Monday, November 15, 2010

il-kodiċi Vassalli ta’ Richard Attard

Allied Publications, 2009

Dan huwa rumanz qasir li jifrex fuq 75 paġna u jinqasam fi ħdax-il kapitlu. Ifakkar bħala stil ta’ kitba u struttura fil-bestseller The Da Vinci Code ta’ Dan Brown, imma din id-darba għandna xogħol ambjentat kollu kemm hu f’Malta. Jinħassu bħala elementi ewlenin l-istil tad-detective story, il-plott li jżommok, anki permezz ta’ azzjoni kontinwa, u l-introduzzjoni ta’ personaġġi ġodda (li mhumiex ħafna) fil-waqt opportun.

Temporalment il-kodiċi Vassalli jifrex fuq tliet epoki differenti, imma li jintrabtu flimkien permezz ta’ fil komuni: żmien San Pawl u n-nawfraġju tiegħu fuq il-gżejjer Maltin; żmien Mikiel Anton Vassalli; u ż-żmien tal-preżent.

Intriganti huma l-personaġġi li fosthom insibu gwida tat-turisti, għalliem tal-istorja, arkeologu u kollezzjonist tal-opri tal-arti li jintrabat mal-qasam kriminali.

Richard Attard juża stil mexxej, lingwa moderna li tinftiehem bla tbatija u fl-istess ħin ħielsa minn kull vulgarità u sensazzjonaliżmu rħas.

Huma bosta l-partijiet li jagħtuna tagħrif dwar l-istorja u l-wirt Malti, filwaqt li kultant żmien ma jonqsux la xi botta soċjali u lanqas il-laqta komika. Hemm l-idea tat-tiftixa għat-teżor u anki reviżjoni ta’ ċerti waqtiet fl-istorja ta’ Malta u anki ta’ ċerti rkejjen storiċi u arkeoloġiċi mill-iprem. Bħal fir-rumanzi ta’ Dan Brown, anki hawn hawn it-tiftixa għall-“graal”, din id-darba ħaġa prezzjuża li tmur lura sekli sħaħ.

Il-kapitli jieħdu wkoll l-għamla ta’ mixja kontinwa li bil-mod il-mod tqarribna lejn dan il-“graal”. Din id-darba perÅ l-personaġġ ewlieni mhux xi Re Artù jew Leonardo, imma Mikiel Anton Vassalli, Missier l-Ilsien Malti.

il-kodiċi Vassalli ta’ Richard Attard hu rumanzett (imma b’bidu, bi żvilupp u bi tmiem effettiv) li jżommok sal-aħħar. Jinqara fi ftit sigħat. Ta’ min jgħid ukoll li faċilment jista’ jkun materjal tajjeb biex jinqaleb għal film, anki t’azzjoni, ambjentat f’Malta; vetrina tal-wirt storiku, arkitettoniku, arkeoloġiku u l-bqija, ta’ dawn il-gżejjer ċkejknin li ngħixu fuqhom.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment