Monday, November 15, 2010

Id-De Profundis maqlub ghall-Malti minn Alfred Palma

Lejn l-aħħar ġimgħat tas-sena 2007 id-dar tal-pubblikazzjoni Wise Owl ħarġet xogħol letterarju ieħor importanti, din id-darba d-De Profundis ta’ Oscar Wilde, maqlub għall-Malti mit-traduttur u poeta Alfred Palma. U dan wara li fis-sena 2006 Palma qaleb għall-Malti xogħol ieħor importanti ħafna ta’ Wilde, Ir-Ritratt ta’ Dorian Gray (anki dan tal-Wise Owl, 2006), li bih rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, taqsima traduzzjonijiet.

Id-De Profundis (li letteralment tfisser “Mill-qiegħ”) jieħu l-forma ta’ ittra twila mal-mitt paġna li Oscar Wilde kiteb lill-ħabib tiegħu Bosie (Lord Alfred Douglas) fil-Ħabs ta’ Reading bejn Jannar u Marzu tas-sena 1897. U dan wara li għal Wilde ħbiberija bħal din (“ħbiberija xejn intellettwali”) intemmet “f’rovina u diżunur pubbliku”, minħabba l-vanità ta’ sieħbu. Il-qarrej mill-ewwel jinduna li ittra-qrara bħal din għandha tikxef eżattament Wilde min huwa, imma anki ġġiegħel lil Bosie jagħraf min hu fir-realtà u twasslu biex jibki, “kif nibku aħna fil-ħabs fejn il-jum mhux inqas mil-lejl hu mħolli għad-dmugħ.”

U hawn jidħol element ewlieni ieħor ta’ dan ix-xogħol: huwa ħarsa lejn dak li ħass Wilde fil-qiegħ nett ta’ ruħu hu u għaddej minn din l-esperjenza li kissritu (l-umiljazzjoni) u saħħitu (il-purifikazzjoni) fl-istess ħin. F’waqt minnhom jikteb, “aħna li ngħixu fil-ħabs, u li f’ħajjitna m’hemm l-ebda avveniment għajr in-niket, ikollna nkejlu l-ħin b’tektikiet ta’ wġigħ, u l-kitba ta’ waqtiet ta’ mrar... It-tbatija... hija l-mezz li permezz tiegħu aħna neżistu, għax hija l-mezz waħdani li bih aħna nsiru konxji li neżistu”.

Xogħol bħal dan huwa wkoll djalogu kontinwu bejn il-“jien” u l-“int”, u jwassal lil Wilde għall-awto-għarfien u anki għall-katarsi. Fost l-oħrajn dwaru nnifsu Wilde jikteb, “Jien wieħed minn dawk li huma magħmulin għall-eċċezzjonijiet, mhux għal-liġijiet”, u “Il-fidi li l-oħrajn jagħtu lil dak li ma jidhirx, jien nagħtiha lil dak li wieħed jista’ jmiss, u jħares lejh.” Lejn l-aħħar tad-De Profundis jikteb li, “L-ogħla mument ta’ bniedem hu... meta jinżel għar-rkobbtejh fit-trab, u jħabbat fuq sidru, u jtarraf id-dnubiet kollha ta’ ħajtu.” Dan hu dak li jseħħ lil Wilde stess fil-ħabs.

Minn qiegħ ta’ ċella Wilde jagħmel ukoll asserzjoni ta’ kuraġġ kbir meta jikteb dwar id-dover tas-soċjetà lejn il-ħabsi wara li jkun skonta l-piena: “Is-Soċjetà tieħu fuqha d-dritt li twikki kastig tal-biża’ fuq l-individwu... Meta l-kastig tar-raġel ikun spiċċa, hija titilqu għal riħu; jiġifieri, tabbandunah sewsew fil-mument meta l-ogħla dover tagħha lejh ikun beda. Verament hija tistħi mill-imġieba tagħha, u tiskarta lil dawk li tkun ikkastigat... Min-naħa tiegħi nista’ nafferma li jekk nirrealizza x’sofrejt, is-Soċjetà għandha tirrealizza dak li wikkietli...”

Fis-solitudni u fl-abbandun tal-ħabs Wilde jiftakar u jikteb dwar l-iċken irqaqat li fl-imgħoddi seħħew bejnu u Bosie. Hemm għaddejja l-ħin kollu l-logħba bejn id-dlam (tal-ħabs, tas-solitudni, tal-umiljazzjoni) u d-dawl (tal-għarfien; anki l-għarfien li hemm is-sbuħija fin-nket). Mela l-ittra hija wkoll ħarsa retrospettiva lejn ir-relazzjoni bejn Wilde u Bosie, imma importanti wkoll huma omm u missier iż-żagħżugħ vizzjat u ingrat. Lejn l-aħħar tal-ittra Wilde jikteb hekk lil Bosie: “M’għandekx stħajjil biżżejjed biex tara xi traġedja tal-biża’ kienet għalija li ltqajt mal-familja tiegħek?”

Ta’ min jgħid li l-qari ta’ din l-ittra mhux wieħed faċli u mexxej: jintużaw sentenzi twal, b’bosta partijiet li jeħtieġu waqfa biex tiddiġerihom. Apparti hekk il-paragrafi ġieli jtulu anki paġni sħaħ, filwaqt li m’hemmx taqsim f’kapitli. Il-qarrej tad-De Profundis irid ikun bilfors wieħed ta’ stoffa. Bħala għażla tal-kelma Palma ma jiddejjaqx juża kliem ta’ nisel romanz-anglo-sassonu (Taljan/Ingliż) bħal “sinistri”, “nikkonsenti”, “solliev”, “koxjenza” (fis-sens ta’ “għarfien”), “possessat”, “jassenta”, u oħrajn, imma dan ma jfissirx li ma jħaddimx ukoll, u f’postu, il-lessiku ta’ nisel Semtiku. Anzi nħoss li l-għażla favur il-kelma Taljana/Ingliża tagħti laqta Ewropea lill-lsien tagħna, imma l-bilanċ bejn il-Malti romanz-anglo-sassonu u dak semitiku juri wkoll id-dinamiċità tal-Malti. Ma jonqsux lanqas kliem u espressjonijiet bil-Latin u bil-Franċiż li Palma t-traduttur ipprefera jħallihom fl-oriġinal kif użahom Wilde, u jorbot nota f’tarf il-paġna magħhom biex ifissirhom bil-Malti.

Imbagħad kliem li jintuża spiss fid-De Profundis (imma dan jintrabat direttament ma’ ruħ din l-opra letterarja) huwa “pjaċir”, “sofferenza”, “mibegħda”, “imħabba”, “ħbiberija”, “kruha”, “sbuħija”, “disprezz”, “niket”, “suċċess”, “stmerrija” u “rispett”. Huma kollha aspetti li jixħtu dawl fuq dak li jgħaddi minnu l-bniedem matul ħajtu. U dwar is-sabiħ u l-imħabba Wilde jikeb, “Dak biss li hu sabiħ, u konċeput sabiħ, jista’ jitma’ lill-imħabba.” L-imabba kienet ukoll dik ix-xiħaġa li żammet sħiħ lil Wilde fil-ħabs (“il-lum jaħtieġ inżomm l-imħabba f’qalbi, inkella kif se ngħix tul il-ġurnata?”).

Drabi oħra f’din l-ittra tiegħu Wilde bħal jitbiegħed xi ftit mid-dimensjoni personali u psikoloġika biex jikteb dwar il-kuntatti tiegħu ma’ bosta artisti kontemporanji, fl-aħħar tas-seklu 19, bħal Hugo, Whitman, Swinburn, Mallarmé, Verlaine u Morris. Spiss Wilde jagħmel referenzi għal Dante u Shakespeare, iż-żewġ kittieba li tagħhom Palma qaleb għall-Malti ix-xogħlijiet ewlenija tagħhom. Apparti n-niket u l-verità, Wilde jittratta wkoll aspetti bħall-arti u l-artist, u r-rabta ta’ dawn mal-figura ta’ Kristu (li Wilde jiddedikalu mal-għaxar paġni). Dwar dan Wilde jikteb hekk: “Għall-artist, l-espressjoni hija l-uniku mod li taħtu huwa jista’ b’xi mezz jikkonċepixxi l-ħajja. Għalih dak li hu mutu hu mejjet. Iċda għal Kristu ma kienx hekk... huwa ħa d-dinja sħiħa ta’ dak li bil-kliem ma jinftihemx, id-dinja bla leħen tal-uġigħ, bħala s-saltna tiegħu, u għamel minnu nnifsu l-portavuċi esterna tagħha.”

Bħar-Ritratt ta’ Dorian Gray, id-De Profundis huwa xogħol fejn Wilde iberraħ il-wisgħa tal-għarfien tiegħu u jislet minn oqsma bħall-istorja, il-filosofija, il-mitoloġija, l-arti, il-Bibbja, il-letteratura l-kultura inġenerali. U hawn tidħol id-dimensjoni enċiklopedika ta’ xogħol massivi bħal dan, minkejja li limitat għal mitt paġna biss. Hemm ukoll partijiet fejn Wilde jikteb dwar xogħlijiet letterarji oħra minn tiegħu bħal The Happy Prince, The Young King, Dorian Gray, The Soul of Man, Critic as Artist u Salomé. Interessati wkoll id-dawl li Wilde jixħet fuq Londra ta’ żmienu: teatri, lukandi, ħwienet tal-kafé u ristoranti lussuċi, gazzetti u rivisti, imma anki personaġġi magħrufa marbutin l-aktar mad-dinja tal-arti.

Dik li Palma jaqleb id-De Profundis għall-Malti ma kenitx ħaġa faċli, imma żgur għenu l-fatt li qabel qaleb għall-ilsien tagħna xogħlijiet bħad-Divina Commedia ta’ Dante, it-teatru ta’ Shakespeare, u r-Ritratt ta’ Dorian Gray u Salomé ta’ Wilde stess, xogħol li ħadlu snin twal ta’ sabar, dedikazzjoni, sagrifiċċji u anki flus. Ir-riżultat huwa għal darb’oħra wieħed pożittiv għall-aħħar u dan diġà jidher mill-ftit kwotazzjonijiet li ċċitajt f’din ir-riċenzjoni. Il-bqija nħallih għall-qarrej biex igawdi fl-ilsien tagħna xogħol klassiku ewlieni miktub minn wieħed mill-aktar kittieba kontroversjali tas-seklu 19. Prosit ukoll lid-dar tal-pubblikazzjoni Wise Owl li għal darb’oħra ħadet f’idejha r-responsabbiltà li tippubblika ġawhra letterarja oħra mill-pinna ta’ Oscar Wilde.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment