Tuesday, November 30, 2010

Travelling between shadows - Social comedy and narrative in Mario Azzopardi ta’ Charles Briffa

Allied Publications, 2007.

Travelling between shadows huwa ktieb ta’ kważi 200 paġna, maqsum f’disa’ partijiet, u miktub minn wieħed mill-kritiċi letterarji ewlenija f’Malta, Dr. Charles Briffa. L-għażla ta’ l-ilsien Ingliż saret bil-għan li tippermetti lil udjenza ħafna ikbar ta’ qarrejja biex igawdu x-xogħlijiet u jsiru jafu dwar Mario Azzopardi, anki huwa ewlieni, imma did-darba fl-oqsma tal-poeżija, tad-drama u tal-ġurnaliżmu.

Charles Briffa jibda billi jagħti tagħrif bijografiku dwar l-enfant terrible tas-sittinijiet, imma anki informazzjoni dwar Mario Azzopardi kif immatura matul is-snin, sal-ġurnata tal-lum. Is-sabiħ huwa li Briffa jikteb dwar Mario Azzopardi minn perspettiva ta’ 360 grad, u jqiegħdu saħansitra fil-kuntest soċjo-politiko-storiko-kulturali li għex u għadu jgħix fih.

Dan huwa ktieb li jitkellem dwar Mario Azzopardi u xogħlijietu, imma jitfa’ anki dawl fuq Charles Briffa bħala kritiku, traduttur u studjuż ta’ l-ilsna moderni u l-letteratura. B’hekk joħroġ il-ħiliet mhux biss tal-poeta ribell, imma anki tal-kritiku li jesponi b’lingwaġġ u bi stil kritiku imma li jinftiehem il-mekkaniżmi, l-influwenzi, l-esperjenzi personali, letterarji u professjonali ta’ Mario Azzopardi żagħżugħ, imma anki raġel matur li llum qabeż is-sittin sena. U minkejja dan għadu jitqies bħala ewlieni fost l-intellettwali ta’ gżiritna, intellettwali li qatt ma beża’ jgħid u jikteb li l-iswed hu iswed u l-abjad hu abjad. U dan f’kuntrast ma’ intellettwali oħra li għażlu t-triq tal-kompromess, tas-silenzju u beżgħu jagħtu ġudizzju; jew tal-psewdo-intellettwali (li huma ħafna iktar), li ppużaw u għadhom jippużaw bl-uniku għan li jidhru, li jonfħu lilhom infushom u li jimmanipulaw il-pubbliku inġenerali kif jixtiequ huma.

Inħoss li t-titlu ta’ dan il-ktieb – meħud mit-titlu ta’ poeżija li Mario Azzopardi kiteb bl-Ingliż m’ilux f’Lodz - huwa f’postu. Fih innifsu jieħu lill-qarrej fi vjaġġ ta’ skoperta, ta’ kixfa u ta’ rivelazzjoni, mhux biss dwar il-figura ta’ Mario Azzopardi, imma anki dwar bosta aspetti oħra. Hu ktieb li jittratta wkoll il-vjaġġ letterarju, intellettwali u kulturali li Mario Azzopardi għamel matul ħajtu, vjaġġ li jibqa’ għaddej sal-preżent. Huwa vjaġġ bil-punt tat-tluq tiegħu b’Mario Azzopardi jirribella kontra l-istaġnar u t-tradizzjoni, il-mentalità imperjalista u magħluqa, il-biża’ mit-tabujiet, u bil-punt tal-wasla li jerġa’ joqrob lejn it-tradizzjoni, fejn Mario Azzopardi stess jagħraf li wara kollox huwa anki bniedem bil-limiti tiegħu (aspett li jinħass sewwa fil-poeżija Equus).

Il-ktieb Travelling between shadows huma mżewwaq bl-aħħar versi ta’ Mario Azzopardi li forsi ’l quddiem ikollna x-xorti narawhom ippubblikati f’antoloġija poetika għaliha, u dawn kemm fl-ilsien oriġinali (il-Malti), kif ukoll bl-Ingliż. Fih Charles Briffa jittratta r-rabta ta’ Azzopardi mal-poeta nazzjonali Dun Karm, l-importanza ta’ l-impenn soċjo-politiku fl-ideat tal-poeta analizzat, il-kunċett tal-kelma bħala protesta, sehem ir-ritmu fil-proċess tal-kreattività, mekkaniżmi bħall-parodija, il-fokalizzazzjoni, il-grottesk, imma anki l-lingwaġġ partikolari li juża, il-poeproża u l-vers ħieles. Imbagħad hemm ukoll taqsimiet dwar il-femminiżmu fil-versi ta’ Azzopardi, il-laqgħa tiegħu ma’ personaġġ importanti fid-drammaturġija dinjija bħalma huwa Edward Bond, siltiet kritiċi dwar kitbietu minn personalitajiet magħrufa, u d-differenza bejn dak li jagħmel xogħol pornografiku u ieħor artistiku.

Travelling between shadows huwa ktieb li kull min għandu għal qalbu l-poeżija, il-kritika, l-istorja u l-kultura Maltija għandu jkollu fil-librerija tiegħu. Huwa anki ktieb li jippermetti saħansitra li jinqara aktar minn darba ladarba l-istil li bih hu miktub ma jgħajjiex lil dak li jkun.

Patrick Sammut

Monday, November 29, 2010

Meta siket il-bahar – Poeziji ta’ Charles Bezzina (2008)

L-isem ta’ Charles Bezzina huwa marbut ma’ numru ta’ pubblikazzjonijiet kemm ta’ natura poetika kif ukoll ta’ natura storika marbutin ma’ G]awdex matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Meta Siket il-Ba]ar hija s-sitt antolo[ija poetika tieg]u wara li f’temp ta’ tmintax-il sena ppubblika Triqat Bla Tarf, Meta Karab il-Ba]ar, Ba]ar Solitarju, Mew[iet tal-}emda u Kurrenti Solitarji. Ba]ar Solitarju ssemma b’[ie] fil-Premju Letterarju 1997, filwaqt li Mew[iet tal-}emda reba] il-Premju Letterarju 2002.

Meta Siket il-Ba]ar ji[bor fih 154 poe\ija. Jinkludi studju kritiku tal-Professur Oliver Friggieri, “Kelmtejn lill-qarrejja” u silta qasira dwar xi tfisser il-poe\ija me]uda minn John Keats. Metrikament u prosodikament Charles Bezzina jintrabat mat-tradizzjoni. Fost il-versi favuriti tieg]u nsibu s-settenarju, l-ottonarju, in-novenarju u l-endekasillabu (il-vers tar-riflessjoni). B]ala forom metri`i j]addem spiss il-kwartina b’rima mqabb\a, id-distiku bir-rima mbewsa, il-vers ma]lul (poe\iji kollha kemm huma bl-endekasillabu ming]ajr rabta ta’ strofa jew rima), u s-sunett Ingli\. Lessikalment Bezzina jissellef l-aktar minn tliet g]ejun: in-natura, it-ti[rib tal-]ajja u t-twemmin. Spiss fil-lingwa[[ tieg]u nsibu referenzi konxji u inkonxji g]al-lingwa[[ tal-passjoni. Huwa jibqa’ anki f’din l-antolo[ija l-aktar re`enti tieg]u l-poeta tal-ba]ar ladarba parti kbira minn vrusu jintrabtu ma’ dan l-ambjent li kittieb li twieled u g]ex fuq g\ira ma jistax jinfired minnu bl-ebda mod. Fi Stennew naqraw li l-ambjent tal-ba]ar jaf joffri ser]an lil min hu ma]kum min-nevro\i. Fuq livell metaforiku, wara x-xbieha tal-bajja u tax-xefaq hemm tifsiriet li jmorru lilhinn mill-fi\iku. Apparti l-ambjent tal-ba]ar perÅ, f’din l-antolo[ija [dida jispikka wkoll il-wied. Anki dan mhux nieqes mis-se]er: “Hemm b]al se]er spiritwali/ li qajl jilma [ewwa l-wied” (Il-Wied). Apparti l-wied (li jista’ jinftiehem b]ala parti mill-makroko\mu, b]all-ba]ar), Bezzina jg]anni wkoll l-i`ken ]lejjaq (il-mikroko\mu) b]al kif jag]mel fi Fjura u Il-Brimba (mifhuma b]ala artista).

Dawk ta’ Meta Siket il-Ba]ar huma poe\iji li g]andhom jinqraw wa]da wa]da, mhux kollha f’daqqa. Hekk biss il-qarrej ikun jista’ jgawdi mija fil-mija u japprezza l-veritajiet li hemm issikkati bejn vrus Bezzina u s-seng]a li bihom ]adem kull poe\ija. Il-qarrej jifhem ukoll li d-dinja tal-poe\ija u dik ta’ Bezzina poeta jintis[u flimkien kif jo]ro[ `ar fil-poe\ija Il-Poe\ija ta’ }ajti. Dwar is-seng]a ta’ l-artist ikun liema medju jkun naqraw il-poe\ija Skultur, pittur, poeta: hawn l-arti tinftiehem b]ala l-g]oti tal-]elsien lil forom, ]sibijiet u versi li jkun hemm mag]luqin f’mo]] jew f’qalb l-artist. PerÅ, xi drabi ji[ri li t-toqol tal-]sieb inissel il-we[g]a fil-poeta ladarba ma jo]or[ux f’poe\ija. (Illum }abat ma’ Mo]]i)

Tematikament Bezzina jittratta varjet¿ wiesg]a ta’ su[[etti. Hemm g]add ta’ ele[iji, wa]da minnhom iddedikata lil poeta G]awdxi ie]or, {or[ Pisani, bl-isem ta’ Fuq Qabar ta’ }abib. Dan l-istess persona[[ jispira lil Bezzina biex jikteb ukoll Lil }abibi {or[ Pisani, li jqisu b]ala “missier mill-kbar, g]alliem li ]dimt qatig]”.

Hemm il-poe\iji li jittrattaw il-‘jien’, mela dawk fejn Bezzina jikteb dwaru nnifsu b]ala bniedem poeta. F’It-Torri, dan il-bini jinbidel minn ]a[a solida g]al xi ]a[a [ewwiena jew xbieha ta’ dak li jista’ joffri kenn lill-poeta u mbag]ad ji[[arraf. F’Jiena n-Nar il-log]ba kiefra bejn in-nar u x-xemg]a tissarraf ukoll f’log]ba ta’ ritmi u kliem. Fl-a]]ar kollox jinbidel fi dlam u skiet; jibqa’ biss l-eku, it-tifsiriet u x-xbihat tal-poe\ija. F’Il-{nien tin]ass il-]tie[a li l-poeta j]oss biex ja]rab u jinqata’ mill-“kejl ta\-\mien”.

Hemm poe\iji li jintrabtu ma’ ambjenti miftu]in u o]rajn mag]luqin, klawstrofobi`i. Wa]da minn dawn ta’ l-a]]ar hija Fl-isptar, fejn fuq na]a hemm it-tbatija u l-mewt, u fuq l-o]ra “g]ajnejn il-kur`ifiss”. U dan jintrabat mal-fatt li Bezzina qatt ma jitbieg]ed mit-twemmin Nisrani li matul dal-vja[[ tieg]u jag]tih il-forza biex jimxi ’l quddiem. Fil-poe\ija Fil-Knisja Bezzina jqieg]ed lil Alla (l-ispirtu li jinsab mistur fil-qieg] u li huwa dejjiem) fl-ewwel post, mela qabel l-arti (li ssibha fil-wi``, mela tg]addi). Anki f’Hemmhekk jo]ro[ l-g]arfien tal-limiti ta’ dak li hu uman u `-`ertezza li fl-a]]ar “tirba] ir-ru]”. Min-na]a l-o]ra Fuq l-Alpi tiddeskrivi spazji miftu]a: il-kobor ta’ l-Alpi jfakkar lill-poeta fil-kobor ta’ l-im]abba t’Alla. Jixref hawn `ertu pantei\mu.

Hemm poe\iji li jintrabtu ma’ mkejjen partikolari (nazzjonali u internazzjonali) b]al Krakovja, dil-belt qaddisa li tintrabat man-Na\i\mu, mal-Komuni\mu, imma anki mal-figura tal-Papa {wanni Pawlu II. Poe\iji o]ra ta’ dat-tip huma Santwarju fl-Awstrija u Fuq l-Alpi. F’Lejla fix-Xlendi Bezzina jsir ]a[a wa]da ma’ l-ambjent favurit tieg]u, dak marin. Hemm appell g]as-sensi tax-xamm u tal-vi\joni, imma anki tiftixa g]al stat ta’ safa.

Imbag]ad hemm ukoll poe\iji fejn Bezzina jittratta direttament it-tema tal-patrija. F’Wirt Artna jsostni li hu importanti li nibqg]u ng]o\\u l-[rajjiet u l-wirt tag]na anki g]ax dan jg]inna nkunu a]jar fil-pre\ent. Dan jintrabat b’xi mod ma’ dak li jikteb f’Kexxun l-Img]oddi fejn Bezzina jg]idilna li l-g]o\\a ta’ dak li g]andna fil-kexxun ta’ l-img]oddi tirrifletti a]na kif a]na llum. Anki f’Lill-Kastell t’G]awdex Bezzina juri qima lejn dak kollu li hu [ej mill-img]oddi u frott l-antenati tag]na. U dan iwassal g]al tema o]ra b]alma hija dik tal-progress li jekk ma noqog]dux attenti jeqred l-img]oddi tag]na, dak li huwa awtentiku. Hekk fil-poe\ija B’Tifkira ta’ {or[ B\aru, mid-deskrizzjoni partikolari u ]elwa ta’ bejjieg] tal-karawett marbut ma’ l-img]oddi, Bezzina jg]addi g]at-tematika aktar universali tal-progress u tal-bidla li g]addiet u g]adha g]addejja minnha l-g\ira t’G]awdex: “G]awdex tbiddel, tilef surtu,/ fil-progress g]otor fit-tajn.”

Hemm ukoll il-poe\iji fejn il-‘jien’ isir ‘a]na’, imma xorta wa]da t-tema tibqa’ dik ta’ l-e\istenzjali\mu. F’Il-Vja[[ Bezzina jikteb dwar il-vja[[ tal-bnedmin f’did-dinja, vja[[ fejn “il-boxxla [[ennet... u a]na nippruvaw nimxu ming]ajrha/ sa nsibu d-direzzjoni ta’ destinna”. Minkejja t-tempesta u l-irwiefen, hemm l-ur[enza li jinstab “xi port a]]ari”. Imbag]ad wara l-]effa tar-ritmu u s-sempli`it¿ tal-kliem hemm il-pi\ tal-verit¿ li taqta’ daqs sikkina: id-destin tal-bniedem m’hu xejn ]lief “b\ie\aq tas-sapun... jinfaqg]u fl-arja, jisparixxu”. (Destini b\ie\aq)

Dak li ju\a Bezzina fil-poe\iji tieg]u huwa lsien mirqum u versi ma]dumin b’seng]a kbira, minkejja li [ejjin direttament mill-qalb. L-ixbihat huma ]elwin, `ari, sempli`i, imma profondi qatig]. Il-poe\iji tieg]u jlissnu veritajiet u riflessjonijiet profondi u mill-isba], imma minn ta]t l-ilsien, b]al donnhom qed jitlissnu f’imkien qaddis u li jitlob fuq kollox is-silenzju u l-qima. Xtaqt nag]laq b’poe\ija mill-isba] li hija Lil Raisa (in-neputija ta’ Charles Bezzina, u l-persuna li lilha jiddedika din l-antolo[ija poetika), poe\ija testment li fiha l-poeta G]awdxi jikteb dwaru nnifsu b]ala “individwu/ li kiteb djarju twil ta’ ]ajtu mqallba... ]assiebi/ li ]alla testment stramb ta’ versi mqanqla.”

Meta Siket il-Ba]ar ta’ Charles Bezzina g]andu jsib postu fil-librerija ta’ kull min g]andu g]al qalbu mhux biss il-poe\ija Maltija imma anki l-ilsien Malti.

Patrick Sammut

Kassjopea - Antologija ta’ esejs (2006) ta’ Maurice Mifsud Bonnici

Dan hu ktieb li jiġbor fih 41 esej f’244 paġna. Huma kitbiet li jvarjaw fin-natura tas-suġġetti li jittrattaw. Uħud minnhom huma nofs triq bejn l-esperjenza personali u professjonali u l-kumment soċjali. Ma jonqsux il-kritika kostruttiva, l-ironija u l-laqta komika matul il-kitbiet tal-kittieb minn Ħal Lija. Tinħass b’saħħitha r-rabta bejn Maurice Mifsud Bonnici tifel (dak ta’ bosta snin ilu) u l-istess awtur, imma anzjan ta’ tmenin sena. Stilistikament il kitbiet ta’ natura teknika u soċjali xi mindaqqiet jinħassu ftit itqal u ftit inqas mexxejja minn dawk narrattivi. Dak li l-awtur jikteb f’waħda mill-esejs tiegħu - It-teorija tal-kuntrarjetà - japplika sewwa għalih ukoll: “bniedem li jħaddem is-sens ta’ osservazzjoni” u li “jasal biex iwelled kixfiet għall-ġid ta’ għajru.” (p. 77) Il-qarrej ta’ Kassjopea jista’ jaqra dwar numru ta’ personaġġi marbutin mal-passat ta’ l-awtur bħal Ġanni tal-ħalib, Majsi l-parrukkier u missierek, is-Sur Ġużè tas-Sanità, imma anki dwar personaġġi storiċi li għexu fir-realtà - bħall-arkitett Piano, Churchill, Roosevelt, Gorbachev, Bush, Eliżabbetta II u l-Papa Ġwanni Pawlu II - u hawn tispikka ħafna s-sengħa tad-deskrizzjoni.

Mistoqsijiet:

1. Maurice Mifsud Bonnici huwa bniedem li jikteb iva, imma li qabel jikteb, jifli, jgħarbel u jirrifletti qatigħ. Xi tgħid dwar dan?

La int apprezzajt dan kollu sinjal li int għandek dawn il-kwalitajiet fik ukoll. Jiswa ħafna għall-qarrejja, speċjalment jekk ikunu studenti, li l-awtur ma jiktibx mill-ewwel dak li jiġih f'moħħu u jħalli lill-qarrejja jiġu għall-konklużjonijiet tagħhom. Inħobb nagħraf biex nilħaq il-mudullun ta' ħsiebi qabel niktbu.

2. Spiss il-qarrej jiġi indirizzat direttament fil-kitbiet tiegħek. X’ġid jista’ jikseb il-qarrej ta’ Kassjopea?

Inħobb li lill-qarrej niktiblu bħal meta nkellmu wiċċ imb'wiċċ. B'hekk indaħħlu fl-interess ta' dak li nkun ktibtlu. L-Ingliżi għandhom espressjoni iktar ċara: take him into your confidence.

3. Ħsieb li joħroġ f’wieħed mill-esejs tiegħek hu dan: “Mas-serħan trid issinn l-għodda”. Kemm japplika dan għalik meta tiġi biex tikteb?

Meta ktibt dan il-ħsieb kont qed nalludi għas-serħan mix-xogħol waqt il-qtugħ tas-siġar. Meta tiġi biex tapplika dan għall-kitba tiegħi, inħoss li għandi niddistingwi bejn kitba ta' proża u dik ta' poeżija. Meta nkun f'nofs xogħol ta' kitba ta' proża u nkun qed nieħu s-serħan tiegħi, jien naħseb ħafna fuq dak li nkun għad irrid nikteb. B'hekk inkun qed insinn l-għodda biex naqta' iktar "siġar". Meta niġu għall-kitba tal-poeżija, meta jiġini ħsieb poetiku f'moħħi ma naħlix żmien noqgħod insinnu waqt il-mistrieħ tiegħi: niktbu mill-ewwel u nsinnu waqt li nkun qed niktbu. Hekk niktibha l-poeżija jien, u nifhem hawn ħafna poeti bħali.

4. Fl-imgħoddi kont taħdem bħala inġinier - dan tak l-opportunità biex tifhem aħjar l-importanza ta’ l-ambjent u t-teknoloġija li dwarhom tikteb ħafna f’Kassjopea. X’tikkummenta?

L-inġinier huwa l-protagonista fit-twettiq tat-teknoloġija. Fir-rigward ta' l-ambjent daqs kemm jista' jsebbħu, jista' jgħarrqu. Fil-kitba tiegħi dejjem tfajt ħafna responsabbiltà fuq l-inġinier meta nkun qed nikteb fuq il-ħarsien ta' l-ambjent. Xi drabi l-inġinier ikun imġiegħel jieħu deċiżjonijiet li hu ma jaqbilx magħhom, għax ma jkunx hemm xejn x'tagħmel. Hekk, pereżempju, meta jien kont Chairman ta' l-Enemalta kelli naċċetta li fl-istazzjon tagħna tal-Marsa nibdew nużaw boilers ġodda li jaħdmu bil-faħam, avolja l-faħam huwa għadu magħruf ta' l-ambjent. Dan għax l-inġinier għandu r-responsabbiltà konfliġġenti li joħloq servizz bl-inqas prezz għall-konsumatur.

5. Kassjopea hi żwieġ bejn il-prammatiku u t-teoretiku, l-utli u d-dilettevoli. X’taħseb?

L-aspett prammatiku magħqud ma' dak teoretiku trawwem fija mill-formazzjoni tiegħi ta' inġinier li f'xogħlu jgħaqqad il-prattika mat-teorija u l-aspett l-ieħor ta' l-utilità magħġuna ma' dak li hu dilettevoli, rawwimtu fija bħala awtur li jfittex li b'kitbietu jgħaddi messaġġi li huma siewja għall-ħajja u oħrajn li jsebbħuha. Din ta' l-aħħar trawmet fija l-aktar bil-poeżija li ta' spiss tnebbaħni.

6. Inti ppubblikajt ukoll ġabriet ta’ poeżiji, rumanz u ktibt bosta novelli mxerrdin f’antoloġiji ko-awturati, rivisti u ġurnali lokali. X’għandha iktar u/jew inqas il-kitba ta’ l-esej minn dik tan-narrattiva jew tal-poeżija?

L-esejs huma kitba li m'hix fittizja bħal ma jistgħu jkunu n-narrattiva u l-poeżija. Esejs bit-Taljan, u anki kultant bil-Malti, jissejħu saġġi li jissuġġerulek trattament ta' l-għerf. In-narrattiva tirrakkonta u l-poeżija toħlom. Għalkemm essej rari jkun bl-aspett ta' l-aħħar, spiss insibu esejs narrattivi. Meta konna l-iskola, mil-lista ta' suġġetti li konna mitluba nagħżlu l-esej tagħna, ta' spiss konna nagħżlu wieħed narrattiv għax dan hu meqjus mit-tfal bħala eħfef minn suġġetti oħra.

7. L-esejs li naqraw f’Kassjopea għandhom ukoll messaġġ marbut magħhom. Wieħed minnhom huwa favur il-paċi u kontra l-gwerra. Ieħor huwa dwar kemm tista’ tkun maħmuġa l-politika internazzjonali. X’messaġġi oħrajn se jiltaqa’ magħhom il-qarrej?

Hemm bosta messaġġi oħra f'din l-antoloġija tiegħi. Wieħed minnhom huwa l-messaġġ storiku li għadni kemm insemmi. Messaġġ ieħor ta' kif bniedem għandu jkun jaf kif jgħix il-ħajja tiegħu f'did-dinja. F'das-sens hemm x'titgħallem ħafna mill-esej tiegħi "It-Teorija tal-Kuntrarjetà", li, għalkemm miktub b'sens ta' umuriżmu fin, iħallilek lezzjoni–li jaqbillek iġġerragħ il-kuntrarjetà fil-ħajja u titgħallem tgħix magħha għax m'hemmx ħaġ'oħra x'tagħmel. Messaġġ ieħor huwa dak li wieħed bil-vokazzjoni ta' inġinier tal-elettirku fi żmieni kellu l-elementi kollha kontrih, l-ikbar waħda fosthom hija li fl-Università ta' Malta ma kienx hemm kors għalih, u kien ikollu jsiefer bħal ma għamilt jien. Dak li ktibt mill-esperjenza tiegħi jiswa ħafna għal min irid jikteb l-istorja ta' l-inġinerija f'Malta u għall-istudenti ta' llum biex japprezzaw il-faċilitajiet li ġew biż-żmien maħluqa għalihom. Messaġġ importanti ieħor huwa dak li aħna li rridu mill-ħolqien irridu qabel xejn nibżgħu għalih aħna. Hemm oħrajn, iżda naħseb tawwalt biżżejjed.

8. Kemm huma importanti Ħal Lija u Birżebbuġa fil-kitbiet tiegħek?

Ħal Lija hija raħal twelidi li jien tant inħobb u ma nieqaf qatt infakkarha fil-kitbiet tiegħi, speċjalment fil-poeżija. In-nies ta' dar-raħal tawni "Ġieħ Ħal Lija" li jien tant apprezzajt u ma niqafx napprezza. Birżebbuġa nħobbha għax fiha qattajt l-isbaħ sjuf ta' tfuliti ma' ħija Antoine. It-tifkiriet tagħha, speċjalment il-filgħaxijiet twal tagħha bid-dawl tal-qamar jisserrep fuq wiċċ il-baħar tal-bajja hekk imsejħa Pretty Bay, ma nista' ninsihom qatt u għalhekk ma nqastx insemmihom f'din l-antoloġija tiegħi.

Patrick Sammut

Tuesday, November 23, 2010

QRUSA ta’ Anton Grasso (Outlook Coop, 2009)

Qrusa hija s-sitt u l-aħħar ġabra tal-aħjar stejjer riveduti minn Anton Grasso. Tiġbor fiha 23 rakkont li jinfirxu fuq 260 paġna bejn wieħed u ieħor.

Stil

Spiss ir-rakkonti ta’ Grasso jinqraw bla diffikultà ta’ xejn u f’nifs wieħed. Juża fost l-oħrajn l-istil djalogat. Ir-rakkont Dinja ġdida jista’ jfakkar fil-ħrafa klassika ta’ Beauty and the Beast. It-tmiem huwa effettiv u għandu mit-teknika ċinematografika. Grasso jħallih miftuħ sabiex il-qarrej jistaqsi xi jmiss, għalkemm hemm indikazzjoni ta’ dan. Grasso jerġa’ jieħu miċ-ċinema klassika f’Każ ta’ eżorċiżmu meta fl-aħħar joħloq sitwazzjoni mwaħħxa ta’ possessjoni mill-ħażen.

Fi Trinu l-iswed niltaqgħu ma’ siltiet li jnisslu patos (sens ta’ ħasra) permezz tad-djalogu bejn il-Bambin tarbija u Trinu. Hawnhekk ir-realtà kiefra titħallat mas-surreali, filwaqt li r-rakkont għandu mill-ħrafa għat-tfal. It-taħlita bejn realtà u fantasija, bejn il-ħajja u d-dramm, bejn ix-xewqat u l-beżgħat ġewwiena sseħħ f’Is-seba’ vittma. Hawn jispikka s-sens tat-thriller. Aktar tard l-istess rakkont jaqbad ritmu li jwassal għal climax fint biex wara jaħsdek bi tmiem bejn mistenni u mhux mistenni.

L-idea tal-ħrafa nħossuha wkoll f’Il-Vjaġġ: Milju u l-ħmara (kważi umanizzata), il-vjaġġ u l-pjan biex iqarraq bil-ħallelin tal-masġar (l-ostaklu). Dar-rakkont jissawwar u jikseb tifsira bil-lajma. Grasso jibbilanċja bejn in-narrazzjoni, id-deskrizzjoni u d-diskors dirett, filwaqt li ma tonqosx it-tagħlima finali.

Spiss il-livell deskrittiv li jħaddem Grasso huwa mill-awqa. Huwa jħaddem b’sengħa anki r-ritmu tan-narrazzjoni bħalma jiġri f’L-ikreh raġel fid-dinja. Dik li għall-ewwel tidher storja stramba ta’ mħabba fl-aħħar ftit tinbidel f’rakkont tal-waħx tipiku. Naraw lil Grasso fl-aqwa tiegħu: il-qarrej isib ma’ wiċċu tmiem li ma kienx qed jistenna, filwaqt li huwa rakkont li jżommok sal-aħħar. Anki f’Ulied il-Ħsad Grasso jirnexxilu jiżviluppa r-rakkont tiegħu minn wieħed “normali” (fejn niltaqgħu ma’ bniedma leali lejn familtha u b’ħolma f’qalbha) għal wieħed tal-waħx u makabru.

Il-waħx jinħass ukoll f’Meta l-katavri ddeċidew li jagħmlu festin tal-Milied. Il-mod tar-rakkontar, is-siegħa magħżula, iċ-ċpar u t-tinwiħ tal-kelb, kollha jgħinu biex joħolqu sens ta’ biża’ u ta’ stennija (mekkaniżmu favurit minn Grasso u li permezz tiegħu jibni ċerta tensjoni – ara wkoll L-Appuntament) fl-istess ħin.

F’Bikja Grasso juża ingredjenti li jżommu lill-qarrej għajnejh imwaħħlin mal-paġna: is-sens ta’ misteru, il-qrara, id-delitt tal-innoċenti, l-istupru, l-imħabba u t-tarbija barra ż-żwieġ. Lessikalment Grasso ma jiddejjaqx juża l-Malti Semitiku, mela dak safi, imma fl-istess ħin iħalltu mar-Romanz (mela Taljan) fejn meħtieġ. Il-climax f’Bikja jintlaħaq bl-isplużjoni ta’ sparatura f’nofs knisja vojta li twassal għal suwiċidju. L-istil konfessjonali u l-importanza tat-tifkira jinħassu mill-ġdid f’L-Għarqa: ir-rakkont jissaħħaħ sakemm jinbidel f’wieħed tal-waħx u jilħaq il-quċċata bil-mistoqsija aħħarija li tħalli lill-qarrej bejn deluż u bejn jixxennaq biex jistħajjel kif l-azzjoni tista’ tkompli u tintemm.

Mekkaniżmu ieħor li jħaddem Grasso huwa l-flashback (jew ħarsa lura lejn l-imgħoddi). F’L-Appuntament l-issa u l-imgħoddi jissawbu flimkien biex joħolqu mill-ġdid rakkont verament mexxej. Kollox jinbena madwar l-istennija ta’ appuntament li fl-aħħar mill-aħħar ma jseħħx.

Xi drabi niltaqgħu ma’ partijiet jew epilogi li diffiċli tifhimhom. Il-qarrej jistaqsi “X’ġara eżattament?” (ara Destin). Imma forsi dan mhux rifless tal-psike kkumplikat u misterjuż tal-bniedem li fih Grasso l-ħin kollu jimraħ, iqalleb u jfittex? Dan jinħass ukoll f’Il-Lampier, rakkont li jipprova jikxef dak li diffiċli tarah għax moħbi fil-qiegħ nett tal-bniedem mifhum bħala misteru. F’In-Nota Grasso jħaddem taħlita ta’ stili: il-parodiku, il-komiku u l-makabru. Il-parodija tinħass ukoll f’Kelmtejn ta’ fatat meta Grasso jittratta l-klassi diriġenti u l-istituzzjonijiet. Niskopru li did-darba n-narratur huwa fatat li jgawdi “l-immunità ekkleżjastika u governattiva”. It-traġiku u s-serju jiġu ttrattati b’mod komiku, filwaqt li n-narratur fatat spiss jindirizza lill-istess qarrej. Hemm Grasso stess wara l-isforz tal-fatat li jipprova b’ħiltu kollha jħabbeb lill-qarrejja ma’ dak li għal snin twal l-awtur beżżagħhom bih: il-fatati u s-sopranatural.

In-narratur onnixxenti (dak li jara kollox u li jidħol f’moħħ kulħadd) narawh f’Il-Funeral. Grasso jibda billi jagħtina l-perspettiva (jew punto di vista) tan-narratur ewlieni, imma aktar tard jintroduċi bosta perspettivi oħra: tan-nisa anzjani, tat-tifel, tar-raġel b’ħarsa biċ-ċiera, tal-mara li tiftaħ il-bieb u tinduna li hemm funeral, u tar-reffiegħa tat-tebut. Permezz ta’ dawn insiru nafu aktar dwar ta’ min hu l-funeral u x’seħħ eżattament. Il-funeral hu biss iċ-ċentru u mad-dawra hemm deskrizzjoni tal-ħajja li tibqa’ għaddejja. Fl-aħħarnett ir-rakkont bħal jieħu żvolta, jiffoka fuq il-biża’ u t-thewdin ta’ Jessie, tant li fl-aħħar jaħsdek b’delitt ieħor mhux mistenni.

F’Waħda mill-familja, dak li jibda b’ikla formali bejn tabib u infermiera kap ta’ sptar mentali, jispiċċa biex permezz tat-teknika tal-gradazzjoni jilħaq climax f’omiċidju doppju li niskopru ma kienx l-ewwel wieħed. Grasso bħal ifakkarna li bejn il-ġenn u r-raġuni mhemmx spazju kbir li jifred.

Grasso jilgħab ħafna bil-kurżità tal-qarrej u jagħmel minn kollox biex inissel fih il-mistoqsija. Hekk f’Il-bniedem ta’ ħajti nistaqsu min hu Ċikku, u għaliex in-narratriċi ma tmurx taħdem flok ommha li qed tgħejja? F’Il-Brimba nistaqsu x’inhi r-rabta bejn Vira, id-dubbien u l-brimba? F’Ir-raġel li fekkek siequ nibqgħu bil-mistoqsija jew dubju dwar jekk il-mewt ta’ Ġilardu kinitx aċċident jew ippjanata. Hekk kif l-istorja donnha tkun qed tiżviluppa u tiżvolġi ruħha Grasso jwaqqafha ħesrem, għalkemm kif tispiċċa taqra r-rakkont tifhem li t-tmiem mhux mistenni b’xi mod kien diġà annunċjat ftit qabel.

Ambjentazzjoni

Huma bosta l-ambjenti li fihom Grasso jqiegħed l-azzjoni tar-rakkonti tiegħu, imma jaħkem ir-raħal. Is-Serqa tiġi ambjentata f’ħabs u fit-Teatru Manoel, filwaqt li l-ispazju f’L-ikreh raġel fid-dinja huwa doppju: dak magħluq tas-solitudni, u dak brijjuż taċ-ċirklu.

F’Meta l-katavri ddeċidew li jagħmlu festin tal-Milied huwa rakkont ambjentat f’ċimiterju. Bikja huwa ambjentat fi knisja ġewwa raħal, waqt qrara. Dan jixbah lir-rakkont L-Għarqa. L-Appuntament huwa ambjentat ġo fabbrika, u Trinu l-iswed isseħħ f’kerrejja u fi klassi ta’ skola.

Iċ-ċokon jinħass f’Destin: l-ambjent hu dak fejn l-indiividwu hu mfittex biss għall-vot qabel xi elezzjoni. Hemm ukoll Każ ta’ eżorċiżmu li huwa ambjentat f’monasteru, u Waħda mill-familja, ambjentat ġo sptar tal-moħħ.

Tematika

Fost it-temi li Grasso jittratta fir-rakkonti tiegħu nsibu l-ambizzjoni, l-imħabba, l-opportuniżmu, l-ingratitudni, id-dedikazzjoni, il-biża’, l-abbandun, it-tama, it-tradiment, l-ingann, id-disprament u s-suwiċidju, il-ġlieda bejn il-ħażen u t-tajjeb. Hemm ukoll temi bħall-bulliżmu fl-iskejjel u l-preġudizzju razzjali (ara Trinu l-iswed):

“Il-bniedem li kienet tħobb daħak biha; ħallielha tifel iswed f’dinja bajda. Kultant kienet taħseb, min jaf ruħ binha kinitx l-unika waħda bajda f’dinja ta’ erwieħ suwed!”

Żgur li hawn jinħass sottokurrent soċjali. Dan jinħass ukoll f’Kelmtejn ta’ fatat meta Grasso jurina l-ipokrisija tal-klassi li tmexxi u anki li, “Bħal dejjem, ibati min hu żgħir u batut.” Dan hu rakkont ta’ ċertu piż politiku-soċjali fis-sens wiesa’:

“Il-faqar mhux grazzja... imma anqas umiljazzjoni. Il-flus mhux kulħadd iġibhom bil-ħila ta’ xogħlu. Hemm min jisraqhom, jinqabad u tiġih iz-zalza ogħla mill-ħut. Ara taħsbu li dawk is-sinjuri li normalment iġibu l-għira lil kulħadd ikunu dejjem kuntenti u rashom mistrieħa!” Però fl-aħħar mill-aħħar dan irid ikun rakkont li jixtieq iwassal messaġġ ta’ għaqda fost il-bnedmin.

Tema oħra hija l-injoranza ta’ min jemmen fis-seħer aktar milli fil-mediċina (ara In-Nota).

Personaġġi

Ħafna mill-personaġġi li joħloq Grasso huma telliefa jew imwarrbin, bħal Kiko (iż-żagħżugħ għama), id-deffien (li għandu iktar mill-bhima milli mill-bniedem), l-ikreh raġel Enzo u l-maħbuba tiegħu Livia, Etienne (ir-raġel deformat), Rafel il-fattiga, Trinu l-iswed u ommu (li jgħixu fil-miżerja), u l-bqija.

F’Kiko, il-personaġġi jistgħu jiġu kklassifikati fi klassijiet soċjali differenti: fuq naħa l-aristokrazija, il-professjonisti, fuq l-oħra l-klassi l-baxxa u fqira. Kiko huwa xempju tal-antieroj (parodija?) li ma jiġġilidx kontra draguni imma kontra ġrieden, u għax jagħmel dmiru u jirrispetta lil min laqgħu f’daru jispiċċa vittma ta’ vendetta, frott l-għira.

Spiss fir-rakkonti ta’ Grasso niltaqgħu mal-omm li tilfet lil żewġha minħabba xi raġuni jew oħra (ara Destin). Hemm ukoll min hu lest li jqarraq u saħansitra joqtol għall-flus filwaqt li jistaħba wara maskra ta’ qaddis (ara In-Nota). F’Il-Lampier naqraw dwar relazzjoni ambigwa bejn qassis u tfajla li tispiċċa ħażin.

Għeluq

Waqt li qed jaqra Qrusa, il-qarrej jinduna kemm sa mill-1974, meta Grasso ppubblika l-ewwel ktieb tiegħu, Iljieli bla qamar, dan il-kittieb li jidentifika ruħu mal-ġeneru tal-waħx mexa ‘l quddiem u rfina fil-kitba tiegħu. Qrusa huwa wkoll prova tal-fatt li Anton Grasso huwa perfezzjonist, b’enerġija li għadha tħeġġeġ wara karriera li ilha 35 sena tissaħħaħ. Dan hu ktieb li għandu jinsab mhux biss fuq l-ixkaffa ta’ min ilu jsegwi lil Grasso matul dawn is-snin kollha, imma anki ta’ min għandu għal qalbu l-ktieb u l-kitba li jagħtu pjaċir filwaqt li huma magħmulin b’sengħa u korrettezza.

Patrick Sammut

dal-lejl ġie alla ta’ Paul P. Borġ

L-ewwel parti

Dan huwa rumanz li Paul P. Borġ bdieh meta kellu għoxrin sena u spiċċah meta kellu 23/24 sena. Strutturalment jinqasam f’erba’ partijiet. L-ewwel parti ġġib l-isem ta’ “Kieli”. Dak li niltaqgħu miegħu mill-ewwel huwa l-ambjent rurali f’Selmun. Hu ambjent primittiv, mela naraw lill-bniedem f’kuntatt mar-raba’ u l-bhejjem, bħalma primittiv huwa l-motiv tad-demm sagrifikali li hu rikurrenti u li jista’ jeħles lil Kieli - li huwa rgħaj - mis-saħta tal-barrani. Is-saħta tal-Għarbi tiġri wara Kieli mill-imgħoddi bħal dell. Hija saħta li ġejja minn ċajta li, bħalma jiġri spiss, titnissel minn nuqqas ta’ ħsieb. Taħkem il-biża’ li jnisslu s-superstizzjonijiet, l-injuranza, l-għajn.

Dwar Selmun Paul P. Borġ jikkummenta li fis-subkonxju tiegħu, meta jara dak il-promontorju ta’ Selmun li jafu sew, dejjem iħoss xi ħaġa, dejjem qisu qiegħed qribu. Kien l-ambjent ta’ Selmun, l-aktar kif kien, ambjent bil-bdiewa u bix-xogħol tar-raba’, u bin-nanna ġo fih, li niggżu u mbuttah biex jikteb. Dak l-ambjent ta’ filgħodu kmieni pereżempju, meta kien imur jaħdem fir-raba’, u waranofinhar jieqaf ftit man-nanniet, jew ma’ xi xiħ jew xiħa, u jaqralhom Taħt tliet saltniet, il-klassiċi, il-Ħelsien ta’ Ġużè Bonniċi, Meta nħaraq it-teatru, Raġel bil-għaqal. Dawn kollha huma kotba li Paul P. Borġ kien jaqra lin-nanniet. Kien għadu daqsxejn ta’ tifel, fl-għarix, fost il-mogħoż u n-ngħaġ, bl-irwejjaħ naturali, faċċata l-istalla tal-baqra bid-dubbien. Ma kinux jafu jaqraw u hu kien jaqralhom dawn in-novelli u rumanzi.

Mill-ewwel Paul P. Borġ jintroduċi fir-rakkont tiegħu bosta mistoqsijiet u inċertezzi: Alla hu verament ħanin u tajjeb? Jeżisti vererament id-destin? Id-dell tas-saħta jwassal lil Kieli biex jiffissa, jinqata’ għalih, joqtol u jaħraq l-annimali f’riti sigrieta u fl-aħħar biex jitgħallaq, anki wara li jsir jaf li sar missier iben, Marju.

It-tieni parti

It-tieni parti ġġib l-isem ta’ “Marju”. Jgħaddu mat-30 sena minn tmiem l-ewwel parti. Marju huwa iben Kieli. Bħal donnu d-dell tas-saħta jibqa’ b’saħħtu anki fuq iben Kieli, li kellu “jitħabat mal-ħajja u jimxi t-telgħa iebsa u wieqfa li ħallielu missieru qabel tgħallaq”, imwarrab mill-bqija. Tidħol l-idea tal-ħajja bħala triq: hemm min jaqbad triq, jew iqabbduh triq, u jinduna li tkun dik żbaljata, iebsa. Marju jġorr ukoll it-toqol ta’ difett fiżiku - kellu xofftu maqsuma. U dan f’soċjetà fejn jaħkem għeluq il-moħħ, mela anki l-biża’.

Did-darba Paul P. Borġ iħaddem il-flashback: Marju jiftakar f’meta kien tifel. F’waqt ta’ tilwim bejn Marju tifel u sieħbu Ġanni, bniedem, annimal u xitla jsiru ħaġa waħda. In-narrazzjoni talterna bejn imgħoddi u preżent, bejn it-tfulija u l-irġulija ta’ Marju, bejn id-dinja tal-ħolm u dik reali. Hemm però sens ta’ kontinwità, bħal ħajta li tmur lura fl-imgħoddi mbiegħed u tibqa’ għaddejja sal-ġejjieni mistur.

Matul l-istorja taħkem ukoll l-istennija ta’ xi ħaġa li għad isseħħ, li għad jiġi Alla. Naraw lil Marju għand il-Griega, Altea, l-unika mara, apparti ommu, li kienet tħobbu. Marju jmut zoptu fil-għorfa ta’ Altea, u Altea ġġorru fi sqaq qrib id-dar t’ommu fid-dalma tal-lejl. Mela kemm l-ewwel, kif ukoll it-tieni parti jispiċċaw bil-mewt tal-protagonisti, Kieli fl-ewwel każ, u Marju fit-tieni każ.

It-tielet parti

It-tielet parti hi dik li ġġib l-isem ta’ “Silvio”. Hija parti li tista’ titqies bħala t-tielet rakkont, 25 sena wara l-għeluq tat-tieni parti bil-mewt ta’ Marju. In-narratur hawn huwa Silvio, iben Marju u Altea, li joqgħod ma’ Ġuża u Fredu - spiss xurban - il-ġenituri adottivi tiegħu. B’xi mod Silvio hu marbut ma’ nanntu Vitor, omm Marju, iżda lil ommu ma jafhiex għax ħallietu ftit wara li twieled.

Waqt il-ħsibijiet profondi ta’ Silvio naqraw dwar il-kuntrast bejn il-ħajja naturali tar-raħal, fir-raba’, u dik rutina u superfiċjali tal-belt. Silvio jinsab bejn dawn iż-żewġ dinjiet opposti: nanntu Vitor u mħabbtu Doris. Hu jammetti li hu marid (b’dipressjoni kronika?) u li jieħu l-pilloli; jinħakem spiss mill-ħsibijiet. Iħoss xewqa kbira li jmur Selmun.

Naraw lil Silvio anki fil-kuntest tal-fabbrika li huwa parti mill-ambjent tal-belt. Hawn jidħol il-motiv tal-klassi soċjali: hemm fuq naħa s-sidien li jpappuha, u fuq in-naħa l-oħra l-ħaddiema li jaħdmu bla mistrieħ bħal donnhom magni. Ix-xewqa ta’ Silvio hi li jinqata’ kompletament mill-ambjent marid u mniġġes tal-belt u jerġa’ lura lejn Selmun, lejn għeruqu. Fir-razzett ta’ Vitor, nanntu, Silvio jħoss dak li ħassew qablu Kieli u Marju. Hemm kontinwità li tgħaqqad id-destin tat-tlieta flimkien. Anki dak ta’ Silvio hu karattru instabbli għaliex ma jsib kenn u mistrieħ lanqas f’Selmun proprju għax jibża’ mis-sensazzjoni li hemm xi ħaġa mistura li trid isseħħ.

Għal ftit il-vuċi narranti ssir Ġuża li tirrakkonta l-bidla li seħħet f’Silvio mill-perspettiva tagħha. Iż-żewġ spazji hawn huma Selmun u B’Kara. Naqraw ukoll dwar dak li għaddej minnu Silvio - it-tkeċċija mill-fabbrika, il-firda minn ma’ Doris u l-ħarba lejn Selmun u Għajn Ħadid - mill-perspettiva tan-nanna Vitor li taf il-ġrajja kerha ta’ nannuh u missieru.

Anki lil Silvio jaħkmuh għadd ta’ mistoqsijiet eżistenzjali u sens qawwi ta’ fataliżmu. Silvio jikkonsidra l-possibilità li jingħalaq ġo xi kunvent biex isib tweġiba għall-mistoqsijiet tiegħu f’Alla. Imma dal-ħsieb għandu għomru qasir. Dan il-ħsieb iwarrbu hekk kif isir jaf li ġejja ommu mill-Ġreċja.

Ir-raba’ parti

Għalhekk ir-raba’ parti tieħu l-isem ta’ “Altea”. Minn fejn ġiet din l-insistenza matul parti kbira mir-rumanz fuq il-mitoloġija Griega? Il-mara ta’ Marju, omm Silvio, Altea, kienet Griega. Allura l-awtur daħħal dan ix-xebh bejn dak li għandna fir-reliġjon tagħna, l-Alla li qed nistennew, u l-alla ta’ Altea, alla Zews, alla li kienet dejjem xtaqitu jiġi. Altea ġiet għal għarrieda f’ħajjet Silvio, ma kellux it-trobbija b’ommu ħdejh. Għalih ommu ma kenitx teżisti, kien nesiha. Imbagħad ġiet f’daqqa waħda f’ħajtu u minn hemm għalih beda mill-ewwel il-kunċett ta’ Alla tagħna, filwaqt li Altea bdiet titkellem fuq Żews. Minn fejn ġiet f’moħħu dir-rabta bejniethom Paul P. Borġ ma jafx. Il-qarrej irid iżomm ħaġa waħda f’moħħu: il-kittieb ma jkollu l-ebda ħjiel ta’ għaliex qed jaħseb dak li qed jaħseb. Bħala kittieb jikteb il-ktieb biss, però ma jafx għaliex kitbu, għaliex kiteb dis-sentenza, u lanqas hu obbligat li jkun jista’ jwieġeb mistoqsijiet dwar għaliex kiteb dik u għaliex kiteb l-oħra.

Altea tasal mill-Greċja għal ftit ġimgħat. Vitor tibża’ li Altea tikxef il-passat misħut ta’ Marju u b’hekk tagħmel lil Silvio parti mis-saħta ta’ l-Għarbi. Silvio jiltaqa’ ma’ ommu. Flimkien jinżlu Buġibba u Altea tibda titkellem dwar l-imgħoddi tagħha. Altea tħabbar lil binha li hija marida bil-kanċer u li se tmut daqt. Flimkien jitilgħu jaraw lil Vitor. Hemm il-biża’ li l-imgħoddi jerġa’ jitla’ fil-wiċċ bil-beżgħat u l-inċertezzi kollha tiegħu. Naqraw dwar waqtiet profondi - anki intimi - bejn Altea u binha Silvio: jinħassu l-qawwa msaħħra tal-baħar f’Buġibba, alla Żews u l-għarfien tal-qrubija ta’ miġjet Alla.

L-episodju tal-mewt ta’ Marju - li seħħ fit-tieni parti - u dak ta’ Altea li hu qrib isiru ħaġa waħda minkejja li mbiegħda fiż-żmien. In-narratur Silvio jammetti ċerta ġibda/għira lejn ommu. Hemm l-idea ta’ l-Annunzjata mħallta ma’ leġġendi u mitoloġiji pagani. Titkellem Altea li ssir in-narratriċi. Bħalma Kieli kien iffissa fuq is-saħta tal-barrani, Altea trid tgħallem il-kelma mħabba lil binha. Hemm l-idea tat-twelid mill-ġdid fil-mewt. B’saħħtu ħafna hu r-riferiment għad-dinja ta’ l-allat mitoloġiċi. Hemm ukoll il-konfront bejn żewġ nisa: fuq naħa hemm Vitor, l-anzjana, bi twemmin qawwi f’Alla Kristjan u li trid tostor l-imgħoddi lil Silvio; fuq in-naħa l-oħra hemm Altea, il-mara sabiħa imma marida li temmen f’alla Żews u li trid terġa’ tqajjem l-imgħoddi. B’kuraġġ kbir Vitor tirrakkonta lil Silvio l-istorja ta’ Kieli u Marju.

Ir-relazzjoni bejn l-iben (Silvio) u l-omm (Altea) hi profonda fl-aħħar parti. Apparti figuri mitoloġiċi Griegi (bħal Rhea u binha Żews), jissemmew ukoll personaġġi Bibbliċi mill-Antik Testment (Lot u wliedu bniet). L-att inċestuż bejn Silvio u ommu jseħħ f’atmosfera bejn ħolma u realtà. Il-qarrej jibqa’ bid-dubju sakemm Silvio jiltaqa’ ma’ nanntu Vitor u jistqarrilha li dineb ma’ ommu stess. Però, dan l-att iservi wkoll bħala katarsi: issa Silvio jħossu lest biex jaffaċċja l-ġejjieni tiegħu, u dan anki għaliex jasal biex jifhem l-imgħoddi tiegħu permezz ta’ Vitor u Altea.

Ir-rabta personaġġi-allat

Il-qarrej iħoss li hemm rabta kbira bejn il-personaġġi u l-idea tal-allat. Għandek l-idea ta’ l-allat primittivi fejn daħal Kieli, dak li wara li ġie misħut mill-barrani kien imur jinqafel fl-għarix tiegħu u jaħraq l-annimali biex forsi jipprova jeħles mis-saħta. Altea hija marbuta ma’ alla Żews, u Silvio (flimkien ma’ nanntu Vitor) marbut mal-Alla Nisrani. Dwar l-inċest Paul P. Borġ jikkummenta li trid tqis li fil-mitoloġija Griega kien permess kollox; ir-relazzjoni ta’ bniedem ma’ bniedem, bniedma ma’ bniedem, bniedma ma’ bniedma. Kienet soċjetà permessiva għall-aħħar. Din il-bniedma, li kienet marida, baqgħet fl-aħħar ta’ ħajjitha, tgħix dejjem f’dak il-livell. Silvio sab ruħu ma’ bniedma bħal din. U Silvio li għandu ħsibijietu f’Alla tiegħu, b’reliġjon li tgħidilna ċerti affarijiet u ttina ċerti gwidi, isib ruħu f’din it-taħbila li qed tgħix ommu fiha qabel ma mietet.

It-tmiem fint

It-tmiem qisu mhux tmiem lanqas. Filli Silvio qed jagħti ħafna importanza lil ommu, filli fl-aħħar paġni qisu ommu tintesa, donnu Silvio jiddistakka ruħu minnha. Ma nafux jekk mititx jew le. U dan ifakkarna fil-fatt li ommu għalih dejjem kienet barranija. Ġiet f’ħajtu fl-aħħar xahar jew tnejn. Għal Silvio l-aktar ħaġa importanti kienet nanntu, Vitor. Hu hemm kien isib dejjem kenn, u fl-ambjent ta’ Selmun fejn dejjem kienet tgħix Vitor u fejn kien ifittex il-kenn.

Però kienet Altea li niggżet lil Vitor biex tikxef ċerti aspetti ta’ l-imgħoddi. Altea qanqlet fih dawk il-mistoqsijiet li Silvio ma setax iwieġeb kollha sakemm hemm l-ewwel ktieb, dal-lejl ġie alla. Fit-tieni ktieb - is-sequel - se jwieġeb ħafna mistoqsijiet, però, kif jiġri fil-ħajja, se jinħolqu ħafna u ħafna oħrajn. L-idea oriġinali ta’ Paul P. Borġ tintrabat mal-fatt li hu rari jkun kuntent b’kitba. Meta jaqraha jgħid li seta’ jagħmilha ftit ieħor aħjar, seta’ għamilha differenti. Però llum tgħallem jifhem li meta jerġa’ jaqraha, f’dan il-każ 20/30 sena, ovvjament jgħid li dal-lejl ġie alla kitbu ġuvni ta’ 20 sena. Dak iż-żmien kien jaħsibha hekk. Imma meta reġa’ qraha t-tieni darba staqsa jekk setax jagħmilha mod ieħor. Biż-żmien tgħallem li qed jgħaddi dawn il-kummenti huwa stess fuq il-kitba tiegħu għax issa hu bniedem li ġarrab b’mod differenti minn meta kien għadu tifel ta’ għoxrin sena. Meta talbuh biex dal-lejl ġie alla jerġgħu jistampawh f’edizzjoni ġdida, ħaseb f’li jkollu jagħmillu tmiem differenti. Però tawh parir biex ma jagħmilx hekk u jħallih kif kien. Kien hemm oħrajn li qalulu biex jagħmel esperiment: iħalli l-ktieb kollu kif inhu, kif ħareġ l-ewwel darba, imma jagħmillu kapitlu barrani biex il-qarrej ikollu jew għażla ta’ kif kien qabel jew inkella kif wara perijodu ta’ żmien kellu jispiċċah. Flok għamel hekk, kien ilu jdur u jbehren f’moħħu l-ħsieb li jkompli jikteb x’ġara u x’ma ġarax, u nħoloq dal-ktieb ġdid li jitlaq bl-istess karattru li baqa’ ħaj, Silvio, u jkompli sejjer għal perijodu ta’ żmien ieħor.

Issa r-rumanz dal-lejl ġie alla għandu t-tkomplija tiegħu fir-rumanz ġdid rajt ’l alla jibki (iż-żewġ rumanzi f’edizzjoni waħda, KKM, 2007)

Patrick Sammut

Monday, November 22, 2010

Triqat Ħal Tarxien ta’ Joseph A. Farrugia (Kunsill Lokali Ħal Tarxien, 2007)

Bosta jafu li f’dawn l-aħħar snin għadd ta’ Kunsilli Lokali ħadu numru ta’ inizzjattivi f’idejhom biex ikunu minn ta’ quddiem ħalli joffru lill-pubbliku pubblikazzjonijiet marbutin mal-wirt kulturali, storiku, artistiku, arkitettoniku, u l-bqija, tal-lokalità li tkun. Din hija inizzjattiva li daħal għaliha wkoll Joseph Anthony Farrugia minn Ħal Tarxien, f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien, permezz tal-ktieb ġdid tiegħu Triqat Ħal Tarxien (2007). Dan huwa ktieb ta’ iktar minn 260 paġna mimli tagħrif, mappi, ritratti u referenzi utli ħafna għal min ikun irid jidħol għal riċerka ta’ tip storika jew toponomika dwar dan ir-raħal li sar Parroċċa fl-1592. Triqat Ħal Tarxien jiftaħ b’“Messaġġ mis-Sindku”, is-Sur Paul Farrugia, li jistqarr li sa mill-elezzjoni tiegħu bħala Sindku ta’ Ħal Tarxien ħass id-dmir li jikkonċentra “bis-sħiħ fuq kif għandna nżommu l-Istorja tar-raħal tagħna ħajja; Storja li teħodna eluf ta’ snin lura, iżda f’kull era kienet, għadha u tibqa’ waħda interessanti.” Imbagħad wieħed isib “Tagħrif għal min Iterraq” miktuba mill-Mag. J.Cassar li fost l-oħrajn jikteb , “Il-ktieb ta’ Joe Farrugia isemmi dokumenti misjuba minn Wettinger u Fiorini…Dan il-ktieb hu dwar ismijiet tat-toroq, studju li żgur sewa lill-kittieb sigħat ta’ tiftix u xogħol.” Triqat Ħal Tarxien hu ġabra ta’ tagħrif fuq l-ismijiet tat-triqat kollha ta’ Ħal Tarxien magħmula fl-ordni alfabetiku. Joseph A. Farrugia ġabar it-tagħrif u tkixxef dwar għadd ta’ pjanti ta’ }al Tarxien mill-1880 sal-preżent billi żar id-Dipartiment ta’ l-Infrastruttura f’Beltissebħ u l-Arkivji Nazzjonali ta’ Santu Spirtu fir-Rabat. Ikkonsulta wkoll diversi gazzetti bil-Malti u bl-Ingliż, il-“Gazzetta tal-Gvern”, u r-Reġistri Elettorali fuq firxa ta’ ħafna snin. Issa nħalli f’idejn il-qarrej biex jitkixxef dwar min kienu personaġġi bħal Leonardo Abela, Dun Ġwann Barbara, Manwel Buħagiar, Ġużè Damato, Gaetano Lanzon, Karlu Maratta, Marju Schembri u bosta oħrajn. Hemm ukoll tagħrif dwar għadd ta’ toroq imsemmijin għal numru ta’ qaddisin u oħrajn marbutin ma’ avvenimenti storiċi ewlenin. Joseph Anthony Farrugia huwa kittieb ta’ bosta artikli l-aktar dwar l-Istorja ta’ Ħal Tarxien u studjuż tal-Istorja ta’ Malta. Hu membru ta’ ‘Din l-Art }elwa’, ‘Fondazzjoni Wirt Artna’ u għaqdiet oħra, u editur tal-Fuljett Parrokkjali “Tarxien” sa mill-1995.

Patrick Sammut

DUN KARM - LE POESIE ITALIANE a cura di Oliver Friggieri Malta University Press, 2007.

Ir-rabta bejn il-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila u l-Prof. Oliver Friggieri ilha teżisti għal snin twal. Is-sena 1980 kienet rat il-pubblikazzjoni tal-ktieb Dun Karm – Il-Poeżiji Miġbura, edizzjoni kritika ta’ Oliver Friggieri maħruġa mill-KKM u Karmen Mikallef Buħaġar. F’dik il-ġabra tal-poeżiji bil-Malti tal-poeta nazzjonali, Oliver Friggieri kien qassam il-versi ta’ Dun Karm f’sitt taqsimiet ewlenin: i. Il-problema eżistenzjali u l-valuri tad-dinja oġġettiva; ii. Il-motiv epiku, demokratiku, ambjentali; iii. Il-lehma tat-tifkira u l-kelma universali; iv. Il-lirika tat-twemmin u l-innu popolari-reliġjuż; v. Ir-riflessjoni estetika; u vi. Traduzzjonijiet. Imbagħad fis-sena 1988 kien ħareġ il-ktieb Il-Jien u Lilhinn Minnu, edizzjoni annotata minn Oliver Friggieri ta’ din il-poema ta’ 520 vers mil-pinna ta’ Dun Karm (Pubblikazzjoni Toni Cortis). Oliver Friggieri kien ħareġ il-ktieb Dun Karm fl-1989 (anki din edizzjoni Tony Cortis), ktieb li fih l-awtur ittratta f’għamla ta’ studji kritiċi aspetti bħalma huma l-persunalità ta’ Dun Karm bħala bniedem u poeta, l-impenn soċjali, il-poeżija popolari, id-definizzjoni moderna ta’ nazzjon, il-poeżija tal-femminilità, u s-solitudni. Quddiemi għandi wkoll il-pubblikazzjoni ta’ Oliver Friggieri, Saggi sulla letteratura maltese (Università di Malta, 1989), li fiha nsibu inklużi tliet studji kritiċi dwar Dun Karm. Fl-1997 Oliver Friggieri kien ħareġ L-Ittri ta’ Dun Karm lil Karmen Mikallef Buħaġar (Edizzjoni PEG), ittri li jkopru s-snin 1940 sas-sena li fiha Dun Karm miet, 1961. Ta’ min jgħid li Karmen Mikallef Buħaġar kienet Maltija li tgħix fl-Eġittu u li kienet tikkorrispondi regolarment mal-poeta nazzjonali.

Ftit ġimgħat ilu l-Prof. Oliver Friggieri ra ħolma li ilu jaħdem għaliha mal-35 sena ssir realtà permezz tal-pubblikazzjoni ta’ Dun Karm – Le poesie italiane (MUP, 2007). Dan il-volum mill-isbaħ jiġbor fih 146 poeżija (li jinfirxu fuq 211-il paġna) li Dun Karm Psaila kiteb bit-Taljan bejn l-1889 u l-1946, bejn wieħed u ieħor. Huma poeżiji meħudin mill-antoloġiji poetiċi Foglie d’alloro (1896), Versi (1903) u Liriche (1954), imma anki minn numru mdaqqas ta’ pubblikazzjonijiet u manuskritti oħra. Il-poeżiji qegħdin ippreżentati kronoloġikament. Dun Karm – Le poesie italiane għandu wkoll introduzzjoni kritika dettaljata mill-pinna ta’ l-istess Professur Oliver Friggieri, bl-isem ta’ “L’identità culturale di Dun Karm”. Hawn il-kritiku jittratta aspetti bħalma huma r-rabtiet mat-tradizzjoni romantika Taljana, u l-influssi ta’ poeti Taljani bħal Manzoni u Monti fuq Dun Karm.

Bħala tmiem għad-daħla ta’ dan il-volum Oliver Friggieri jikteb hekk: “…con la pubblicazione di questa opera ora considero come compiuto il mio lavoro critico, durato vari decenni, con lo scopo di raccogliere ‘tutte’ le poesie di Dun Karm, sia quelle in maltese, sia quelle in italiano.” Dun Karm – Le poesie italiane huwa ktieb li kull min għandu għal qalbu l-letteratura Taljana, imma anki dik Maltija miktuba b’ilsna oħra, ma jistax ma jkollux fil-librerija personali tiegħu.

Patrick Sammut

SKIZZI TAL-KARNIVAL – POESAĠĠI 2005-2010 ta’ Mario Azzopardi, Horizons 2010.

Naraw lil Mario Azzopardi bħala dak li jaf eżattament x’inhi d-dinja tal-bniedem u anki l-gżira insulari li aħna ngħixu fiha. Lil din tal-aħħar jifliha bir-reqqa; dawk tiegħu huma versi-awtopsja tas-soċjetà Maltija, imma anki tal-essri tal-poeta-artist. L-awtopsja tissemma fis-silta Marcel Magritte janalizza interludju ieħor fallut fejn Azzopardi jagħmel awtopsja tal-bniedem ħassieb, bit-thewdin, il-ħtijiet, l-intimitajiet sigrieti u fissazzjonijiet tiegħu.

Is-soċjetà Maltija taqa’ taħt il-lenti ta’ Azzopardi f’kitba bħal Urbania 2008: Taaml tista’ faċilment tkun Malta, fejn in-nies, “La għandhom divorzju, la jemmnu fl-abort u lanqas ma jridu l-ewtanasija. Jippreferu l-anestesija quddiem il-programmi li jurihom it-televiżjoni statali.” (p. 130) Fuq naħa naraw il-poeta-ġurnalist jifli fid-dettall l-imġiba u l-psike ta’ poplu jew ta’ umanità. Fuq l-oħra hemm id-djalogu li jikxef l-indifferenza ta’ poplu paxxut u li jgħix fi żmien “is-serenità” quddiem problemi kbar bħan-“negozju tal-organi umani” u n-“negozju sħiħ ta’ nisa adulexxenti jbigħu l-bajd tagħhom lill-industrija tal-IVF”. (p, 133)

L-awtur ta’ Skizzi jikteb dak li ma jlissinx jew dak li jgħaddi minn moħħu f’dawk il-waqtiet meta l-bniedem jgħix id f’id u f’ekwilibriju ma’ dak li hemm iħabbat ġewwa fih jew ma’ dak li hemm jissara (f’paġna 64 naqraw il-kelma “kumbattiment”, filwaqt li fi Skizzi tinħass spiss il-poeżija bħala reżistenza) u jħuf barra minnu, it-tnejn li huma inviżibbli imma qegħdin hemm, bil-poeta li kapaċi jħosshom u jikxifhom bil-mod tiegħu.

Stil: Spiss il-kitba ta’ Mario Azzopardi titħarrek bejn is-serju u l-grottesk, imma b’saħħitha hija wkoll is-satira. Il-grottesk jilħaq il-quċċata tiegħu f’kitba bħal Skizzi tal-Karnival. Żgur li bosta drabi l-qarrej ta’ Skizzi jrid jaqra bejn il-linji biex jifhem sewwa l-ġist tal-ittra fittizzja: “Bħala dixxiplu ta’ Epikurju, dak l-għadu qalil tar-Religio Romana, disinjata biex titterrorizza, tħawwad l-imħuħ u ttaħħat liċ-ċittadini, Lukrezju kien jemmen fl-evanġelju tas-salvazzjoni permezz tas-sens komun.” (Abbozz ta’ ittra..., p. 33) Awtopsja f’10 kapitli għandha mis-sagru, mill-profan, mill-provokattiv u mir-riflessiv. Tieħu l-għamla ta’ djalogu bejn l-imgħoddi u l-preżent, bejn l-estern u l-ġewwieni, bejn il-“jien” u l-“ieħor”, bejn dak li hu mbiegħed u dak li hu qrib. Bosta drabi Azzopardi jitlaq mill-koronaka sewda biex jasal f’destinazzjonijiet, jekk jasal, ħafna iktar imbiegħda.

F’bosta waqtiet jinħass ir-ritmu tipiku tal-poeproża magħmul anki minn rimi ġewwiena. Il-lingwa użata hija taħlita perfetta tal-Malti Semitiku u r-Romanz, u anki l-Anglo-Sassonu fejn jinħass il-bżonn. Għal darb’oħra Mario Azzopardi ta’ Skizzi huwa kittieb prim fis-sengħa tal-kelma, tal-espressjoni li tmiss lill-qarrej minn ġewwa nett, tal-fantasija mħallta ma’ waqtiet imtaqqlin bil-piż tar-realtà kiefra anki jekk silenzjuża.

Fil-gżira ta’ Priapu hija kitba fejn m’hemmx it-triq tan-nofs; dak li għandu jgħid Mario Azzpardi jgħidu bla tlaqliq, bla għasel mad-dawra biex il-qares jintiegħem kif suppost: “Fil-Gżira ta’ Priapu x-xemx tqaxxar il-ġilda w il-bram jinfetta l-baħar. Iżda n-nies tiffanga bl-istuffat tal-fniek u l-fwied moqli tal-gamiem. Tisker taħt l-irdieden tan-nar in-nies, tisker bil-festa u bl-għors tal-pudenda.” (p. 55) Insibu l-użu tas-similitudni li tinbena b’elementi nofshom magħrufa u ppruvati biż-żmien u nofshom ġodda, sperimentali, b’tifsiriet imqiegħda f’kuntesti ġodda. Hemm il-lingwaġġ li jista’ jixxokkja lil xi wħud, referenzi bibliċi, mitoloġiċi, li jorbtu dak li qed jingħad ma’ dimensjoni li għandha mir-reali u mill-imbiegħed fl-istess ħin.

Parti mdaqqsa mil-lingwaġġ li juża Mario Azzopardi hawn iltqajna miegħu diġà f’ġabriet poetiċi tal-imgħoddi. Hawn però jkompli jwessa’ l-għalqa figurattiva u tal-esperimentazzjoni.

Fis-silta Kerouak, ix-xitan fis-seklu XIII u l-awditorju tal-miżerikordja Azzopardi jipparodizza ċerti diskorsi li jsiru minn preżentaturi ewlenin waqt programmi ewlenin fuq il-media. Il-parodija f’rabta mal-media titħaddem ukoll f’Matti Juhani: “Imma ħadd ma żamm il-ħin/ta’ liema katavri kesħu l-ewwel./ Kienet tkun interessanti statistika bħal dik.” (p. 108) Anki hawn Mario Azzopardi jurina kemm tista’ taqa’ fil-banalità parti mill-media.

Il-kitba L-istorja ta’ Jahwe – Profeta tat-triq faċilment setgħet tittella’ bħala dramm tal-passjoni b’differenza.

Strutturalment Skizzi għall-ewwel jidher frammentat, imma meta tasal fl-aħħar paġna tħoss li hemm element li jgħaqqad kollox.

Spazji: Bħala spazji l-kitbiet jifirxu sewwa: Ġinevra, il-Kalabrija, l-Alto Adige, Porta Marzia, il-Palestina, Novi Pazar, Smederevo, Belgrad (kollha fis-Serbja), Tessaloniki, il-Finlandja, Manchester u r-Rumanija, fost oħrajn. Apparti dawn, fil-kitbiet tiegħu Mario Azzopardi jimxi u jesperimenta fi spazji li jimirħu bejn ir-reali, is-surreali u l-assurd. U dan kollu jiddeskrivih b’ “indifferenza” kirurġika, apposta, bejn is-serju u l-parodiku. Fil-kitba Marcel Magritte... naqraw dwar “żona mhi ta’ ħadd” (post il-poeta?) (p. 103) F’Marius u l-misterjuża M. naqraw dwar dak li “jinnaviga fil-limiti ta’ bejn l-esseri u n-nonesseri, bejn l-essenza u n-nuqqas ta’ sustanza, bejn il-ħajja u lil hinn minnha.” (p. 105)

Dwar il-poeta: Spiss Mario Azzopardi jittratta d-definizzjoni ta’ “poeta”. Fl-ewwel silta naqraw hekk: “...hemm tendenza li l-poeti jidhru kapriċċużi, spekulattivi, maqtugħin mill-konkretezza u s-sens komun u li jippreferu jtawlu għonqhom biex jifhmu l-messaġġ tal-ħamiem u tal-gawwi jgħajjat qabel il-maltemp.” (pp. 33-34). Dwar ir-rabta bejn ix-xjenza u l-poeżija jikteb li “l-poeta ġenwin ma jistax ma japprezzax intrapriżi esploratorji”. Naqraw ukoll li “hemm poeżija f’kollox” u li l-poeżija tittratta dak kollu li hu rilevanti. Joħroġ il-fatt li l-poeta hu fuq kollox osservatur prim ta’ dak kollu li qed iseħħ madwaru. Wieħed imbagħad irid jiddistingwi bejn il-“moħħ poetiku l-aktar miġnun, li jiffilosofizza” (u hawn jintmess it-traxxendentali), u “poeti aktar normali li jiktbu biss taqbiliet biex jidħlu għall-konkorsi tal-mużika popolari”.

Il-poeta hu mifhum anki bħala l-bniedem tal-impuls, tal-azzjoni, dak li “jrid jirrevedi kollox, ikejjel il-manipulazzjoni u jitkellem kontra min qed jevita l-krib tal-miżerabbli.” (p. 37) Il-poeta veru hu dak li “jitbiegħed mit-ton moraleġġanti”, “mingħajr ma jħabbel rasu liema metru se juża jew liema rima” u li “lest li jmut u jċedi l-glorja u l-konvenjenza u l-konvenzjoni”. (p. 38)

Dawn jistgħu jinftehmu anki bħala awtodeskrizzjoni ta’ Mario Azzopardi poeta. Bħal meta jikteb dwar poeżija li “tirrivitalizza l-lingwa, u tenerġizzaha bħallikieku waslet fil-limitu tal-estinzjoni tagħha u trid tivvintaha mill-ġdid.” (p. 63) Fl-istess paġna naqraw dwar “xbihat tassew sorprendenti” u “li minkejja ċ-ċiniżmu tal-wiċċ, hemm tama ġdida fil-poeżija tiegħek (jew imissni ngħid rassenjazzjoni solenni jew stojka)”, u anki “li l-poeżija għandha tippreżenta l-kapitli tal-ħajja”. Wieħed fl-aħħar jistaqsi jekk dan kollu hux qed jinkiteb f’sens ta’ tmelliħ.

Ta’ min jinnota kemm-il darba tissemma l-kelma “poeta”. Il-personaġġ jew persona Marius hu Mario Azzopardi, imma leħen dan tal-aħħar jinsab fil-personaġġi/ilħna kollha li joħloq f’dawn il-kitbiet. Xi drabi nimmaġinawh jikteb l-ittri bilqiegħda fuq siġġu quddiem skrivanija, drabi oħra narawh jikteb “fl-infinità l-aktar skura”. (p. 84) Hemm għalhekk din il-korrispondenza bejn Marius u l-ilħna l-oħra.

Il-kitba tinħass ukoll bħala kura “f’iżolament strett”. Il-poeta jinqata’ mill-umanità li tant jaf biex jikteb dwarha minn distanza. Il-poeta li l-ħin kollu hu fi djalogu ma’ ta’ madwaru jifhem li meta jżomm ’il bogħod minn dawk bħalu, jinqata’ minnhom, isib verament lilu nnifsu.

F’L-ittra lil Kaldon... Azzopardi jikteb dwar il-poeta li “jiddwella mad-dellijiet fantażmi ta’ moħħu, jipprova jifred ir-realtà mill-irreali, is-sustanza mid-delużjoni, is-silġ min-nar, l-alfa mill-omega.” (p. 95) Ftit aktar ’il quddiem naqraw dwar il-“poeżija tax-xfafar, tal-istaġuni fl-infern, li ttemtem quddiem ir-ritmi awtentiċi tal-ħajja.” (p. 97)

Referenzi għal kittieba u artisti oħra: Bħal kull kitieb jew poeta li jrid jiġi rrispettat, Azzopardi mhux nieqes mill-qari tax-xogħlijiet ta’ kittieba oħra, bosta minnhom barranin. Jissemmew Rimbaud, Istvan Orkeni, Andy Warhol, il-Markiż de Sade, Kerouac, Sartre, Husserl, Pasternak, De Chirico, Bosch, Kavafy, Nikos Kavadias, Dionisju Solomos, Alan Jackson, Tolstoj, u Rabelais.

Ħarsa lejn dak li qed iseħħ madwarna: Azzopardi poeta u ġurnalist jikteb dwar il-“problema tal-katavri ħajjin fil-Kontinent l-Iswed”, il-“kampanja ta’ materjaliżmu prammatiku li qed issib spazju enormi fuq il-mezzi elettroniċi”, “l-istrateġiji tal-konsumiżmu”, is-“sensazzjonaliżmu fil-media”, ix-“xjenza militari”, ir-“riċerka u l-produzzjoni nukleari”, il-kożmetiċi, il-kirurġija plastika, il-ġinekoloġija kożmetika, il-prijoritajiet foloz, id-difiża kontra t-terroriżmu, il-“preġudizzju w is-sentenzi ta’ ġensi/ kontra l-għorba tad-dgħajjes li jaslu mill-kontinent l-iswed” (p. 47), l-“ispam mail li tikkumerċjalizza s-sess u li saret tinvadi kull kompjuter” (p. 90), l-“antenni twal radjuattivi” li “jikkawżaw sintomi koroh fis-saħħa taċ-ċittadini”, l-“intossikazzjoni tal-awtorità u s-serviliżmu”, it-“totemiżmu ta’ żmienna, imnebbaħ minn prodotti soċjokulturali mgeżwrin fil-bandiera Amerikana”, il-“psewdovirtujiet tradizzjonali” u l-“preċetti foloz li xxuttawna sal-għadam, li ħolqu traġikummiedja sħiħa bl-etika soċjali”, il-“politika finta, il-parodija reliġjuża”, l-“imħallfin b’idejhom iwaħħlu bit-tixħim, l-idolatrija kummerċjali, il-massifikazzjoni, l-edukazzjoni li tibbottja ’l ulied il-poplu jew tipprofetizzalhom il-falliment”, l-“isfrakass ekoloġiku... biex jibnu t-torrijiet tal-metall u l-ħġieġ” (p. 113), il-vittmi tal-piroteknika.

Timora Jackson trid tikteb lill-President, kitba qawwija kontra l-gwerra, tittratta l-missjoni jew “talba tal-mewt” li l-President Amerikan isejjaħ għaliha eluf ta’ żgħażagħ, u anki l-“ommijiet tal-ulied eżiljati”. F’dan id-dawl l-għajta għal-libertà hi biss “biċċerija oxxena u feriti fondi fir-ras ta’ min jibqa’ biex jimxi l-funerali.” Fejn hemm il-gwerra hemm l-infern, u fejn hemm l-infern mhemmx post għall-poeżija. X’inhu dan kollu jekk mhux poeżija jew kitba bħala reżistenza?

Quddiem dan kollu Mario Azzopardi jfittex l-“antidotu” (p. 111) kontra l-ħażin kollu tad-dinja. Fejn jinsab dan l-antidotu? Fil-kliem jew fil-pawża bejn kelma u oħra?

Dwar l-għeruq tagħna: Il-leħen f’Awtostorja f’10 kapitli hu wieħed li jmur lil hinn minn kull limitu ta’ spazju jew żmien. Hu leħen li ġej mill-imgħoddi mbiegħed u fl-istess ħin kien u hu preżenti f’kull żmien. Żgur hemm rabta mal-Istorja, l-isfond tal-gżejjer Maltin, ma’ dak li hu tagħna, dak li aħna tassew. Hija għalhekk kitba li tgħin biex nifhmu min aħna u mnejn ġejna, anki fuq livell ta’ poplu Malti, bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu. Ma ninsewx li tagħna huwa poplu antik u għalhekk demmu hu mħallat sewwa, u dan fi żmien meta xi wħud mill-Maltin jitkellmu kontra s-suwed u favur ir-razza Maltija (ara Xi notamenti mill-arkivji tar-razza).

Aktar dwar Skizzi: Żgur li l-poeżija vera hija dik li ġġiegħlek tidħol fik innifsek, tfittex, anki tintilef, biex fl-aħħar issib lilek innifsek: “Jien li fl-eżilju tiegħi għaraft min jien”. (p. 50)

Hemm imbagħad is-silta L-istorja ta’ Jahwe – Profeta tat-triq fejn Jahwe/Kristu hu fiċ-ċentru tal-attenzjoni. Din hija ħarsa mill-ġdid lejn il-figura kumplessa ta’ Kristu minn perspettivi differenti, bl-implikazzjonijiet kollha ta’ dak li qal, għamel, u fisser għan-nies ta’ żmienu. F’L-Istorja tal-Magoj Azzopardi jsir wieħed mill-Maġi li jfittex “triq il-kometa” sa ma jasal. L-Iskrittura terġa’ tinħass fil-kitba Marcel Magritte... fejn b’xi mod hemm ix-xbieha tal-Golgota (Kristu, is-salib, in-niket). F’Posta elettronika lil Andreas Girard... Kristu l-Galilew hu mifhum bħala “mudell anarkiku perfett”. Dwar Ġesù nerġgħu naqraw f’Il-Maxtura f’Paceville. F’din il-kitba ta’ natura bejn ġurnalistika u bejn satirika naraw lil Ġesù tarbija li jinsteraq minn maxtura f’Paceville. Azzopardi juża anki lingwaġġ li jdarras apposta (anki jekk jintuża fit-taħdit ta’ kuljum), f’rabta ma’ avveniment importanti bħall-Milied. L-awtur jistaqsi jekk dak tagħna hux Milied spiritwali jew biss materjali.

Spiss il-bniedem jiġi ppreżentat bħala marid terminali, immankat, iddisprat sas-suwiċidju. Dan kollu għaliex? Forsi kollha huma simbolu ta’ umanità li qed titnawwar. L-awtur ta’ Skizzi jinvolvi wkoll lill-qarrej biex miegħu jipprova jsib tip ta’ tarf għall-kobba.

Fis-silta Sala numru M-K 13 ningħataw analiżi klinika ta’ numru ta’ pazjenti f’sala tal-isptar. Naraw l-umanità f’waqtiet ta’ tbatija, abbandun u disperazzjoni, u dan fi żmien meta l-pubbliċità titma’ l-idea tal-“life is beautiful”. Parti minn din il-kitba hija silta minn konverżazzjoni tipika bejn viżitatur u pazjent. Għall-morda terminali l-mewt tinftiehem bħala mistrieħ. Għal Mario Azzopardi l-mewt hija tranżizzjoni sielma, b’ “destinazzjoni mhijiex fissa”. (p. 122)

Għeluq: Skizzi tal-Karnival iħaddem stil bejn proża u poeżija. Azzopardi ma jikteb “Xejn eċċezzjonali ħlief is-solennità tal-banali”. (p. 115) Il-“poesaġġi” li jissemmew fis-sottotitlu huma “paesaġġi” mentali, fantastiċi, mistħajla, reali, differenti; u “saġġi” għax għandhom il-piż intellettwali tagħhom, bosta drabi frott min jinsab wiċċ imb wiċċ mat-tmiem, mal-waqt finali (it-terrorist, is-suwiċida, il-marid terminali, il-poeta). Żgur li Skizzi tal-Karnival – Poesaġġi mhux għal kulħadd u dan għax il-kitbiet mhumiex faċli, anki għax jinnarraw ukoll stejjer ta’ tbatija, oppressjoni u solitudni. L-iktar ġid li jseħħ minn ktibiet bħal dawn mhux waqt li qed taqrahom, imma wara, meta fis-silenzju u bla ma trid tixtarrhom u tħoss l-eku tagħhom imissek, jinfdek, jisfidak u jċaqilqek minn ġewwa.

Patrick Sammut