

“Sibt tagħlima illi tgħid

Li biex jgħixu n-nies iridu

Jaħdmu sew bil-moħħ, bid-driegħ.”

(Art il-Għasel)

Mela Viator Errans ma għolliex biss il-ħassieba l-kbar, imma anki dawk li ħadmu sod b’dirgħajhom, mela l-ħaddiem, jew dak li jsejjaħlu “fqir-sinjur” fil-poeżija Helvetia. Il-ħaddiem umli jissemma f’Lir-Reġina meta jikteb, “Is-snajja’ żgħar li l-Malti għaraf joħloq”. U fost il-ħaddiema umli hemm il-bidwi li “bl-għaraq ta’ ġbinu jieħu/ Mill-aktar frott li tista’ hi ġil-ħamrijaħ tagħtih” (Il-Maqluba). Il-bidwi bħala protagonist, imma anki s-sajjied u r-ragħaj, jidhru f’poeżiji oħra bħal L-Imdina, Ġnien Graw u Xlendi.

Tagħlima oħra fil-versi ta’ Sir George Borg hija dik li naqraw mill-ġdid f’Jum l-Imwiet:

“Ħafna drabi l-isbaħ ward

Jiftaħ, jikber u jitbiel

Ġewwa bosk, ma jarah ħadd.”

Għalhekk hawn irid ifakkar mhux lill-imperaturi, lill-irġejjen u lill-mexxejja l-kbar, imma lil dawk li għexu u mietu bla ħadd qatt ma kien jafhom.

Tagħlima oħra li jwasslilna Viator Errans hi dik li naqraw f’Għar Ħasan: “Saqqi bl-għasel lewża morra/ L-istess frott tibqa’ tagħtik.”

Nispiċċa din it-taqsima aktar milli b’tagħlima, bi twissija li Sir George Borg jagħmel lill-ispekulaturi Maltin fil-poeżija Il-Fidwa, twissija li għadha tgħodd sal-ġurnata tal-lum:

“Int l-interess ta’ klassi biss qed tfittex,

iftakar ftit f’dak illi għamlu għalik

fiż-żmien l-imgħoddi x-xjuħ li tant sofrew

biex tgawdi ftit.”

Il-versi dwar il-virtu' u l-vizzji tal-bniedem: Sir George Borg bħala Prim Imħallef żgur li kien jaf min xiex inhi magħmula n-natura tal-bniedem. U dan joħroġ b’qawwa kbira kemm fl-epiċi u r-rumanzi kbar bħall-Ilijade, l-Enejde u I Promessi Sposi li qaleb għall-Malti partijiet minnhom, kif ukoll fil-versi tiegħu. Forsi l-ikbar virtù għal Viator Errans hija l-umiltà u s-sempliċità. Fil-poeżija It-Troubadour jikteb li “għalija/ Il-ftit wisq kien l-akbar ġid”. F’Jum l-Imwiet isostni b’umiltà li huwa tgħallem minn għorrief bil-bosta ikbar minnu, u jammetti li “Jien wisq fqir biex nista’ nfakkar”.

Fuq in-naħa l-oħra hemm in-nuqqasijiet tal-bniedem bħall-frugħa, l-għira, il-kefrija, il-vendetta, il-ħdura, il-gwerra, l-inkwiet fiż-żwieġ u l-bqija. Dawn kollha jnikktu lil Viator Errans. F’Bysantiumjikteb li “Ir-regħba, il-frugħa, il-vanità tan-nies,/ jagħħmu ’l kulħadd”.

Il-ġibda lejn l-ambjent naturali: Viator Errans huwa anki dak li jħobb jippassiġġa waħdu u f’armonija man-natura. Hawnhekk huwa jsib kenn u mistrieħ “mill-irvell tal-bliet, fejn ġhemmħ nies imġienen” (Il-Maqluba). F’Art il-Għasel jikteb li darba saħansitra sab kenn mix-xita u raqad ġo girna. Għal Sir George Borg l-isbuħija maestuża tan-natura taf tnissel fil-bniedem ħsibijiet mill-ogħla, u l-vjaġġ fisiku-spazjali f’ambjenti naturali mill-isbaħ isir metafora tal-vjaġġ tal-ħajja. Hekk jikteb f’Omero:

“Mort mill-Val d’Aosta ’l fuq

Ħdejn il-klieb ta’ San Bernard,

Triq skabruża, preċipizzju -

Kif issib ma’ tul il-ħajja.”

Hawnhekk isemmi wkoll għadd ta’ għoljiet jew muntanji li żar u li jsiru metafora tal-ikbar għorrief jew mexxejja: “Fil-moħħ tiegħi dehru ċimi/ Ta’ nies kbar, li, bħal ma dawk,/ Fuq l-għelieqi isaltnaw.” Fil-poeżija Randazzo jikteb hekk:

“’Ma l-ħajja hi, fi żmien jidħaklek kollox,

Dritta hi t-triq, jimtela moħħok b’ħwejjeġ

Tant sbieħ, li taħseb int sultan tad-dinja;

F’salt wieħed, kemm tibdil, biss kruha tara

Tagħfaslek qalbek, xewqa trid li tmut.”

Mela, mill-ġdid, mid-deskrizzjoni naturali jgħaddi għat-tiġrib uman u jikteb dwar il-ħajja bħala ingann.

Konklużjoni

Minn dan kollu toħroġ stampa aktar ċara ta’ x’inhu Viator Errans: il-qarrej tal-istorja, tal-miti u tal-leġġendi; il-poeta b’tagħlima; il-ħabib tal-ilsien Malti; il-bniedem b’fidi nisranija u morali qawwija; l-għaref li għaraf li f’din id-dinja kollox għandu tmiemu; il-vjaġġjatur, fittiex, ħassieb u skopritur mhux biss ta’ rkejjen differenti f’din id-dinja u ta’ xogħlijiet letterarji u skoperti xjentifiċi, storiċi u ġeografiċi, imma anki ta’ ħsus mill-aktar differenti li sawru lill-bniedem matul l-istorja tiegu.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment