Monday, November 15, 2010

Alfred Palma u Id-Drammi ta’ Oscar Wilde – L-ewwel u t-tieni volum

Pubblikazzjoni Wise Owl, 2010.

Isem Alfred Palma llum huwa marbut mal-qasam tat-traduzzjoni. Huwa qaleb għall-Malti xi wħud mill-iktar xogħllijiet letterarji magħrufa mad-dinja kollha. Palma għadda snin twal ta’ dedikazzjoni, sabar u sagrifiċċju jaqra u aktar tard jittraduċi għall-Malti kapolavuri letterarji bħad-Divina Commedia ta’ Dante Alighieri, id-drammi kollha ta’ Shakespeare, Candide tal-Franċiż Voltaire, u aktar reċentement, Ir-Ritratt ta’ Dorian Gray u De Profundis ta’ Oscar Wilde.



Illum Palma reġa’ lura għal Oscar Wilde: wara li xi snin ilu qaleb għall-Malti d-dramm bibbliku tiegħu Salomé, ftit ġimgħat ilu Palma ppubblika bil-Malti l-erba’ drammi kbar (kif jibqgħu magħrufa) ta’ Oscar Wilde, miktubin bejn l-1892 u l-1895, kollha dwar il-ħajja soċjali fl-Ingilterra Vittorjana tal-aħħar snin.

Kulħadd jaf li dik li taqleb għal ilsien ieħor ix-xogħlijiet ta’ Wilde mhix biċċa xogħol faċli. Imma, bħal dejjem, Palma rnexxielu jaqleb għall-Malti b’mod brillanti l-aforiżmi, l-ironija u l-“wit” ta’ Wilde, u dan kollu permezz ta’ Malti mexxej, ċar u modern. Fl-ewwel dramm, L-Imrewħa ta’ Lady Windremere, Palma jirnexxilu joħroġ il-qawwa kollha tad-disperazzjoni ta’ mara li taf li żewġha jista’ jkun qed jittradiha, għalkemm il-vera eroina fid-dramm hija Mrs. Erlynne. Fid-dramm Mara Xejn Importanti, wieħed jaqra dwar il-komportament beżżiegħ ta’ Lord Illingworth, imma anki dwar eroina oħra, Rachel Arbuthnot, li jirnexxielha żżomm kemm l-unur tagħha kif ukoll lil binha.

Fit-tieni volum naraw kemm l-ambizzjoni tista’ tkun kaġun ta’ ħsara rreparabbli, u dan kważi jseħħ lil Sir Robert Chiltern, bniedem ambizzjuż u meqjus bħala r-raġel ideali minn martu Gertrude, imma li jaqa’ vittma ta’ rikatt min-naħa ta’ mara bla qalb u ambiżżjuża. Dan kollu naqraw dwaru fid-dramm Raġel Miżżewweġ Ideali. L-aħħar kapolavur f’din il-pubblikazzjoni ġdida huwa d-dramm tad-daħq L-Aqwa li Tkun Tabilħaqq Ernest. Hawnhekk Wilde jiftaħ bieb u twieqi għall-farsa, għalkemm il-“wit” tiegħu qatt ma jonqos. Hawn il-qarrej jista’ jitpaxxa b’numru kbir ta’ sitwazzjonijiet komiċi msejsa fuq għadd ta’ nuqqas ta’ qbil li xi drabi jigglorifika l-assurd u b’hekk iżid fid-divertiment. Dan kien id-dramm li ta lil Wilde l-ogħla għarfien minn dawk li kienu jiffrekwentaw it-teatru fil-perijodu Vittorjan. U kien ukoll il-preludju għall-waqgħa tiegħu. Ironikament L-Aqwa li Tkun Tabilħaqq Ernest kellu jkun l-aħħar waqt ta’ glorja, qabel ma’ Wilde kien involut fir-relazzjoni ma’ Bosie (Lord Alfred Douglas), skandlu li għalih Wilde kellu jħallas b’sentejn ħabs.

Dawn l-erba’ drammi li Palma rregalalna bil-Malti, joffrulna analiżi dettaljata tal-karattru mżewwaq u kumpless, imma anki ta’ ħajjet dan il-ġenju Irlandiż. Palma qatt ma jinsa lill-qarrej Malti u b’hekk jirnexxilu jirrendi tajjeb ferm il-botti fini li Wilde jirnexxilu jispara kontra l-aristokrazija Vittorjana, spazju fejn kienu jaħkmu l-ipokrezija, l-ambizzjoni, il-preġudizzji u l-korruzzjoni. U dan kollu permezz ta’ djalogi ħajjin u brillanti, iniggżu, jaqtgħu, u spiss komiċi, bla ma qatt jonqsu l-kummenti mlewna u divertenti ta’ Wilde, bniedem ta’ natura eċċentrika għall-aħħar. B’hekk dawn l-erba’ drammi għandhom joffru garanzija ta’ divertiment lill-qarrej mill-bidu sal-aħħar. Minkejja dan wieħed jista’ jitpaxxa anki billi jqalleb ’l hawn u ’l hinn fiż-żewġ volumi, biex iduq mill-“wit” oriġinali ta’ Wilde u anki biex jara l-ħila ta’ Palma bħala traduttur.

Alfred Palma jikteb Daħla għal kull wieħed mill-erba’ drammi fiż-żewġ volumi: hawnhekk huwa jgħinna nifhmu ftit l-isfond soċjali u morali tal-perijodu Vittorjan, l-inżul u t-tlajja’ li Wilde kellu jgħaddi minnhom, u anki l-istejjer li se naqraw dwarhom.

Permezz ta’ dawn l-erba’ drammi, maqlubin għall-Malti minn Alfred Palma, il-qarrej jista’ jerġa’ jgħix l-emozzjonijiet maħluqin mhux biss mill-istess drammaturgu Irlandiż, imma anki minn dak li evoka matul il-ħajja qasira tiegħu. U dan kollu fl-ilsien Malti.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment