Wednesday, July 13, 2022

WOMAN IN RED AND OTHER CRUDE REFLECTIONS ta’ Emmanuel Attard Cassar, 2021


Isem Emmanuel Attard Cassar mhux ġdid fil-qasam tal-poeżija. Huwa jikteb poeżiji fit-tliet lingwi, mela bil-Malti, bl-Ingliż u anki bit-Taljan. Din id-darba qed jgħaddilna ġabra ta’ 91 poeżija li kiteb kollha bl-Ingliż u li jifirxu fuq 67 paġna. Ġeneralment il-poeżiji mhumiex twal, uħud minnhom konċiżi, u l-għażla hija dik tal-vers ħieles. Dan jgħin biex il-qarrejja jaqraw il-versi ta’ Emmanuel bla ebda diffikultà, anzi jkollhom anki l-ħin jaqraw il-poeżija iktar minn darba, iħallu l-ħin biex issir parti minnhom, jaħsbu dwarha.

Emmanuel hu poeta, għalhekk bniedem li moħħu ma jistrieħx u jsib żvog biss fil-kitba tal-versi li toffri serħan minn piż bħal dan. Huwa l-bniedem li josserva kull dettal, jaf anki liema sagrifiċċji ċerti persuni, għal ħafna inviżibbli, jagħmlu. Fost dawn persuni bħall-ommijiet, il-kaxxiera fil-ħwienet li jiftħu l-jum kollu, l-infermiera, il-morda u dawk li jkunu qrib tagħhom, dawk li jgħixu fis-solitudni, u r-refuġjati. Il-versi ta’ Attard Cassar għalhekk huma tip ta’ awtopsja ladarba jqattgħu biċċa biċċa l-ħlejqa “bniedem” ħalli jipprova jifhimha minkejja li jaf li “Humanity is too complex” (Those Eyes).

Il-pinna ta’ Attard Cassar hi dik li tikxef il-verità, bħal kif josserva f’Bomb: “The pen... Its eloquent mission: Truth.” Għalhekk, fejn hemm bżonn Attard Cassar ma jibżax joħroġ għad-dawl il-ħażin u lanqas jonqsu l-versi tad-denunċja. Hekk, pereżempju, f’Autenticity jikteb:

“... we are all liars.

It’s too costly to be authentic

in this status-conscious society.”

 

Versi oħra ta’ denunċja huma Corruption (“It is there, omnipresent.../ We breathe it in and out,/ we swim in and out of it,/ and in our daily encounters with it/ we try to keep afloat.”); imma anki Smallness, fejn ifakkarna li nippużaw kemm nippużaw ta’ bnedmin potenti, nibqgħu dejjem żgħar u vulnerabbli quddiem in-Natura. Din il-vurnerabbiltà terġa’ tidher fi Scandals. Hawn naqraw dwar “Honourable men” imma li huma fl-istess ħin:

“Men unable to suppress a perversion,

unable to rationalise,

unable to think of their families,

unable.

Unable to fight the monster within.”

 

Hemm imbagħad il-poeżija Lies, fejn naqraw:

 

“Media,

however accessible

has not brought more truth

to those who do not seek it.”

 

Minn sempliċi logħba futbol Attard Cassar kapaċi joħloq ħsieb profond dwar id-dinja kumplessa u mhix nieqsa minn azzjonijiet li jweġġgħu tal-bniedem (ara Hands Hiding Mouths). F’The Bare Minimum Attard Cassar isammar lil min jippoża ta’ paladin fejn tiġih l-okkażjoni biex jidher jew biex jakkwista xi titlu utli, imma jagħlaq ħalqu u jirtira malli toħroġ talba għall-volontarjat.

 

F’din il-ġabra poetika naqraw versi li Attard Cassar kiteb bħala ġenitur li jfaħħar lil uliedu u fl-istess ħin ifakkarhom biex iħaddnu dejjem it-tajjeb (ara Your Success, My Children, Daughter u Son), jew bħala iben (ara Father, Mother u Some Think Afar).

 

Hemm ukoll versi ta’ nostalġija fejn il-poeta jixtieq li għadu jgħix il-jiem sbieħ tal-imgħoddi, bħal f’Claudio Villa u Cemetery.

 

Stilistikament, kif diġà aċċennajt hemm il-konċiżjoni, mela ftit versi li jħalluk taħseb, tistaqsi, thewden, żgur mhux passiv. Flimkien mal-konċiżjoni tintrabat ukoll l-ironija taqta’, anki fl-ispazju ta’ żewġ versi bħal fi State Decleration:

“All information is transparent

except that which is kept secret.”;

 

jew f’I Heard A Phrase Today, fejn naqraw:

 

“A politician said,

‘I’m doing this for my country.’”;

 

jew f’Economy, fejn naqraw il-vers uniku f’għamla ta’ mistoqsija retorika, “She for us or us for her?”

 

Hawnhekk Attard Cassar jaf ikun dirett, bla ħajta fuq ilsienu, bħal kif naqraw f’Maltese Poem:

 

“If I had to write a Maltese poem,

I’d write a string of a thousand fucks.

 

I’d do this for many reasons,

not least to overcome our curse

of whining

and whining

and whining.

 

Then I’d stop out of tiredness.

 

Then I’d sleep a long, long sleep.”

 

Il-poeżiji li naqraw f’din il-ġabra jixħtu dawl fuq il-karattru ta’ Emmanuel. Huwa jagħraf li fil-ħajja, li hi marbuta max-xjenza, il-kimika u l-bijoloġija, hemm is-sbuħija li neħtieġu lkoll nirrikonoxxu u napprezzaw (Ella). Hu bniedem ta’ gratitudni (Mother), bniedem riflessiv, jaħseb qabel jitkellem, imma li fih hemm il-ħajja, l-enerġija li jesprimi f’poeżija bħal Woman In Red, imwassla permezz ta’ kliem bħal “Swaying and laughing heartily”, “dancing”, “beat of the band”, “play music”, “music” u “sea”. Stanislav Petrov tfakkarna li Emmanuel hu poeta, imma anki bniedem li jaf sewwa d-dinja tal-kompjuters u tal-intelliġenza artifiċjali. Bħala poeta jinsisti fuq il-bżonn li nsegwu dak li jgħidilna l-uman fina għall-benefiċċju tal-umanità sħiħa. Mela fis-sempliċità u ġenwinità tal-versi tiegħu Attard Cassar joħroġ ftit ftit il-karattru tiegħu. Hekk f’Roses jammetti:

 

“I have brought you a bunch of red roses.

They symbolise me -

the way you know me.

 

With or without them, life goes on,

day by day,

but they make a difference,

a world of difference.

 

Life is not life without a bunch of roses

and the meaning behing them.”

 

Huwa dak li hu preżenti fi spazji u f’sitwazzjonijiet varji – ġo sptar, ristorant, ċimiterju, gym, ħanut tal-merċa, raħal, knisja, mużew tal-arti f’Londra, fuq bankina wiesgħa fejn mexjin bosta nies u oħrajn bilqiegħda madwar mejda ċkejkna, u l-bqija. Nimmaġinah josserva fis-silenzju u jikteb biex ma jħallix ċerti waqtiet jintilfu darba għal dejjem, imma minflok jistampahom jew jikkonkretizzahom permezz tal-kelma miktuba. Hemm versi bħal Village Feast fejn Attard Cassar ifakkar raħal twelidu, il-Furjana, u San Publiju, imma dan jagħmlu anki bħala innu lil dawk li m’għadhomx magħna u anki lil dawk li għadhom ħajjin.

 

Bħala bniedem li jħobb jivvjaġġa, Attard Cassar jikteb dwar imkejjen lil hinn minn xtutna bħal Matera, Rome u Valtellina, fejn dan il-poeta Malti fl-aħħar mill-aħħar iħossu parti minn xi ħaġa ħafna ikbar li tgħaqqad lill-bnedmin ilkoll flimkien.

 

Hemm imbagħad personalitajiet partikolari li Attard Cassar jiddedika versi lilhom, bħal- logotenent Russu Stanislav Petrov, li fis-snin ’80 evita gwerra nukleari; jew Peter Norman, l-atleta Awstraljan li fis-snin ’60 esprima ruħu pubblikament kontra d-diskriminazzjoni razzjali u minħabba f’hekk twarrab mill-qasam sportiv. Personalitajiet oħrajn li naqraw dwarhom huma Alan Turing, il-ġenju tal-matematika li minkejja li ta kontribut tad-deheb waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, sefa vittma ta’ preġudizzji omofobiċi, Stephen Hawking, u l-futboler Eġizzjan Mohamed Salah.

 

Kif rajna, Attard Cassar hu l-bniedem li jaf bl-inġustizzja tal-Ġustizzja (ara The Witness) u jweġġa’ quddiem in-nuqqasijiet tas-soċjetà kontemporanja, b’hekk jikteb dwarhom biex nagħrfuhom. Huma nuqqasijiet bħall-assenza tal-awtentiċità, il-korruzzjoni, il-parrokjaliżmu, il-perverżjoni, is-solitudni tal-imwarrbin, in-nuqqas ta’ trasparenza fost min imexxi, il-klikek, ir-razziżmu, il-faqar, il-gideb u l-falsità fil-qasam tal-mezzi tax-xandir, l-għatx għas-setgħa, u l-ġustizzja li tippremja lill-kriminal. Fuq in-naħa l-oħra Attard Cassar jikteb ukoll dwar dawk il-valuri li jagħmluna verament bnedmin ta’ rieda tajba, bħal-lealtà, l-imħabba, il-perseveranza, is-sagrifiċċju, il-familja, il-gratitudni, ir-rispett lejn dawk ta’ madwarna, u l-bqija. Huwa konxju saħansitra tal-modi ġodda ta’ għajxien li daħlu anki fil-familja matul iż-żmien (ara The Agreement u The Singer). Żewġ poeżiji li jolqtu fil-laħam il-ħaj u jmissu lill-qarrej daqslikieku qala’ daqqa fl-istonku huma The Automated Hotel u Where Has Humanity Gone?: il-poeta induna diġà li llum il-bniedem qed jagħmel minn kollox biex jinża’ mill-umanità tiegħu u minflok iħalli lilu nnifsu jitmexxa mill-baħħ indifferenti tal-magni u l-brochures imlewna.

 

Emmanuel Attard Cassar jikteb bħala maħbub, missier, ċittadin Malti u dinji, membru tal-familja (ara What is Life?, iddedikata lil ħuh Godwin, u Aunt), għalliem, eżaminatur, iben, fuq kollox bħala bniedem attent, li jintriga ruħu u jaġixxi permezz tal-pinna. “The best poems come out of suffering” jikteb f’Oh Lord. Huwa jikteb dwar it-tbatija tiegħu, ta’ ħaddieħor, dik li tidher u dik ikbar li tistaħba f’irkejjen differenti bħal fis-swali tal-isptarijiet jew kull fejn hemm bnedmin ibatu fis-silenzju. Għalhekk, dawn il-poeżiji ta’ Emmanuel Attard Cassar huma dokument tal-kwotidjanità tal-ħajja tal-bniedem, u huwa proprju hawn meta jitilqu mil-livell awtobijografiku u personali biex jilħqu livell usa’, dak universali, ladarba dak li jikteb il-poeta jistgħu faċilment iħossuhom parti minnu wkoll il-qarrejja.

 

Effettiva Silence, il-poeżija li tagħlaq din il-ġabra poetika ta’ Emmanuel Attard Cassar. Apparti tikxef aspett importanti fil-ħajja personali tiegħu, turina bħala qarrejja u bnedmin il-bżonn li nitwarrbu mill-istorbju u l-ħsejjes żejda li ninsabu mdawrin bihom, xi wħud għax irriduhom, oħrajn għax ta’ bilfors, u minflok inħaddnu s-silenzju, u dan fuq kollox biex nerġgħu niskopru dak li jagħmilna verament bnedmin, bnedmin b’ruħ, fuq kollox fi żminijiet imwiegħra bħalma qed ngħixu fihom fil-preżent:

 

“We need silence to focus

on humanity.

...

For the benefit of our soul.

For the benefit of humanity.

 

Silent silence.”

 

Patrick Sammut (Mejju 2022)