Monday, November 15, 2010

Alicia titkellem mill-Imwiet u stejjer ohra ta’ Mario Azzopardi

(Pubblikazzjoni Merlin, 2007)

Wara li fl-2006 Mario Azzopardi ħareġ il-ġabra ta’ stejjer qosra Is-Sultana s-Sewda (Merlin), adattati minn fost l-aqwa ħrejjef mid-dinja, l-aħħar ġimgħat tas-sena 2007 raw il-pubblikazzjoni ta’ ġabra ġdida ta’ rakkonti, Alicia titkellem mill-Imwiet u stejjer oħra; din id-darba kitbiet oriġinali direttament mill-pinna ta’ dan l-għalliem li kif jgħid hu fid-dedika tgħallem mill-istudenti kollha li għallem.

Il-ktieb ġdid ta’ Mario Azzopardi jiġbor fih tmien rakkonti li jifirxu fuq 140 paġna bejn wieħed u ieħor, u jinqara f’nifs wieħed. Huma kollha rrakkuntati mill-perspettiva ta’ narraturi żgħażagħ. Il-kittieb juża għadd ta’ xbihat effettivi ħafna u mill-isbaħ li bosta drabi jmissu l-poetiku. Apparti fl-ewwel rakkont li jagħti ismu lill-ktieb fejn il-lingwaġġ huwa kemmxejn krud għax jirrifletti dak użat mill-ġenerazzjoni żagħżugħa llum, b’mod ġenerali l-lingwa wżata hija mrażżna fejn setgħet kienet agħar u iktar laxka (xi ħaġa li kittieba aktar żagħżagħ mhux qed jiddejqu jagħmlu, anki għax din hija r-regola mhux l-eċċezzjoni fost ċerti kittieba barranin). Azzopardi huwa bniedem li ilu jaħdem għal snin twal f’kuntatt maż-żgħażagħ u għalhekk jaf kif jaħsbu, jaġixxu, jitkellmu, iġibu ruħhom flimkien, jaf ix-xewqat, l-inċertezzi u l-biżgħat tagħhom. Fl-istess ħin żgur li żamm f’moħħu s-sensittività tagħhom ladarba l-qarrejja ewlenin tar-rakkonti tiegħu kellhom ikunu ż-żgħażagħ stess.

Għal darb’oħra l-kitba ta’ Mario Azzopardi ma setgħetx tinqata’ mill-kuntest soċjali ladarba l-awtur tagħha hu ġurnalist u intellettwali ewlieni f’pajjiżna. It-temi ttrattati huma numerużi u validissimi: id-droga u l-vjolenza domestika (Alicia titkellem mill-imwiet); il-palk u l-marda tal-kanċer (Il-ġwienaħ taz-ziju Antoine); l-immigrazzjoni irregolari u l-firda bejn il-Maltin dwar kif jaħsbuha dwar dan (L-istorja ta’ l-Afrikana); l-inkwiżizzjoni u t-tortura fl-imgħoddi, l-aktar fejn tidħol id-dinja tal-mara (Fil-palazz tal-Gran Sinjur); il-pedofilija jew l-isfruttament tal-ġisem uman tant li jiġi ppreżentat fil-frammentazzjoni tiegħu (Kif Sefora tilfet iż-żokra); is-saħħa tal-kapitalist f’soċjetà li tilfet kull sens ta’ valuri u rispett lejn l-ambjent u d-dinjità umana (Fabiola ta’ Valle Sant’Agata); il-medjokrità fejn jidħlu t-twemmin u l-mass-midja lokali, imma anki t-tniġġis li laħaq livelli kważi inkontrollabbli (Meta daħal ix-xenxul). Dan ir-rakkont ifakkarni f’partijiet mir-rumanz ta’ H.G. Wells, War of the worlds.

Folji mid-djarju ta’ Ruth hija kitba mimlija daqs bajda u mgħobbija sa ruħ ommha b’kontenut validu u attwali u tieħu l-għamla ta’ djarju ta’ żagħżugħa li jifrex fuq kważi tliet xhur. Hawn jiġu ttrattati temi bħall-ilsien kemmxejn biżżarr ta’ l-smsing, ir-realtà ta’ l-ulied b’ġenituri sseparati, l-“aħbarijiet tal-parroċċa”; il-gwerer fl-Iraq u fl-Afganistan, il-megalomanija tal-President Amerikan, il-martri suwiċida, l-attakki terroristiċi, il-klandestini, l-okkult, il-maġija, il-mużika, il-moda, l-internet, it-tfal b’diżabbiltà fiżika u t-tiftix ta’ Alla min-naħa taż-żgħażagħ. Tiġi ttrattata wkoll is-sistema edukattiva lokali fejn l-istudenti huma meqjusin bħala reċipjenti, u ssuġġerita sistema fejn hemm il-parteċipazzjoni u l-qsim ta’ ideat u opinjonijiet differenti.

Mario Azzopardi juża diversi mekkaniżmi stilistiċi matul dawn it-tmien rakkonti. Hemm partijiet miktubin fil-korsiv, oħrajn b’ittri kapitali u skuri aktar min-normal, u siltiet versifikati. Fl-aħħar parti ta’ Folji mid-djarju ta’ Ruth jinkludi wkoll silta mill-poeżija tiegħu Meta taqta’ l-fjuri. Bħal f’Alicia titkellem mill-imwiet anki f’Kif Sefora tilfet iż-żokra nsibu l-indirizz dirett lill-qarrej. Iż-żewġ rakkonti jibdew in medias res biex aktar tard il-qarrej jiġi spjegat x’seħħ qabel anki permezz tal-flashback. Dan ta’ l-aħħar għandu mill-ħrafa fantastika (il-Barnuża Ħamra, in-nanna u l-lupu) u mis-surreali. It-ton tar-rakkuntar hawnhekk jitbandal bejn l-innoċenza u s-safa fuq naħa, u l-ħajjen fuq in-naħa l-oħra. Il-vittma ssir biss oġġett għas-sess u tisfa letteralment żarmata mill-isfruttatur tagħha biex fl-aħħarnett iħossha vojta.

Matul ir-rakkonti Azzopardi juża reġistri lessikali wżati mill-ġenerazzjoni żagħżugħa u jirreferi għal bosta oġġetti jew personaġġi li jappellaw għaż-żgħażagħ: Green Day, David Beckham, Shakira, Eminem, Mariah Carey, YouTube, pop culture, iPod, u kliem ieħor bħal PSD, snob, big deal, breakdown, rapper u l-bqija. Hemm ukoll waqtiet meta Azzopardi jħaddem il-parodija (eż. Meta daħal ix-xenxul).

F’Alicia titkellem mill-Imwiet hemm ukoll waqtiet intertestwali fejn Azzopardi jirreferi għal kotba oħra bħal Thura’s Diary ta’ Thura Al-Windawi, tfajla li tirrakkonta kif il-gwerra fl-Iraq farrkitilha ħajjitha, u Life and Death ta’ Andrea Dworkin, awtriċi prostituta u msawta minn żewġha. Hija idea tajba li kittieb fix-xogħol tiegħu jirreferi għal xogħlijiet oħra ta’ kittieba bħalu; dan biex iħajjar lill-qarrej jiftaħ l-orizzonti letterarji tiegħu u anki jixtri l-kotba ta’ kittieba oħra.

Tolqot kwotazzjoni minn dan l-istess ktieb ta’ Dworkin: “...in my telling, I have respected intellect, truth and language.” Dan huwa dak li Mario Azzopardi ilu jagħmel fil-kitba tiegħu, hi ta’ liema ġeneru letterarju hi. U r-rispett lejn l-intellett, il-verità u l-lingwa jurihom ukoll f’din il-ġabra ta’ rakkonti li żgur tinżel għasel u fl-istess ħin timmarka permanentament lil kull min jaqrahom, żgħażagħ u mhux.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment