Sunday, June 5, 2016

MAL-ĦMURA TAX-XEFAQ ta' Charles Bezzina, BOV 2106.

Mal-Ħmura tax-Xefaq huwa ktieb li jiġbor fih 200 poeżija li din id-darba Bezzina kiteb bejn l-2011 u l-2014. Nifhmu mill-ewwel li dik tiegħu bħala poeta hija pożizzjoni privileġġjata li minnha kapaċi jara u jġarrab eserjenzi li mhux kulħadd kapaċi jesperjenza.

Dwar l-aspett TEMATIKU:

Charles Bezzina jżomm il-firxa ta’ temi li ttratta f’antoloġiji poetiċi imgħoddija. Fost dawn tirrikorri dik tal-imħabba. Din tispikka f’poeżiji bħal Tajtni x’nifhem (fejn il-poeta jesprimi x-xewqa u jfittex l-imħabba); Meta tiġi (fejn l-imħabba hija mifhuma bħala possibiltà futura imma anki bħala esperjenza tal-imgħoddi); Ġo xagħrek (fejn l-“int” jintrabat ma’ elementi ħafna ikbar minnu, dawk naturali); Nixtieq (fejn l-imħabba teżisti biss fid-dimensjoni tax-xewqat u hija mgħollija fuq pedestall); u F’għajnejk qed nara (fejn f’għajnejn il-maħbuba hemm il-kobor u l-misteri tal-infinit). F’Konna mmorru fuq ix-xtajta hija maħkuma minn sens qawwi ta’ nostalġija: niftakru li l-ħwejjeġ sbieħ u sitwazzjonijiet ideali ma jdumux, u jasal żmien ieħor meta posthom joħodulhom il-baħħ: “Waqfet tfewwaħ qajla ż-żiffa,/ u xewqatna ġew fix-xejn,/ morna għal rasna bla tkellimna,/ kellna l-baħħ ġo qalbna t-tnejn.” (p. 227)

Fil-versi ta’ Bezzina naqraw ukoll dwar il-kuntrast bejn iċ-ċokon tal-‘jien’-bniedem fuq naħa, u l-kobor tal-forzi tal-makrokożmu fuq l-oħra. Hekk f’Int ħadtni u ħallejtni wieħed jistaqsi min hu l-“int” li jindirizza l-poeta? Dan huwa dak l-ispirtu li bħal donnu qabad lill-bniedem u tefgħu jimraħ waħdu fost elementi naturali bħalma huma l-wied, l-għoljiet, ir-riħ, il-boskijiet, is-sisien u l-baħar. F’Xi jkun ir-riħ iwissi mikro- (it-tajr) u makrokożmu (il-kwiekeb u r-riħ) inisslu sens ta’ stagħġib u għadd ta’ mistoqsijiet fil-poeta.

F’Irrid ix-xbieha tal-ilma tesprimi anki l-bżonn li l-poeta (mela l-“jien”) isaffi lilu nnifsu u jiġġedded. Drabi oħra Bezzina jsib kenn fil-fidi bħalma naraw fi Trankwilla l-vuċi tiegħek, fejn il-vuċi li jikteb dwarha “taf tixgħelli xemgħa f’dalma kbira”, “tkenninni mill-irjieħ mgħaddbin, sfrenati,/ u tgħinni ngħum fil-ħalel bla ma negħreq”, jew “iġġibli s-sliem, il-kalma f’moħħi u f’qalbi,/ it-tama tal-ġejjien, is-serħ ta’ ruħi”. Din il-vuċi li jisma’ l-poeta tista’ tkun saħansitra dik tal-baħar. U dan jerġa’ jorbot mal-fatt li l-poeta hu bniedem sensittiv u li jinterjorizza dak kollu li hemm madwaru, u huwa attent għall-ħsejjes, taħbit u lħna tal-elementi naturali. It-twemmin bħala tema jerġa’ jinħass f’Nixtieq illi nitkisser, fejn naqraw dwar ix-xewqa tal-poeta-bniedem li jinbena mill-ġdid b’moħħ, ruħ u sensi aktar qawwija u sensibbli biex ikun jista’ jġarrab aħjar lil Alla: “Agħtini fl-aħħar sensi/ wisq iżjed qawwijin,/ ħa ngħum fil-kobor tiegħek,/ fi ġmielek, dawl divin.” (p. 222)

Is-solitudni hija motiv ieħor li jirrikorri fil-versi ta’ Bezzina. Din tinftiehem bħala kenn kontra t-tiġrib li jista’ jinqala’ f’poeżija bħal Fittex idħol u mur staħba. Fil-poeżija Tajra Bezzina jikteb, “Jien tajra illi nqtajt minn qatgħa kbira”, anki biex ikun jista’ josserva id-dinja umana minn ċerta distanza. Il-“jien” u l-baħar isiru ħaġa waħda f’Illejla jien u l-baħar billi jinħabbu f’solitudni, bla ma jwarrbu l-għarfien li dik tagħhom – “id-diq li jifni qalbna”, “l-uġigħ tagħna”, “l-ħtijiet kollha”- hija sitwazzjoni eżistenzjali xejn ħafifa. Dan b’xi mod jintrabat mar-relazzjoni bejn il-poeta u l-bqija tan-nies madwaru li naqraw dwarha f’poeżiji bħal Il-buffu u Buffu. Bezzina jikteb, “ninħeba taħt il-maskra kbira tiegħi,/ bla nuri ’l ħadd u ’l ħadd tassew min jien” (p. 90). Nifhmu li wara l-maskra li ddaħħaq hemm bniedem sensittiv bl-uġigħ u bl-imrar kollu tiegħu. Nifhmu wkoll li n-nies tinġibed lejn il-maskra għax taljena u ddaħħaq, mhux lejn dak li hemm taħtha, u dan ikompli jżid fis-solitudni tal-poeta. F’versi bħal Buffu niftakru wkoll li dak li jagħmel Bezzina hu li jberraħ permezz tal-versi dak kollu li jħoss matul waqtiet differenti. Huwa hawn fejn jilħaq livelli universali ladarba dak li jikteb dwaru mhux biss frott tiġrib personali-individwali imma jsir rifless ta’ dak li jġarrab il-bniedem in ġenerali. Proprju għalhekk spiss Bezzina jħaddem l-“aħna” bħala persuna grammatikali – ara l-poeżija Mewġiet ilkoll kemm aħna.

Anki Weġgħa hija poeżija ħierġa direttament mill-qalb u li b’xi mod jew ieħor tiddeskrivi l-“essenza” ta’ Charles Bezzina bħala bniedem u poeta: “Ġewwa jdejk nitlaqlek weġgħa,/ nagħtihielek bla ma tfuħ,/ fiha l-ġmied ta’ qalb mifnija,/ fiha l-krib, il-fwar tad-dmugħ.”

Dak li jagħmel Bezzina fil-versi tiegħu huwa wkoll vjaġġ. F’Għarrfuni jikteb, “il-weraq ta’ fdal ħajti/ qed jaqa’ xott, midbiel./ […] b’dankollu għadni nwerrek,/ inkaxkar, ma nċedix.” (p. 62) Il-poeta li qed jara li ż-żmien ma jistenna lil ħadd iħoss li xi darba t-triq trid tintemm anki għalih. Madankollu jsostni li mhux biħsiebu jċedi u dan anki bis-saħħa tal-poeżija. Il-ħajja - mit-tfulija sax-xjuħija - u l-qosor tagħha jiġu ttrattati fi Tfal aħna: hawn ir-ritmu mexxej tal-vers imħaddem (is-settenarji) jirrifletti l-ħeffa li biha tgħaddi l-ħajja.

It-tifkira u ż-żmien sabiħ tat-tfulija (issimbolizzat mill-“baħar sielem”) kontra l-għarfien li ż-żmien jgħaddi u kollox jitbiddel (il-“baħar tqawwa” u “t-tifel m’għadux aktar, tbiddel sewwa”) jidhru f’U meta konna ċkejkna u Qaluli nerġa’ lura rispettivament.

L-istaġun tal-ħarifa jerġa’ f’Ħarifa la tgħaddix: hawn dan l-istaġun, flimkien mal-baħar, jgħinu lill-poeta jirrifletti u jistrieħ fis-solitudni. L-element tas-serħan u tan-natura bħala duwa kontra stati ġewwiena differenti nerġgħu naqraw dwaru fil-poeżija Fil-ġnien tiegħi fejn Bezzina jikteb li l-elementi naturali jservuh “biex idawlu d-dlamijiet,/ biex iqanqlu l-ilma qiegħed,/ biex iserrħu l-qalb li nfniet.” F’Kuljum il-polz itektek naqraw dwar emozzjonijiet kuntrastanti: fuq naħa hemm it-tama (“Hemm tama tgħix ġo fina”), imma fl-istess ħin hemm ukoll l-għarfien tat-tmiem (“ninbarmu għad xi darba,/ u negħrqu minnufih.”). Kontra l-ħarifa mbagħad hemm ir-rebbiegħa li tintrabat ma’ żmien iż-żgħożija u li tispikka fil-poeżija Aħna żgħażagħ.

Il-protesta, għalkemm mhix waħda li tiġi espress bi vjolenza, tinħass fil-poeżija It-tajr. Hekk jikteb Bezzina:

“Tajr imġarrab, tajr tal-baħar,
ġie u mar, għadda ħosbien.
[…]
Tajr li qatt ma rajna bħalu,
tajr imwerwer, tajr anzjuż,
baqa’ sejjer bla sellmilna,
tajr tal-lejl, tajr misterjuż.”

It-tona ta’ protesta jerġa’ f’Ma rridx nara fejn Bezzina jixtieq jorqod għat-tul biex jaħrab mill-problemi tal-preżent, fosthom “il-jasar, bosta ġlied,/ il-għira, il-mibegħda,/ il-ġuħ, il-mard qerried”, kif ukoll “diżastri tan-natura,/ imwiet bil-multitudni,/ traġedji kbar mistura.”

Anki l-eleġija hija parti mir-repertorju ta’ Charles Bezzina. F’Nistħajlek. Lil Karen Azzopardi naqraw dwar din it-tfalja li hija ħlejqa bejn reali u bejn fantastika, u li toqgħod x’imkien bejn art u sema.

Hemm ukoll drabi meta Bezzina jittratta t-tema tal-poetika, mela meta jikteb dwar is-sengħa tal-poeżija jew dwaru nnifsu bħala poeta. Dan narawh f’Poeżija, fejn Bezzina jammetti li għajn ewlieni għall-versi tiegħu hija n-natura tipikament Maltija. Minħabba dan il-versi ta’ Bezzina huma miżgħudin b’riferimenti għall-elementi naturali tipikament Maltin bħalma huma l-baħar (fuq kollox), imma anki r-riħ u x-xemx. Fil-“baħar” il-poeta jara spazju ta’ misteri li jmur lura ħafna fiż-żmien. Hemm fis-skiet tal-mewġa Bezzina jilmaħ “elf sigriet” (ara Mewġa). F’Tajra (imma anki f’Minn dix-xtajta) l-baħar jintrabat ma’ ambjent ta’ kontemplazzjoni, fejn Bezzina jagħżel li “[j]oqgħod ħiem[ed] f’solitudni”, xi ħaġa li esperjenzaw poeti oħrajn bħall-istess Dun Karm Psaila fil-poeżija Waħdi. Il-baħar u l-meditazzjoni jerġgħu f’Il-vjaġġ tal-illużjoni, fejn Bezzina jikteb,

“Ninsabu lkoll maħkuma
minn ħsieb, meditazzjoni,
nitbiegħdu kuljum għadna
fil-vjaġġ tal-illużjoni.” (p. 154)

L-element tar-riflessjoni jerġa’ jispikka f’X’inhi din l-illużjoni, fejn għal darb oħra l-bniedem-poeta jirrifletti u jistaqsi dwar elementi ħafna ikbar minnu.   

Bezzina jinteraġixxi f’relazzjoni kontinwa mal-elementi naturali, l-aktar mal-baħar. F’Dan il-baħar dan l-element naturali jinftiehem bħala entità ħajja u spazju infinit ta’ għarfien (“Dan il-baħar jaf kull demgħa/ illi niżlet mis-smewwiet/ […] Jaf sigrieti klandestini/ illi jseħħu ġol-għerien”). F’poeżiji bħal dawn il-bniedem-poeta fiċ-ċokon tiegħu u l-baħar, ix-xtajta, is-sema, l-irjieħ u l-bqija (bħala parti mill-ħolqien il-kbir) isiru ħaġa waħda biex b’hekk jinkiseb għarfien usa’. Ħdejn il-baħar il-poeta jinħakem minn ġrajjiet imgħoddija li għandhom mill-ħolm u mill-imħabba (ara Kienet xtajta). Fil-poeżija F’torri msaħħar il-poeta flimkien ma’ preżenza oħra anonima jsib il-kenn minn “kull hemm u mrar”, u jħossu “maqtugħin minn kull progress,/ ħajja sielma mingħajr ħsejjes”. (p. 149)

Hemm imbagħad drabi oħra meta Bezzina jiddeskrivi spazji li jmorru lil hinn minn xtutna bħalma jagħmel fil-poeżiji Serfaus, Pfunds u Bavarja, kollha fl-Awstrija. Hawn il-poeżija takkwista l-karatteristiċi tar-ritratt ladarba Bezzina jsemmi xmajjar, baqar, djar biċ-ċmieni jdaħħnu, kaskati, għadajjar, muntanji, widien, ċriev, borra u l-bqija. Quddiem dan kollu Bezzina jikteb:

“Pastur f’dan kollu jiena,
nitpaxxa bid-dehriet,
mitluf f’dal-ġmiel, qed nikteb
f’din l-art tas-sħarijiet.” (Bavarja, p. 191)

Bi ħsibijietu Bezzina huwa poeta li jimraħ fi spazji differenti li għandhom mill-kobor tal-makrokożmu, imma anki mill-misteru lil jmur lil hinn minn kull possibiltà ta’ definizzjoni (ara Fi ħsiebek):

“Fi ħsiebek hemm l-ispazji ta’ kull kożmu,
il-kwiekeb jegħmżu ħiemda lil xulxin,
il-qamar jarmi r-raxx minn lewn il-fidda,
l-imrieżaq tax-xemx tikwi, lkoll dehbin.
[...]
Fi ħsiebek id-dagħbien ta’ fond imdallam,
il-kobor silenzjuż u mingħajr tmiem,
irkejjen eremiti u solitarji,
il-baħħ li ma jitfisser b’ebda kliem.”

Dwar l-ISTIL TA’ KITBA:

Il-kliem fil-versi ta’ Charles Bezzina għandu ritmu mexxej u jitwieled bla ebda diffikultà jew tqanżiħ. Dan però huwa frott min ilu jikteb għal snin twal u b’hekk għalih il-kitba saret sengħa. Dawn ir-ritmi poetiċi li juża Bezzina spiss joqorbu lejn ir-ritmi naturali tal-istess baħar li spiss isemmi: bħalma dan tal-aħħar jimla u jofrogħ, hemm ukoll ir-ritmi, daqqa jgħaġġlu u daqqa jimxu iktar bil-kalma.

Prosodikament dawn il-poeżiji ta’ Bezzina huma miktubin prinċipalment b’versi bħalma huma s-settenarji u l-ottonarji (li ritmikament huma versi li jistgħu jiġu anki kantati bla ebda tbatija), imma jitħaddmu ximindaqqiet ukoll il-kwinarji, is-senarji, id-dekasillabi u l-endeksillabi. Metrikament jaħkmu kważi esklussivament il-kwartini bir-rima mqabbża, mela l-istrofa ta’ erba’ versi bit-tieni u r-raba’ versi li jirrimaw. Hemm xi eċċezzjonijiet bħall-poeżija Jekk mhux ir-riħ (magħmula minn sestini) jew Trankwilla l-vuċi tiegħek u Illejla jien u l-baħar (magħmula minn strofi rregolari bla rima u endekasillabi). Mela strutturalment l-għażla ppreferuta minn Bezzina hija dik regolari u tradizzjonali.

Il-lessiku użat għandu kemm mis-Semitiku kif ukoll mir-Romanz, u li jintrabat l-iktar ma’ reġistri bħalma huma dak naturali u dak ta’ tiġrib il-ħajja.

Fost il-mekkaniżmi letterarji li jħaddem Bezzina hemm l-appell għas-sensi. Hekk f’Imxu miegħi naqraw “xommu r-riħa t’alka niedja,/ ħossu l-lehġa tal-mewġiet.”, u ftit wara “ħossu r-riħ ma’ xagħarkom ġej,/ togħmu r-raxx itir ma’ wiċċkom”. F’dawn l-erba versi Bezzina jappella għas-sens tax-xamm, tal-mess, u tat-togħma, filwaqt li jfakkarna fis-safa tal-elementi naturali li joffru serħan lil min jaf japprezzahom. L-appell għas-sensi jerġa’ f’Riħa ta’ baħar mielaħ fejn diġà fit-titlu hemm appell għas-sens tax-xamm u tat-togħma, filwaqt li naqraw versi oħrajn bħal “u l-karba mill-bogħod dwiet” (smigħ), u “riħa ta’ alka niedja,/ riħa ta’ ragħwa tfuħ” (xamm).

Hemm drabi meta kliem il-poeżija bħal jimita kliem għanjiet ritwali tal-imgħoddi li kienu jitnisslu mir-rabta tal-bniedem mal-elementi naturali. Hekk naqraw f’Illejla mingħajr qamar:

“Illejla mingħajr qamar,
inqabbdu lkoll in-nar,
nixegħlu mitt ħuġġieġa,
infakkru ġrajjiet kbar.
[…]
U ngħidu talb l-imgħoddi,
is-salmi tal-irjieħ,
l-għanjiet u l-litaniji
tal-baħar, tal-erwieħ.”

Drabi oħra l-istrofi jieħdu l-għamla ta’ mistoqsijiet rettoriċi (ara Jekk mhux l-ilma).

KONKLUŻJONI:

Dawn huma poeżiji li ma jistgħux jinqraw kollha f’daqqa għax jgħejuk ladarba lessikalment, tematikament u ritmikament huma simili ħafna. Dan jista’ jirrifletti ċ-ċokon – ġeografiku - li minnu ġej Bezzina, ċokon li jaħrab minnu permezz tal-immaġinazzjoni, tal-lehma u tal-versi li moqrija ftit ftit jinżlulek għasel. Huwa hawn fejn il-poeżiji ta' Bezzina jinftehmu wkoll bħala logħba infinita ta’ kliem li kull darba jitqiegħed f’ordni u skemi ġodda b’mod naturali biex jinħolqu xbihat, emozzjonijiet, u sensazzjonijiet ġodda fi-qarrej. Il-fliexken hum antiki, imma l-inbid li joffrilna Bezzina hu dejjem mill-itjeb. Il-forma hi tradizzjonali, imma l-poeżiji li naqraw f’Mal-Ħmura tax-Xefaq ipaxxu l-qalb, il-widna u r-ruħ. Dawn ta’ Bezzina huma poeżiji mgħobbijin bil-ħeffa ta’ riflessjonijiet profondi u li għalhekk jistgħu jinqraw ukoll minn taħt l-ilsien, imma jħallu fil-qarrej eku li jidwi għat-tul.

Din il-ġabra għandha daħla Kritika interessanti miktuba mill-Professur Oliver Friggieri.


BELOVED CONVICT ta' Lou Drofenik.

Dan hu rumanz ta’ ftit iktar minn 350 paġna. Drofenik tagħżel din il-binja għalih:

 6 Partijiet ewlenin:

     1.     Prologue - Żmien preżenti - 6 paġni;

   2.     The Final Years of the Order of St. John of Jerusalem Malta 1785-1798 – Żmien passat.
     Amelia – 22 paġna;
     Isabella – 45 paġna;
     Salvatore – 12-il paġna;
     Last days of the Order – 44 paġna;
     Antoin – 30 paġna;

   3.     The French Occupation May-1978- September 1800 – 20 paġna;


   4.     Life During the English Occupation – 49 paġni;

   5.     Bound for New South Wales
     Preparation for a Journey on the Convict Ship HMSS. Dromedary – 19-il paġna;
     The Journey – 27 paġna;
     Journey’s End – 5 paġni;
     Imperia – 27 paġna;

   6.     Epilogue – 9 paġni.

   1.     Il-Prologu

Il-Prologu hu miktub fil-korsiv. Hawn għandna l-leħen narranti ta’ min qed jikteb fil-preżent, l-awtriċi stess. Tħoss bħal vuċi ġo fiha li qed tħeġġiġha biex taqbad il-pinna u tikteb, “it is Salvatore who beckons.”; “This is what she has to do. Turn words into flesh.” Hemm l-idea tal-kelma (il-verbum) li tingħata l-ħajja mill-artist fis-sens wiesa’. F’din l-ewwel parti jispikka l-appell għas-sensi u naqraw dwar il-kċina Maltija, il-ħolm u r-rabtiet familjari. Aktar tard nifhmu li l-ħolm, flimkien mal-magħmul, id-destin, is-superstizzjoni, u l-mewt huma kollha elementi importanti f’Beloved Convict.

   2.     The Final Years of the Order of St. John of Jerusalem Malta 1785-1798

Wieħed jinnota li anki f’dan ir-rumanz – bħal f’rumanzi oħrajn tagħha - Drofenik tagħti lil partijiet differenti ismijiet ta’ personaġġi. Din it-tieni parti tinqasam f’ħames taqsimiet u tirrakkonta ħwejjeġ li seħħew fil-passat. L-ewwel taqsima AMELIA tibda b’data speċifika: 11 ta’ Lulju 1786. L-ewwel żewġ kelmiet huma “Joseph Vella”, l-istess isem (Giuseppe Vella, anki hu kappillan) li l-kittieb kontemporanju Sqalli Leonardo Sciascia juża fir-rumanz tiegħu Il consiglio d’Egitto (1963) li l-azzjoni tiegħu kienet ambjentata bejn l-1782 u l-1795. Dan kien żmien meta l-figura tal-qassis kellha rwol importanti proprju għax il-Knisja kienet għadha b’saħħitha. Min-naħa l-oħra ma ninsewx li dawn huma s-snin tal-Illuminiżmu Franċiż, meta l-Franċiżi spikkaw għall-intelliġenza tagħhom u għat-tfittxija eterna tal-għarfien.

Mill-ewwel jinħass li Lou Drofenik qed tinseġ truf differenti biex fl-aħħar nett tibni storja sħiħa. Hija ssensel sewwa stejjer differenti marbutin ma’ individwi u familjari differenti li fl-aħħar mill-aħħar kollha jissawbu waħda fl-oħra b’sengħa kbira biex jiffurmaw rumanz wieħed. Hemm ir-rabta bejn Imperia u missierha (li hu kummerċjant, baħħar u kaptan), l-ispazju tal-port u l-baħar bis-seħer kollu tiegħu. Niltaqgħu ma’ Antonio Bonnici, iben missier mhux magħruf, imwieled Malta u li bis-saħħa t’ommu Amelia joħroġ mill-għeluq ta’ dawn il-gżejjer proprju fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann.

Element stilistiko-narrattiv importanti huwa l-appell għas-sensi: “the perfume of stephanotis”, “the smell of places where he had been” (xamm), dik li Drofenik issejjaħ ukoll “olfactory memory”. Anki din hija parti mill-memorja ta’ snin u avvenimenti li għaddew imma li għadhom ħajjin. Element stilistiku ieħor huwa t-tħaddim ta’ punti di vista differenti, mela r-realtà jew ir-rakkont mgħoddi lilna kemm minn ilħna u kuxjenzi rġiel kif ukoll nisa. Stilistikament Drofenik talterna u tvarja l-ispazji fejn iseħħu azzjonijiet differenti, fosthom il-Belt Valletta, Lipari, Napli, l-Imdina, imma anki l-Wardija, il-Pwales, il-Madliena u Għawdex. It-teknika tal-kuntrast tispikka qatigħ f’dan ix-xogħol: per eżempju, fl-aħħar parti tat-taqsima ISABELLA naraw fuq naħa lil Isabella Diacono mejta fil-karru tal-mejtin u d-diqa ta’ żewġha Giacomo, u fuq l-oħra Pandolfu mimli b’imħabba għal Amelia. Hawn il-karru tal-mejtin u l-maltemp isiru ħaġa waħda biex joħolqu atmosfera griża.

Huwa żgur li Lou Drofenik għamlet sewwa r-riċerka storika tagħha biex issaħħaħ l-isfond ta’ dan ir-rakkont tagħha. Tissemma data oħra – l-14 ta’ Awwissu 1795 – mela hu ż-żmien wara r-Rivoluzzjoni Franċiża, ftit qabel il-waqgħa tal-Ordni f’Malta. Personaġġ ieħor huwa l-kavallier Franċiż Déodat Gratet de Dolomieu li jiġi lura Malta imma f’sitwazzjoni finanzjarja ħażina. Hemm ukoll Pandolfu l-falkunier li jieħu grazzja ma’ tfajla li ma tissemmiex b’isimha. Wieħed mill-ispazji fejn isseħħ l-azzjoni hija Strada Mercanti, il-Belt. Id-destin jibda jseħħ: it-tfajjel Antonio, iben Amelia, jiltaqa’ mal-kavallier Déodat. Jinħass li hemm xi ħaġa komuni bejniethom. Hemm ukoll Isabella u Giacomo Diacono: iż-żwieġ bejniethom mhux sejjer tajjeb u jeżisti wkoll is-suspett ta’ tradiment. Isabella hi kontra l-ugwaljanza, filwaqt li żewġha jaqbel mat-tliet prinċipji tar-Rivoluzzjoni Franċiża.

It-taqsima ISABELLA tiftaħ bl-idea li Franza, bħala l-pajjiż tal-Illuminiżmu, toffri l-opportunità biex wieħed jiftaħ moħħu għall-għarfien. Amelia tikkonvinċi lil Déodat biex jieħu lil binha Antonio miegħu fi Franza: “Knowledge, you always said, should belong to everyone. Take him.” Amelia hija l-omm ambizzjuża li tixtieq lil binha jilħaq stat ogħla; dan jintrabat mal-problemi soċjali tal-epoka, fosthom il-faqar, it-tfal abbandunati, il-prostituzzjoni, il-mard u l-injoranza. Il-kwalitajiet li jikkaratterizzaw lil Amelia Bonnici huma l-indipendenza, is-saħħa tal-ispirtu u r-ras iebsa. Min-naħa l-oħra Isabella Diacono kienet timla jiemha bil-paroli tas-servi, il-ġirien u l-qassisin. Nifhmu li hemm mentalitajiet opposti - Amelia kontra Isabella. Isabella tikkunsidra lil Amelia bħala prostituta. Għalkemm Isabella ma taħmilx lil Amelia, min-naħa l-oħra hija kurjuża dwar kif l-oħra tiġbed daqstant irġiel lejha. Drofenik tagħti importanza kbira lill-personaġġi nisa li jieħdu l-ħajja permezz ta’ deskrizzjonijiet ta’ kundizzjonijiet soċjali, burdati u sitwazzjonijiet emottivi differenti. Din Isabella hi wkoll kapaċi tiġġenera ħsibijiet profondi: “If we don’t remember our birth, we won’t have any recollection of our death either.” (p. 68) Dan il-ħsieb bħal jixħet dawl fuq dak li għandu jseħħ ftit wara. Isabella għandha wkoll don jew saħta: il-ħolm u l-preveġġenza, element komuni fir-rumanzi ta’ Drofenik. Isabella toħlom dak li fir-realtà m’għandhiex: imħabba vera min-naħa ta’ żewġha. Dan għax Giacomo Diacono kellu jiżżewwiġha kontra qalbu u minħabba dak li jiddettaw ir-regoli tal-klassi soċjali l-għolja. Ix-xogħol tiegħu bħala baħħar u kummerċjant kien jgħin ukoll biex jaħrab minn din ir-realtà instabbli tassew. Min-naħa l-oħra Amelia Bonnici toħlom lil binha li tbiegħed minnha għax riedet hi stess: dik tagħha hi ħajja ta’ sagrifiċċju u mħabba.

Apparti dan ir-rakkont mistħajjel Drofenik ma tħallix barra r-rakkont li għandu mir-realtà storika: il-preparazzjonijiet minn taħt u fis-sigriet biex iwasslu għall-waqgħa tal-Ordni, u l-Belt Valletta bħala ċ-ċentru fejn kien qed isir dan it-tixwix. Tissemma wkoll ir-rabta bejn Malta u Napli u anki l-falkun li kien jingħata bħala rigal. Hija interessanti d-deskrizzjoni bl-attivitajiet għaddejjin fil-Port il-Kbir (preżenza kostanti matul ir-rumanz), b’ċerti dettalji li jintrabtu mal-istorja u żmien l-Ordni. Din li tiddeskrivi Drofenik hija soċjetà ta’ kuntrasti: fuq naħa “greed and extravagance”, u fuq l-oħra, “abject poverty and great cruelty”. Hija soċjetà maħkuma minn tliet forzi rivali: l-Ordni, l-Inkwiżizzjoni u l-Knisja stess, kollha oppressuri u fittiexa tas-setgħa. U proprju f’dan iż-żmien in-nies tibda tistaqsi l-aġir tal-Ordni fl-imgħoddi u fil-preżent. Din hija wkoll Malta meta fiha kienu jgħixu flimkien nies minn pajjiżi differenti, b’kulturi, twemmin u lbies differenti. Fuq livell storiku jissemma saħansitra Mikiel Anton Vassalli u l-ħidma tiegħu fuq il-Miklem. Aktar tard jissemma wkoll il-maltemp li minnu kienet għaddejja l-Ewropa (il-kunflitt bejn Napuljun u l-Imperu Awstro-Ungariku) u anki Malta stess (il-ġlied bejn il-kavallieri Taljani u Franċiżi).

L-ixprunara ta’ Giacomo Diacono tiġbor fiha personaġġi differenti: Giacomo stess (onest u jemmen f’ċerti valuri), il-kavallier Déodat (skular u riċerkatur), iż-żagħżugħ Antonio Bonnici, il-falkunier Pandolfu, Tomaso Frendo (kuntrabandista u opportunist), u l-ajjutant Filippu. Kollha għandhom rwol fin-nisġa tar-rumanz. Fuq din l-ixprunara u matul il-vjaġġ li tagħmel naraw id-destin ta’ tant personaġġi differenti b’daqstant ħolm differenti: hemm min il-ħolm tiegħu jifrex fuq spazji usa’ minn ta’ oħrajn. Jispikka wkoll il-kuntrast bejn Antonio Bonnici, iben Amelia, li hu determinat u rasu iebsa bħal ommu, u Salvatore Diacono, - ironikament edukat minn qassis - ribell, jistaqsi dak kollu li jingħadlu u ma jemminx f’dak li ma jistax jiġi ppruvat. Hemm ċerta ironija fil-karattru ta’ dawn it-tnejn, ladarba ġejjin minn klassijiet soċjali differenti.

It-taqsima SALVATORE toħodna fl-Imdina. Niltaqgħu maz-zijiet Custodia u Arnaud Cassar, anki dan tal-aħħar ivvjaġġja ħafna, hu poliglotta imma jitkellem bit-Taljan flok bil-Malti. Aktar ’il quddiem naqraw li Arnaud huwa wkoll kollezzjonist ta’ oġġetti antiki u rari. Min-naħa l-oħra Custodia temmen li l-Malti hu lsien awtentiku u li qatt mhu se jikseb l-istat li jixraqlu jekk ma jiġix mitkellem mill-klassijiet l-għolja. Għalhekk Custodia hi ammiratriċi ta’ Mikiel Anton Vassalli minħabba d-dedikazzjoni tiegħu bil-kitba tal-Miklem.

Kuntrast ieħor hu bejn Custodia u Isabella. Tal-ewwel temmen li hemm bżonn li l-mara tkun manipulattiva biex tgħix, u li tkun mara ma jfissirx li tkun vittma u dgħajfa. Custodia kienet saħansitra tirribatti lill-Monsinjur rigward argumenti filosofiċi. Kuntrast ieħor hu dak bejn il-lezzjonijiet fl-Istorja u fil-Ġografija ta’ Dun Joseph (ibbażati fuq il-kotba) u dawk taz-ziju Arnaud (ibbażati fuq l-esperjenza personali). Huwa f’dan il-kuntest li jikbru l-aħwa Imperia u Salvatore li, minn naħa jitilfu lil ommhom Isabella, imma minn oħra jakkwistaw it-tagħlim wiesgħa ta’ zijuhom. Salvatore jaqa’ fil-muta wara l-mewt ta’ ommu: dan jista’ jfakkar fil-protagonista truxa u muta fir-rumanż ta’ Dacia Maraini, La lunga vita di Marianna Ucria (1990). Il-baħar f’dan il-każ hu s-soluzzjoni biex Salvatore joħroġ mill-muta tiegħu. Joħroġ kuntrast anki fl-ispazji: fuq naħa l-kwiet u l-kalma t’Għawdex u fuq l-oħra l-ħajja interessanti u mimlija attivitajiet fil-Belt Valletta. Dan nerġgħu narawh aktar ’il quddiem fil-parti The English Occupation.

Tissemma data oħra: Settembru tal-1796, u anki l-fatt li l-Mediterran hu infestat minn bċejjeċ tal-piraterija. Dan biex l-azzjoni mistħajla tar-rumanz dejjem titqiegħed fuq sfond storiku preċiż. Wieħed jinnota wkoll żvilupp fil-ħajja tal-personaġġi u anki bidla fir-relazzjonijiet bejniethom. Dan jagħti nifs ġdid lir-rakkont. Id-destin ta’ missier u iben (Giacomo u Salvatore Diacono) se jgħaqqadhom flimkien.

It-taqsima LAST DAYS OF THE ORDER tiftaħ b’parti fil-korsiv. Mela għandna rabta mal-bidu ta’ dan ir-rumanz (il-Prologu): naqraw għal darb’oħra kliem l-awtriċi fil-preżent li qed tikteb l-istorja dwar Salvatore Diacono. Wara naqraw b’data oħra u post speċifiċi: tlitt ijiem wara l-Milied, fir-Rabat. Aktar tagħrif dwar l-isfond storiku: min se jieħu post De Rohan?; Bonaparti u l-bidliet li qed jintroduċi fis-sistemi legali tal-pajjiżi maħkumin minnu, fosthom il-firda bejn Stat u Knisja, l-introduzzjoni taż-żwieġ ċivili u d-divorzju u l-liberazzjoni tal-iskjavi; it-Trattat ta’ Campo-Formio; u ż-żieda tal-preżenza tal-Ingliżi fil-Mediterran. Jissemmew wkoll il-Grand Tour li bosta Ingliżi kienu jagħmlu f’dan iż-żmien, ir-rivalità bejn ix-xwieni Maltin u Venezjani, it-theddida tal-malarja u l-pesta, l-ispiji ta’ Napuljun f’Malta, l-Isqof Labini. Fuq kollox Drofenik jirnexxielha twassal il-ħażin u t-tajjeb li ġabu magħhom il-Kavallieri, imma anki l-inċertezzi tal-Maltin, l-aktar tal-klassi l-għolja, dwar xi jseħħ jekk jitlef l-Ordni u minflok Malta tħaddan il-valuri tar-Rivoluzzjoni Franċiża.

Ftit wara jissemma wkoll April. In-neputijiet Imperia u Salvatore jkomplu jgawdu mill-kumpanija taz-zijiet fl-Imdina permezz tal-interess tagħhom fil-qasam kulturali. Salvatore jakkwista tagħlim (anatomija, arti, politika, ġografija, ismijiet ta’ ħut, ilsna differenti u l-virtujiet tal-kuraġġ u l-integrità) u esperjenzi (il-vjaġġ lejn il-Morea u l-laqgħa ma’ baħrin, poeti, kittieba u artisti) ġodda permezz tal-vjaġġ tiegħu fuq il-baħar, u anki matul is-17-il jum ta’ kwarantina li jkollu jgħaddi fuq Manoel Island. Huwa vjaġġ li lil Salvatore jerġa’ jħollu lsienu. Jasal ukoll Ġunju (fil-Belt) u ftit wara Lulju. Dan hu l-istess xahar (Lulju 1797) li fih imut De Rohan u jiġi elett Ferdinand de Hompesch. Il-mewt ta’ De Rohan ġġib magħha tmiem ta’ epoka.

Drofenik tippreparana minn qabel għal dak li se jsegwi daqt. Dan kollu inissel kurżità fil-qarrej u jimbuttah biex ikompli jaqra. Matul dan il-proċess kollu Drofenik issir l-istess personaġġi tagħha billi tidħol fl-ibgħad irkejjen ta’ qalbhom, ruħhom u ħsibijiethom, biex b’hekk jinkixfu anki l-inċertezzi u l-beżgħat tagħhom.

Din it-taqsima tispiċċa b’enfasi fuq il-personaġġi nisa mill-ġdid. Hemm Tereża, omm Giacomo Diacono, li ma taqbilx sal-aħħar – minkejja li wara tagħtih il-barka tagħha - li binha jiżżewweġ lill-prostituta Amelia, anki minħabba differenzi ta’ klassi soċjali. Hemm il-mistoqsija ta’ Giacomo lil ommu dwar jekk martu Isabella fil-verità qatlitx ruħha b’idejha.

It-taqsima ANTOIN toħodna direttament f’Pariġi. Iż-żmien hu qrib il-Milied. Mela minn gżira ċkejkna nittieħdu f’pajjiż kbir u modern. Antonio Bonnici jgħaddi minn żminijiet ta’ solitudni ’l bogħod minn pajjiżu u minn min iħobbu. Jasal il-Milied, f’Isére, il-post fejn Déodat kien jgħix bħala tifel. Niskopru ċertu xebh bejn l-infanzja ta’ dan il-kavallier Franċiż u dik ta’ Antonio Bonnici: il-tnejn kellhom iħallu darhom u l-familja kontra qalbhom ta’ 12-il sena. Antonio jkollu bil-mod il-mod jidra l-ħajja avventuruża ta’ Déodat – interessat fil-ġeoloġija -, imma anki lsien, ikel u nies differenti b’ideat stimulanti u varjati. Lura f’Pariġi post-Revoluzzjoni naqraw dwar laqgħa ma’ Bonaparti nnifsu u mal-poeta Arnault. Tissemma d-data speċifika tal-4 ta’ Jannar 1799. Niskopru wkoll li missier Antonio Bonnici, issa Antoin, kien Franċiż. Déodat jammetti li l-Ordni m’għadhiex relevanti fiż-żmien modern, u anki li qatt ma kien hemm relazzjoni b’saħħitha bejn l-Ordni u l-klassi aristokratika Maltija, l-Isqfijiet u l-Inkwiżizzjojni. Min-naħa l-oħra Déodat jħoss li jekk Napuljun jersaq lejn Malta jieħu miegħu bosta teżori imprezzabbli, kif għamel meta ħakem lill-Italja. Proprju f’Pariġi u matul il-laqgħa ma’ Napuljun, Déodat ma jibżax jgħid f’wiċċ Napuljun dak li jaħseb dwar l-opri tal-arti misruqa: “A country’s patrimony Monsieur General should stay in its own place”. (p. 163) Hawn għandna ħarsa ’l quddiem ta’ x’jista’ jseħħ minn hawn u ftit ieħor – l-ispedizzjoni li tieħu lil Napuljun u l-forzi tiegħu f’Malta -, imma anki l-fatt li qalb Déodat hija marbuta ma’ Malta, minkejja li Franċiż.

Iż-żmien ikompli miexi ’l quddiem: l-ewwel Ħadd ta’ Mejju. Drofenik tirrakkonta ġrajjiet żgħar (f’Pariġi u f’Malta) f’rabta mal-familji li madwarhom iddur l-istorja mistħajla tar-rumanz u li jissawbu ma’ ġrajjiet akbar ta’ natura politika u internazzjonali. Isir it-tieġ bejn Amelia u Giacomo Diacono. Tereża  Diacono tisfida l-ambjent li kibret fih billi taqra l-karti, proprju fil-Birgu u qrib il-Palazz tal-Inkwiżitur. Mill-ġdid is-saħħa u l-influwenza tal-karattri nisa fir-rumanz ta’ Drofenik.

   3.     The French Occupation May 1978- September 1800

Din ukoll hi parti li tiftaħ b’data speċifika: il-Ħamis, 4 ta’ Ġunju 1798. Drofenik tagħtina deskrizzjoni tal-ħajja ta’ kuljum fit-toroq Maltin, f’dan il-każ fil-Birgu. Jinħass kif fl-attività li hemm fit-toroq hemm riflessa t-tradizzjonijiet kulinari Maltin: is-sajjieda, il-furnara, il-qagħaq, il-kappar, it-tursin, in-nagħnigħ, il-bajtar tax-xewk, il-bebbux, it-tin, u l-għajta tal-bejjiegħa. Anki hawn jispikka l-appell għas-sensi għal darb’oħra, bħalma jispikkaw ftit iktar ’il quddiem: “As she aged, Tereza Diacono became convinced that her body was excuding the same stale odours that had enveloped her grandmother in the final years of her life [...] the odour rising out of her grandmother’s scalp [...] a thick sour smell [...] there’d always be some kind of eau de cologne in her house [...] rose-scented soaps and perfumed powders”. (p. 185)

Drofenik tiddeskrivi wkoll il-wasla tal-Franċiżi fil-Port il-Kbir, bil-Maltin bħala poplu ċkejken xhud ta’ ġrajja storika hekk kbira. Jinħass li Napuljun se jġib miegħu bidla fit-tradizzjonijiet, fosthom fit-twemmin. Il-ġrajja nazzjonali u internazzjonali li seħħet fir-realtà tintrabat mal-ġrajja mistħajla, b’Antonio Bonnici li jiġi lura Malta ma’ Napuljun u Dolomieu. Aktar tard Antoin Bon jitlaq mal-forzi ta’ Napuljun fi triqtu lejn l-Eġittu. Għal darb’oħra Drofenik tagħtina dettalji f’rabta mal-isfond storiku. Hija tuża terminu modern biex tiddeskrivi bidla kbira li seħħet iktar minn 200 sena ilu: Napuljun ġab miegħu “tsunami of change sweeping” fuq il-ħajja taċ-ċittadini ordinarji. (p. 182) Jissemma personaġġ storiku bħal Vaubois. Il-personaġġi mistħajla jinvolvu ruħhom fil-ġlieda kontra s-suldati ta’ Napuljun b’modi differenti.

Il-qari tax-xorti u l-preveġġenza (motiv li jirrikorri matul ir-rumanz) min-naħa ta’ Tereza Diacono joffri tama lil dak li jkun, imma jaħbi wkoll ħwejjeġ koroh. Narrattivament jinħoloq interess fil-qarrej dwar dak li jista’ jseħħ.

F’din il-parti jitħaddem mekkaniżmu narrattiv ieħor: il-flashforward, jew il-ħarsa ’il quddiem: “Years later, Antonio would describe the twenty-one months he spent in Messina...” (p. 186) Fiha nnifisha din hija ħarsa lura fiż-żmien, imma mill-ġejjieni. Permezz ta’ din il-parti l-qarrej bħal jiġi aċċertat li Antonio ma mietx wara li telaq lejn l-Eġittu ma’ Napuljun. Din hija wkoll parti li tintrabat mal-aħbarijiet ħżiena li Giacomo jkun ġab miegħu dwar Dolomieu ftit qabel. L-ispazji hawn huma Messina u l-Eġittu. Drofenik ma tinsa qatt il-kumbinazzjonijiet tad-destin. Dolomieu jikteb bħal djarju waqt li jkun il-ħabs f’Messina, xi ħaġa komuni għal min kien bniedem ta’ kultura.

Iż-żmien hu Jannar tal-1800. Hu żmien ta’ eroj u tradituri. Imperia issa għandha 15-il sena u l-Franċiżi jinsabu maqfulin fil-Belt Valletta waqt ir-rewwixta tal-Maltin li jintlaqtu minn faqar kbir. Jasal ukoll il-15 ta’ Awwissu. Drofenik tiddokumenta l-4 ta’ Settembru meta l-Franċiżi ċedew. Custodia u Arnaud huma fost dawk li jifhmu li l-Maltin ġew umiljati kemm mill-Franċiżi kif ukoll mill-Ingliżi. Jaslu l-Ingliżi li anki huma ma jittrattawx tajjeb lill-Maltin. Naraw kif il-Maltin minn dejjem għamlu mill-aħjar biex jadattaw għall-ħakmiet differenti, anki fuq livelli differenti.

Mill-ġdid l-istorja mistħajla: l-ambizzjoni ta’ Salvatore hija ikbar minn dik ta’ missieru għax jixtieq joħroġ ’il barra mill-Mediterran. Minkejja li Déodat imut, hu jħalli lil Antoin f’idejn tajbin, Sir Joseph Banks. Hu hawn fejn naraw li “the world of scientific research is above politics.” (p. 196) Tispikka l-imħabba ta’ Antoin għall-botanika.

   4.     Life During the English Occupation

F’din il-parti naraw lil Malta waqt perijodu storiku ġdid, il-ħakma tal-Ingliżi. Żgur li l-għażla ta’ Drofenik tfakkar f’rumanz storiku bħalma huwa Taħt Tliet Saltniet ta’ Ġużè Aquilina li ħareġ għall-ewwel darba fl-1938. Bil-mod il-mod ir-rakkont jibda jdur iktar madwar il-ħajja ta’ Antonio u Salvatore. Custodia, iz-zija ta’ Imperia u Salvatore, tirrappreżenta lill-mara b’saħħitha bħala karattru, mhux dik dgħajfa u fil-bżonn (bħalma kienet Isabella Diacono). Drofenik tintroduċi personaġġ ġdid: Martina Caruana. Salvatore jiżżewweġ għat-tieni darba u dan iġib bidla fil-karattru tiegħu. Is-sena hija l-1806 u x-xahar Jannar, li ftit wara jsir l-20 ta’ Lulju. Spiss il-mewt ta’ Isabella Diacono titqies bħala punt ta’ riferiment.

Amelia u l-baħar huma ż-żewġ imħabbiet ta’ Giacomo Diacono, punt ta’ tluq u ta’ ritorn fl-istess waqt. Hemm ukoll il-motiv tat-tifkira li taf tnissel hena u tbissima, imma anki nostalġija: Arnaud u Custodia jiftakru fiż-żmien meta kienu f’Perugia. Mill-ġdid Drofenik titfa’ dawl fuq x’jista’ jseħħ fil-ġejjieni, li mhu xejn sabiħ. Niftakru fi kliem missier Amelia: “Il-Miktub magħmul” (p. 203). Tereża titkellem ma’ binha Giacomo dwar ibnu Salvatore li issa sar marbut wisq ma’ Martina.

Il-mistenni-mhux mistenni jseħħ. Drofenik taħsadna b’sentenza qasira imma effettiva: “Then there was chaos”, f’nofs il-paġna. Isseħħ traġedja li tolqot il-Birgu u li tinfluwenza wkoll il-ġejjieni ta’ Salvatore. Fi Drofenik nifhmu wkoll li l-bniedem hu sħiħ, bil-qalb, bir-ruħ u bil-ġibdiet fiżiko-senswali tiegħu kollha. Mingħajr ma l-ħaġa tingħad direttament, Salvatore jintlaqat fil-laħam il-ħaj minn din it-traġedja; dak li kien imħabbar mill-karti jseħħ. Il-bidla kontinwa u anki s-sorpriża huma b’hekk mekkaniżmi narrattivi oħrajn li jirrendu lil dan ir-rumanz ħaj.

Jaħkmu f’dan il-waqt żewġ forzi: fuq naħa, il-mibegħda ta’ Salvatore lejn l-Ingliżi li tiżdied; fuq l-oħra, il-biża’ tal-Maltin minn Alla u s-superstizzjonijiet quddiem katakliżmi bħal dik li seħħet fil-Birgu. F’dan il-każ il-vjaġġi fuq il-baħar iservu bħala duwa, serħan mit-tbatija u tnessija ta’ dak li seħħ għal Salvatore. L-istess Salvatore jemmen li ġibed fuqu l-korla t’Alla – Alla li jpatti - billi ħabb ħafna lill-ewwel mara tiegħu.

Drofenik tintroduċi personaġġ ġdid: Generosa Bugeja, it-tieni mara ta’ Salvatore, tfajla determinata. Jitħaddem flashforward ieħor: Drofenik tgħidilna li dan iż-żwieġ se jdum tmien snin. Jingħad ukoll li jikber l-interess ta’ Imperia fil-flora Maltija li ssir botanista u etimoloġista, u tiġi impjegata għal erba’ snin mill-Kulunell Ingliż Harry Clifford. Filwaqt li Imperia titgħallem ħafna mill-bdiewa (li jiddependu mill-burdati tat-temp) u mill-art, ħuha Salvatore jitgħallem ħafna mill-baħħara u mill-baħar.

L-interess fix-xjenzi (fosthom fil-botanika) jgħaqqad Maltin, Ingliżi u Franċiżi flimkien. Intant Antonio Bonnici jibda jaħdem mal-pittur botaniku Franżiċ Redouté. Il-botanika – fis-seklu 19 kienet ingħatat importanza ewlenija lill-ġonna botaniċi - mela hija wkoll interess komuni bejn Imperia u Antonio. Minn Pariġi Antonio jmur Londra, u dan fir-rebbiegħa tal-1810. Isir jaf lil Sir Joseph Banks, bniedem b’interess f’bosta oqsma bħall-botanika, l-ortikultura, l-arkeoloġija, l-arkitettura, it-trobbija tal-bhejjem, il-politika, l-astronomija u s-saħħa tal-ħabsin mibgħuta fil-kolonji. Anki jekk bogħod minn xulxin id-destin ilaqqa’ lil Imperia u lil Antonio flimkien. Interessanti ferm huma d-dettalji li Drofenik jirnexxilha tiġbor u tuża f’rabta ma’ oqsma tal-għerf differenti.

Intant il-qarrej jibqa’ l-ħin kollu konxju taż-żmien għaddej: fi spazju ta’ ħames paġni jissemmew ix-xahar ta’ Ġunju, iktar tard Jannar tal-1811, ftit linji wara jingħad li għadda Frar, u aktar tard April. Jinbidlu l-ispazji: Pariġi, Londra, Wales, Malta. Matul dan iż-żmien hemm min imut u jinfired darba għal dejjem minn dawk li jħobb (Arnaud), u hemm min jiltaqa’ mill-ġdid mal-maħbub jew maħbuba tiegħu (Imperia u Antonio). Iż-żwieġ bejn dawn tal-aħħar iservi bħala okkażjoni biex Imperia taħrab mill-miżerja li kienet taħkem f’Malta u tmur tgħix barra.

Rakkont mistħajjel u fatti storiċi jerġgħu jitħalltu flimkien: titwieled Victoria, bint Salvatore u Generosa, imma Marzu tal-1813 iġib miegħu l-pesta li sa April 1814 toqtol eluf ta’ nies fil-gżejjer Maltin u ġġib deżolazzjoni kbira fuq il-Port il-Kbir. Salvatore jinħakem mill-biża’ li jħobb. Hemm  ukoll is-sopranatural: ruħ Martina tidher lil Salvatore fuq id-dgħajsa ’l bogħod minn Malta. Dehra bħal din hi twissija? U jekk twissija, f’rabta ma’ xiex? Il-Gvernatur Maitland iġib miegħu bosta regoli marbutin mal-indafa.

Il-BIDLA fil-ħakmiet tħalli bidla kbira anki f’bosta Maltin, inkluż Pandolfu Mifsud li minn falkunier ta’ De Rohan jispiċċa kennies sempliċi fil-Belt. Hija bidla li ġġib degradazzjoni. Mill-ġdid is-saħħa tad-destin, kiefer ma’ xi wħud iktar minn ma’ oħrajn, ladarba l-pesta ma tolqotx il-familja ta’ Pandolfu. F’moħħ Pandolfu kontra l-ispazju magħluq tal-Belt hemm l-ispazji miftuħin tal-kampanja u l-ħamrija Għawdxin. Il-Belt tintrabat ma’ poter, regoli u rigur fejn jidħol ħin, filwaqt li r-raba’ toffri ħelsien, ħarba, ritorn għall-passat u għall-għeruq, u ħelsien minn dak li jiddetta l-ħin.

Drofenik tagħti nifs ġdid lir-rakkont billi torbot lil Salvatore Diacono ma’ Tomaso Frendo billi jidħlu fi sħab u jixtru dgħajsa akbar. Anki hawn għandna bħal ħarsa ’l quddiem: “Giacomo’s great fear that his son’s partnership with Tomaso Frendo would end in disaster was to be confirmed in just twelve short months.” (p.244) Hawn niftakru li dan hu wkoll rumanz dwar deċiżjonijiet li jittieħdu u l-konsegwenzi li jġibu magħhom. Ir-regħba ta’ Salvatore u n-natura korrotta ta’ Tomaso jitfgħu lil Salvatore fi sqaq. Id-data tat-13 ta’ Ġunju 1817 tibdel kompletament id-destin ta’ Salvatore (l-ewwel ikkundannat għall-mewt u wara ssentenzjat għal 14-il sena ħabs fil-kolonja ta’ New South Wales). Drofenik tislet mill-Gazzetta tal-Gvern tal-11 u tat-22 ta’ Ottubru 1817 rigward id-destin ta’ Salvatore, u dan jagħti lir-rumanz laqta verosimili tassew.

   5.     Bound for New South Wales

Anki din il-parti tinqasam f’taqsimiet differenti. Fi PREPARATIONS FOR A JOURNEY... Drofenik tislet mill-ġurnal ta’ abbord tal-Kaptan Richard Skinner (tal-vapur Dromedary) , bid-dati tal-15 ta’ Ġunju 1819, u aktar ’il quddiem 22 ta’ Awwissu. Anki dan jagħti iktar sens ta’ verosimiljanza lir-rakkont mistħajjel.

L-ispazju hu l-Ingilterra, fuq vapur ieħor (The Hulk) b’maġġoranza ta’ ħabsin li jridu jiġu deportati lejn l-Awstralja. Personaġġ ġdid ieħor hu t-tabib ta’ abbord, George Fairfowl. Huwa hawn fejn jibdew it-tbatijiet ta’ Salvatore Diacono (ta’ 33 sena), fosthom is-sogħba tiegħu li tefa’ dawl ikrah fuq familtu u bintu stess.

Drofenik tiffoka fuq il-ħsus u l-ħsibijiet ġewwiena ta’ Salvatore. Il-ħabsin Maltin Francesco Cauchi u Cataldo Brancaleone se jservu ta’ kustodji għal Salvatore waqt dan il-perijodu ta’ kriżi personali kbira. Dan jiġi rifless b’xi mod jew ieħor fid-deskrizzjoni li Drofenik tagħtina tal-miżerja li fiha jinsabu l-ħabsin u tal-qalb samma tal-gwardjani. Jerġa’ jaħkem l-appell għas-sensi f’rabta mad-deskrizzjoni tal-bniedem-annimal: “The early morning groans of a hundred and ninety men cooped up in this hell hole mingled with their early morning farts and stomach rumblings, so that the prison was filled with an indescribable stench which would turn the stomach of any outsider. The prisoners were used to it now and they slid from their hammocks scratching and stretching, yawning and belching...” (p.261) Fuq dan il-vapur ħabs Salvatore jagħmel sena sħiħa fl-umdità u f’kundizzjonijiet terribbli u miżerabbli. Tissemma wkoll il-problema tas-sodomija fost il-gwardjani u l-ħabsin.

Personaġġ ġdid ieħor hija l-ħabsija Eliza Mullins. Drofenik bħal tippreparana għan-nisġa narrattiva li se toħloq f’din il-parti li tfakkarna fit-titlu tar-rumanz, Beloved Convict: dan tagħmlu billi tintroduċi żviluppi u relazzjonijiet umani ġodda.

Ta’ min isemmi wkoll ir-rwol tal-ilsien Malti li jservi bħala element ta’ għaqda, kuraġġ u sigurtà għal min jinsab f’sitwazzjoni ddisprata fejn id-dixxiplina u l-liġi Ingliżi jkomplu jħarrxuha. Anki hawn Salvatore jiltaqa’ mal-ispirtu ta’ Martina li jfakkru fir-redenzjoni, kelma li tirrikorri spiss f’din il-parti.

Anki fl-aħħar ta’ din it-taqsima Drofenik tixħet dawl fuq dak li se jseħħ aktar tard. Mill-ġdid id-destin. Anki mossa jew ġest jistgħu jorbtu żewġ bnedmin li sa ftit qabel kienu stranġieri għal xulxin.
It-taqsima THE JOURNEY tiftaħ bid-data tal-11 ta’ Settembru 1918: il-vapur li fuq hemm Salvatore jitlaq mill-Ingilterra. Il-qarrej jista’ jħoss li hemm nuqqas ta’ kjarezza fejn jidħlu dati, ladarba t-taqsima ta’ qabel din fetħet bid-data ta’ sena wara, 15 ta’ Ġunju, 1819. Il-vjaġġ lejn NSW se jdum iktar minn sena, imma fuq id-Dromedary d-destin bħal jitbissem lil Salvatore li jkollu ħajja dinjituża. Huwa vjaġġ ikkaratterizzat ukoll mill-krudeltà tal-frosta, mill-ħtieġa tad-dixxiplina u mill-biża’ kostanti mill-ammutinament.

Anki hawn insibu riferimenti regolari għaż-żmien għaddej: “Thirteen days out of port...” (p. 283); “The morning of Saturday September the 25th...” (p. 285)

Mill-ġdid l-appell għas-sens tax-xamm: din id-darba riħa partikolari (“a familiar smell [...] the smell of mouldy wheat.”, p. 285) tfakkar lil Salvatore fl-imgħoddi meta kien ibaħħar ma’ missieru. Il-mewt tissemma darbtejn fi spazju ta’ ftit linji: Drofenik tibni ċertu sens ta’ stennija u wieħed jistaqsi x’se jseħħ daqt?

F’rabta mal-motiv tar-redenzjoni, Salvatore jitgħallem jagħmel l-iktar xogħlijiet degradanti u fl-istess ħin umani. Imut ħabsi minħabba kundizzjoni fiżika dgħajfa u jsir il-funeral fuq il-baħar. Mill-ġdid naqraw il-ħsus u l-ħsibijiet ta’ Salvatore li minħabba t-tbatija ta’ xogħlu jiftakar fi kliem marbut mal-passjoni ta’ Kristu, kliem ġej mill-imgħoddi. Jikteb saħansitra ittra lil oħtu fejn jiftakar fl-imgħoddi li tilef. Joħroġ il-fatt li hu bniedem ta’ skola u jispiċċa l-ittra bi kliem Dante mill-kantika tal-Infern: “Leave all hope behind all ye who enter.” (p. 290) Bħala parti mill-proċess tar-redenzjoni naraw lil Salvatore jdewwi lil ħabsi li jkun għadu kemm qala’ daqqiet ta’ frosta, jempatizza mat-tbatija tal-ħabsin madwaru, imma anki jistaqsi fis-skiet għadd ta’ mistoqsijiet: “Why does God let all this injustice happen? Why? But why think about God? There is no God...” (p. 293)

Dan kollu huwa parti minn mekkaniżmu narrattiv ieħor li jġiegħel lill-qarrej iħoss it-tul tal-vjaġġ li jħalli s-sinjali tiegħu fuq il-passiġġieri u l-ħabsin, kemm psikoloġikament kif ukoll fiżikament. Hu vjaġġ li matulu Salvatore jitgħallem ħafna mit-tabib Fairfowl, u li waqtu wkoll jiddi raġġ ta’ dawl: it-twelid ta’ tarbija. Salvatore jitgħallem ukoll jikkontrolla r-rabja tiegħu wara kull provokazzjoni.

Hemm ukoll ironija qawwija: anki jekk id-destin ta’ Salvatore hu kiefer, hemm ukoll l-aspetti pożittivi, fosthom il-ftuħ ta’ twieqi fuq spazji ġodda u differenti miċ-ċokon tal-gżejjer Maltin. Intant, il-ktieb tal-botanika ta’ Fairfowl iservi bħala serħan mit-tbatija għal Salvatore li jara ċertu faxxinu fl-istess ismijiet botaniċi. Dan il-ktieb hu anki ħolqa mal-passat u ma’ oħtu u Antonio,  fl-istess ħin jgħin lil Salvatore ma jħossux barrani hekk kif jasal f’post ġdid bħal New Holland, u jġiegħlu jifhem bosta affarijiet.

Aktar dati: il-11 ta’ Jannar 1820, wasla fl-Awstralja; il-21 ta’ Jannar, id-Dromedary jitlaq lejn it-Tramuntana. Il-baħar jorbot imgħoddi ma’ preżent. Salvatore jistaqsi jekk dan l-element naturali hux se jerġa’ jfejqu mill-ġdid, f’waqt meta d-disperazzjoni ġewwiena qed tifnieh. Huwa hawn fejn Salvatore – ’il bogħod minn art twelidu u minn min ħabbu – isib il-kenn mhux fi kliem il-fidi imma fi kliem ix-xjenza, il-Botanika. Ironikament però, juża sistema li tgħallem mingħand qassis, Dun Joseph Vella, biex iqiegħed il-kliem f’ordni.

Fit-taqsima JOURNEY’S END il-vapur li fuqu qiegħed Salvatore jasal fid-destinazzjoni, Botany Bay. Ta’ min jinnota li hemm rabta bejn isem din il-bajja u l-qasam xjentifiku li miegħu tħabbeb l-istess Salvatore. Din ir-rabta bħal isserraħ ras dan tal-aħħar. Id-data eżatta hija t-28 ta’ Jannar 1820. Salvatore jifhem li dik tiegħu se tkun sitwazzjoni fejn jekk iġib ruħu sew għandu jgħix ħajja deċenti u mhux ta’ skjav kif ħaseb. Hawn hemm rispett uman anki lejn il-ħabsin.

Drofenik tislet mill-ġurnal tal-Gvernatur Lachlan Macquarie, bid-data tat-28 ta’ Jannar, 1820. Dan hu bniedem favur l-emanċipazzjoni (mhux l-esplojtazzjoni) tal-ħabsin u jemmen fil-politika li l-Awstralja għandha tinbidel minn ħabs għal kolonja.

Min-naħa tagħha, Eliża Mullins tiġġieled biex tibqa’ ħajja: hemm l-idea tal-verġinità mitlufa bħala prezz għall-protezzjoni.

Drofenik toħodna lura Malta fit-taqsima IMPERIA. Imperia tirċievi ittra mingħand ħuha xhur wara li jkun kitibha. Ftit aktar tard naqraw li jkunu għaddew sentejn u nofs minn jum l-esekuzzjoni. Toħroġ għad-dawl ir-rabja ta’ Giacomo, missier, lejn ibnu Salvatore. Hawn naqraw dwar x’seħħ f’Malta wara t-tluq ta’ Salvatore, mela strutturalment għandna flashback. Huwa Antonio dak li jifhem liema hi l-vera sitwazzjoni li fiha jinsab iben Giacomo. Imperia tiftakar il-jum meta Salvatore tela’ fuq il-patibolu. Naqraw deskrizzjoni ħajja tat-tradizzjoni tal-purċissjoni wara l-ikkundannat f’jum l-esekuzzjoni. Minħabba dan Imperia u Antonio jaħarbu mit-tqasqis u d-djuq tal-gżejjer Maltin f’Pariġi.

Iż-żmien ikompli jimxi: jgħaddu tliet snin f’Pariġi. Mill-ġdid it-tema tad-destin: hemm possibiltà li Imperia tmur fuq spedizzjoni fi NSW u b’hekk tiltaqa’ ma’ ħuha. Jgħaddu sentejn ta’ preparazzjoni għal din l-ispedizzjoni. Jasal l-1826: spedizzjoni ta’ xjentisti varji – esperti fil-botanika, astronomija, ġeoloġija u ornitoloġija – tasal fl-Awstralja. Ikunu għaddew tmien snin minn mindu Salvatore wasal fuq dan il-kontinent. Tinħass it-tbatija wara l-isbuħija tal-wiċċ ta’ belt bħal Sydney. Imperia hi determinata li ssib lil ħuha Salvatore. Naqraw li d-destin reġa’ laqqa’ lil Salvatore u Eliza Mullins, imma għalissa l-qarrej ma jafx kif seħħ dan. Dan insiru nafu bih ftit paġni aktar ’il quddiem. Isseħħ il-laqgħa bejn l-aħwa Imperia u Salvatore li ddum jumejn. Jispikka s-sens ta’ distakk li Salvatore – li għażel li jibda ħajja ġdida fl-Awstralja u li issa hu missier ta’ tifel u tifla - iħoss bejnu u bejn ta’ madwaru malli jara lil oħtu Imperia f’daru wara tant snin.

Drofenik ma tinqata’ qatt mill-passaġġ taż-żmien. F’Salvatore hemm sens ta’ stennija: “until my Ticket of Freedom comes through in another five years.” (p. 340) L-emanċipazzjoni taħkem fuq din il-gżira kontinent, kontra ċerta mentalità magħluqa u limitata fuq il-gżejjer Maltin: il-fatt li James, iben Salvatore, għandu kunjom Eliza jirrifletti kemm Salvatore jirrispettaha. Huma l-pjanti u l-fjuri li Salvatore għandu fil-ġnien li jqarrbu lill-aħwa iktar lejn xulxin. Issa Imperia tifhem li Salvatore ma kienx gidbilha dwar il-ktieb tal-botanika li kien semmielha fl-ittra.

Il-Malti jgħid, “Kull deni ħudu b’ġid”. L-14-il sena ħabs u eżilju jgħinu lil Salvatore jiskopri dak it-tajjeb li kien hemm fih meta kien miżżewweġ lil Martina.

Drofenik tintroduċi ċertu paralleliżmu bejn il-bidu u t-tmiem tar-rumanz f’dawn l-aħħar paġni tiegħu: żewġ qassisin (Joseph Vella fil-bidu, u John Therry issa) jiktbu fid-djarju tagħhom. Joseph Vella kien kiteb dwar Amelia Bonnici, u issa John Therry jikteb dwar iż-żjara ta’ Antonio u Imperia Bonnici fid-dar ta’ Salvatore. Bonnici u Diacono huma żewġ kunjomijiet li jinkitbu qrib xulxin fi djarji differenti, imma li jorbtu flimkien żminijiet u spazji distanti ferm. Huwa fl-ispazju bejn dawn iż-żewġ estremi li Drofenik tibni u tagħti ħajja lir-rakkont tagħha.

   6.     L-Epilogu

Din l-aħħar parti tiftaħ bid-data tal-20 ta’ Ottubru, imma s-sena ma tingħadx. Li hu żgur hu li għadda bosta żmien: Salvatore għandu xagħru griż u tissemma l-magħmudija tar-raba’ neputi tiegħu u ta’ Eliza. Eliza hija mara oħra b’saħħitha fil-lista ta’ nisa ta’ dan it-tip li toħloq Drofenik. Malta tinħass ’il bogħod fiż-żmien u fl-ispazju, imma jinħass ukoll li kollox jinsab f’postu, inkluż id-destin.

Jerġgħu jissemmew il-pjanti. Hemm xi ħaġa maġika fihom li twassal għar-redenzjoni ta’ Salvatore: “How forgiving nature is! [...] That was when he started forgiving himself.” (p. 347) Salvatore jiftakar fi kliem l-ispirtu ta’ Martina bosta snin qabel: “Your redemption will come and you will find it on this ship.” (pp. 274 u 347) Salvatore jifhem li kienet qed tirreferi għall-ktieb tal-botanika; jew forsi anki għal Eliza Mullins?

Drofenik terġa’ tirrikorri għall-motiv tal-ħolma. Salvatore joħlom li qiegħed fi vjaġġ u nifhmu li d-destinazzjoni hija Malta. Din hija ħolma utopistika fejn dawk kollha li ħabb u ħabbewh jerġgħu kollha flimkien. Fil-ħolma Salvatore jsib il-paċi, saħansitra ma’ ommu Isabella li kienet mietet b’mod misterjuż meta kien għadu tifel. Drofenik tenfasizza li minn dak li għall-bidu jidher ħażin, jista’ jitwieled it-tajjeb ukoll.

Il-mewt ta’ Salvatore titwassal lill-qarrej b’sens kbir ta’ paċi u kalma. Jitħaddem l-ewfemiżmu meta naqraw li Eliza “knew straight away that he had left them while they were away.” (p. 350)  Ftit wara naqraw ukoll kliem Eliza lil Salvatore: “You should have waited. Go in peace Salvator, my beloved convict, my darling.” L-imħabba taf tirbaħ kull dlam. Dan iseħħ fl-istess jum tal-magħmudija ta’ Sam – neputi ta’ Salvatore: mewt u twelid jintrabtu flimkien. L-20 ta’ Ottubru jaħbat ukoll l-anniversarju ta’ meta Salvatore kellu jiġi mgħallaq, imma minflok fl-aħħar waqt ġie deċiż li jintbagħad fl-Awstralja, mifhuma bħala nazzjon ġdid li joffri t-tieni opportunità lil min żbalja, mela twelid mill-ġdid. Dan ta’ Salvatore huwa l-vjaġġ aħħari. It-tmiem jinsisti fuq rabta li tmur lil hinn mill-fiżiku bejn Imperia (li minn Malta tħoss li seħħet xi ħaġa lil ħuha) u Salvatore. Hi wkoll rabta li tmur lil hinn mil-limiti taż-żmien.

Il-paġna finali hija mill-ġdid fil-korsiv fejn tikteb Drofenik stess, mela hi parti li torbot mal-bidu tar-rumanz. Drofenik hawn tammetti li l-proċess tal-kitba ta’ dan ir-rakkont ma kienx faċli: ried żmien u ħafna vvjaġġjar bejn Malta u l-Awstralja, żewġ gżejjer tant imbegħdin u differenti minn xulxin. Iżda kollox juri li l-ħajja sabiħ tgħixha minkejja l-iebes tagħha. Il-kitba ta’ dan ir-rumanz u l-istorja ta’ Salvatore Diacono (personaġġ bejn reali u bejn mistħajjel) toffri serħan u paċi anki lil Drofenik stess. Fir-rakkont tagħha hemm elementi differenti bħall-poeżija, ir-romantiku, l-avventuruż, id-dokument storiku, l-introspezzjoni, u ħafna iktar.

Dan kollu juri li dawk ta’ Drofenik huma rumanzi li jħallu lill-qarrej b’togħma tajba, imissulu l-ibgħad irkejjen ta’ qalbu u ruħu. Wieħed jifhem ukoll li huma xogħlijiet narrattivi mibnijin u miktubin b’sengħa kbira.

Patrick Sammut (Ġunju 2014)



NISĠET IL-ĦAJJA ta’ Alfred Massa, Horizons, 2016.

Din hija t-tieni ġabra ta’ rakkonti ta’ Alfred Massa. Din id-darba għandna 21 rakkont li kif jikteb Massa fid-Daħla tal-ktieb inkitbu fuq medda ta’ madwar 40 sena u aktar.  B’danakollu s-suġġetti trattati jistgħu jitqiesu kollha bħala kontemporanji, fosthom l-adulterju, l-imħabba lejn l-annimali, il-familja, is-sopranatural, l-inġustizzji, il-mard, it-tradizzjonijiet lokali, il-problemi tal-anzjani, ilsien in-nies, u oħrajn. F’dawn in-novelli Massa jagħti stampa tal-ħajja Maltija tul dawn l-aħħar 40 sena.  Fl-istess ħin jikxef ċerti nuqqasijiet li jeżistu fostna bil-għan li l-poplu tagħna jsir konxu tagħhom u jipprova jirranġahom.

L-ewwel rakkont iġib l-isem ta’ Il-Ħarba: niltqgħu ma’ Pluto u Fido, żewġt iklieb li jiġu umanizzati billi jingħataw il-kapaċità li jitkellmu. Fuq in-naħa l-oħra, Bendu, sid ir-razzett, ikellem lill-annimali tiegħu. Il-klieb ifittxu l-ħelsien. Hemm imbagħad il-bniedem kiefer li jiġi deumanizzat, anki għax jobgħod lill-annimali. Ir-rakkont ilaqqagħna ma’ waqtiet ta’ niket imma t-tmien huwa pożittiv.

It-Tfajla ta’ Wara t-Tieqa hu rakkont li joħodna lura għas-snin erbgħin. Din hi kitba b’xejriet awtobijografiċi, ambjentata f’raħal twelid l-awtur, Ħal Tarxien. Massa jikteb dwar l-ewwel tqarbina, il-logħob tat-tfal fl-imgħoddi, u l-funeral għaddej mit-triq. Din hija storja li tibda b’togħma tajba imma taħsad fl-aħħar. Massa jurina li l-problemi fost il-bnedmin ilhom jeżistu u ma twildux il-bieraħ.
Ħal Tarxien, bil-festa tal-Annunzata, jerġa’ fir-rakkont L-Imqass li huwa dwar tiġrib kuntrastanti bħal ħbiberiji antiki, il-ferħ li ġġib magħha tarbija ġdida, imma anki dwar mard, esperjenzi li jibdlu ħolma sabiħa fi ħmar il-lejl, u ġenn tal-moħħ. Minkejja dan hemm ukoll l-idea li d-destin ma jerfax biss ħwejjeġ koroh imma anki ħwejjeġ pożittivi mhux mistennija.

Meta Tkellem il-Lejl hija dwar relazzjoni extra-konjugali,  l-ipokrisija bejn il-miżżewġin, u l-uġigħ li jitnissel fost il-membri tal-familja. Lingwistikament Massa jħobb juża spiss il-qwiel li hawn jintrabtu mal-mixja tal-istaġuni matul is-sena. Din id-darba naqraw ukoll dwar ġlieda interna li għaddejja f’ras wieħed mill-personaġġi, Edwin. Anki hawn it-tmiem mhux mistenni: il-bniedem dgħajjef jaf imur lura għat-triq id-dritta anki minħabba forzi mistoħbija u misterjużi.

Anki Riħa ta’ Kriżantemi hi dwar in-nuqqas ta’ fiduċja, l-egoiżmu, l-għira, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni, u l-ġlied bejn il-miżżewġin. Dawn kollha jistgħu jwasslu għall-qtil. Min-naħa l-oħra hemm min jagħżel li jissagrifika ruħu għal ħaddieħor biex jinħeba l-veru responsabbli wara delitt. Din hi dwar tiġrib differenti bħall-mewt tal-imħabba, il-mard, id-delitt, il-ħabs, il-ġenn u l-manikomju, il-ħtija u tmiem il-ħajja minħabba d-disperazzjoni. Rakkont simili – li jittratta wkoll l-abbuż sesswali, l-għażla tal-ħajja minflok l-abort, il-paċi minflok il-konfrontazzjoni - huwa Ġolinu li jitlaq minn laqgħa bejn in-narratur u xwejjaħ fuq karozza tal-linja.

Fi Kwadri Massa jagħtina t-tagħrif ftit ftit biex bil-mod il-mod naslu għall-istampa sħiħa, imma dan mhux mingħajr ma qabel nistaqsu bosta mistoqsijiet. Hawn naqraw dwar il-mara nieqsa mill-karezzi, ir-raġel mifni mix-xogħol u t-tbatija psikoloġika u emozzjonali li jgħaddu minnha wlied ġenituri mifrudin. Fl-aħħar nett però tasal il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni. Illużjoni jew Massa ħalliem? Ta’ min jinnota hawn li l-istess binja tar-rakkont tintrabat mal-kunċett tal-erba’ kwadri-staġuni.

Dan jintrabat mar-rakkont Il-Pittura li hija dwar il-kumplessità tan-natura tal-bniedem. Franco huwa iben, għalliem, pittur, qassis, u raġel bil-ħsus u l-ġibdiet tiegħu. Hawn niltaqgħu mal-frażi, “Qed naqra li xejn ma jżomm il-pjan t’Alla milli jseħħ.” Din tmiss tema ewlenija fin-narrattiva ta’ Massa: id-Destin. Kontra din il-forza l-bniedem ma jista’ jagħmel xejn. L-istess tema terġa’ tispikka fir-rakkont Ir-Raġel li Tela’ mill-Baħar. Il-baħar jerġa’ jispikka f’Ir-Raġel tal-Baħar. Massa jibda billi jittratta t-temi soċjali li tintrabat mal-bidliet li l-progress – imqabbel ma’ ħalliel - iġib miegħu anki fuq imkejjen mill-isbaħ bħalma huma r-raħal ta’ Marsaxlokk, imqabbel ma’ “tfajla ħelwa għax hu mżejna bi ġmiel naturali; sabiħa fis-sempliċità tagħha.” Huwa b’saħħtu l-aspett deskrittiv fejn il-kelma-kitba takkwista mill-karatteristiċi tar-ritratt. Il-protagonist hawn hu sempliċi sajjied, imma bniedem b’ħażna ta’ esperjenzi interessanti li jfisser lilu nnifsu permezz tal-elementi naturali bħalma huma l-baħar, ir-riefnu u l-mewġ. Permezz tad-djalogu bejn in-narratur u s-sajjied xiħ Massa jagħti leħen li min hu “fommu sieket” u umli, filwaqt li jurina li “l-għerf ma jiġix biss mill-kotba, iżda wkoll minn għejun oħra tal-ħajja.”

Il-figura tax-xiħ terġa’ anki f’Silwett ta’ Xjuħija fejn Massa jittratta aspetti bħalma huma s-sens ta’ abbandun u solitudni, id-dimensja u l-memorja li tmajna. Din hija kitba li tmiss qalb il-qarrej u tfakkar li x-xjuħ jeħtieġu kumpanija, apprezzament, rispett u mħabba.

Laura għandha mil-letteratura gotika. Il-maltempata, is-sajjetti u l-kesħa jħabbru inċident li jseħħ ftit wara. Il-pupa taċ-ċraret, ir-raġuni wara dan l-inċident, tieħu post mara tad-demm u l-laħam. Nifhmu li paradossalment fil-mewt hemm il-ħajja ta’ dejjem, filwaqt li min jibqa’ ħaj qiegħed dejjem f’periklu, imma min miet le. Huwa hawn fejn Massa jidħol fl-irkejjen moħbija tal-moħħ fejn hemm mistur ġenn il-bniedem. Il-biża’ u l-preżenza ta’ forzi sopranaturali jerġgħu f’Id-Dar tal-Iljuni, li tieħu l-etiketta ta’ “dar tal-fatati”. Il-misteru wara din id-dar huwa l-ġisem moħbi ta’ mara midfuna ħajja snin qabel.
F’It-Tliet Uċuħ ta’ Isabella jinbidlu l-vuċi narranti u l-ispazju minn parti għall-oħra tar-rakkont. Anki hawn bħal f’Il-Pittura nassistu għall-ġlieda bejn ir-ruħ-vokazzjoni fuq naħa u l-ġisem-passjonijiet fuq l-oħra. Anki hawn hemm min iwarrab il-vokazzjoni biex iħaddan iż-żwieġ, flimkien mat-tema tad-Destin, li jġib miegħu nuqqas ta’ raġunar, tqala mhix mistennija, djun familjari u żwieġ impost li jfalli, ladarba “L-imħabba tiġi mis-Sema.”

F’dawn ir-rakkonti Massa jippreżentalna t-“tertuqa tal-ħajja” ta’ għadd ta’ personaġġi li faċilment jistgħu jkunu aħna stess. Nisġet il-Ħajja jiġbor fih kitbiet neqsin minn kull oxxenità li dan l-aħħar spiss qed isservi bħala kożmetika biex tiġbed iktar qarrejja. Fil-kitba ta’ Massa hemm stedina u tfakkira biex il-bniedem jirrispetta u jħobb lil ta’ madwaru bla ma jinsa li l-ħajja mhix biss ward u żahar, anzi mimlija tbatija, uġigħat, delużjonijiet u l-bqija. Iżda kontra dan hemm is-saħħa tal-bniedem umli u t-twemmin.  Nispiċċa b’dawn ir-referenzi testwali, meħudin minn Ir-Raġel tal-Baħar: “Il-ħajja kollha kemm hi iebsa […] B’danakollu, il-bniedem jidra anki t-tbatija.”; u “kultant fil-ħajja tant jiġru ħwejjeġ li jġagħluk tieqaf, tirrifletti u tagħmel diversi mistoqsijiet lilek innifsek, mistoqsijiet li għalihom ma ssibx tweġibiet sodisfaċenti.” Dan hu l-istess effett li jħallu r-rakkonti ta’ Massa fuq il-qarrej.

Patrick Sammut