Tuesday, November 23, 2010

QRUSA ta’ Anton Grasso (Outlook Coop, 2009)

Qrusa hija s-sitt u l-aħħar ġabra tal-aħjar stejjer riveduti minn Anton Grasso. Tiġbor fiha 23 rakkont li jinfirxu fuq 260 paġna bejn wieħed u ieħor.

Stil

Spiss ir-rakkonti ta’ Grasso jinqraw bla diffikultà ta’ xejn u f’nifs wieħed. Juża fost l-oħrajn l-istil djalogat. Ir-rakkont Dinja ġdida jista’ jfakkar fil-ħrafa klassika ta’ Beauty and the Beast. It-tmiem huwa effettiv u għandu mit-teknika ċinematografika. Grasso jħallih miftuħ sabiex il-qarrej jistaqsi xi jmiss, għalkemm hemm indikazzjoni ta’ dan. Grasso jerġa’ jieħu miċ-ċinema klassika f’Każ ta’ eżorċiżmu meta fl-aħħar joħloq sitwazzjoni mwaħħxa ta’ possessjoni mill-ħażen.

Fi Trinu l-iswed niltaqgħu ma’ siltiet li jnisslu patos (sens ta’ ħasra) permezz tad-djalogu bejn il-Bambin tarbija u Trinu. Hawnhekk ir-realtà kiefra titħallat mas-surreali, filwaqt li r-rakkont għandu mill-ħrafa għat-tfal. It-taħlita bejn realtà u fantasija, bejn il-ħajja u d-dramm, bejn ix-xewqat u l-beżgħat ġewwiena sseħħ f’Is-seba’ vittma. Hawn jispikka s-sens tat-thriller. Aktar tard l-istess rakkont jaqbad ritmu li jwassal għal climax fint biex wara jaħsdek bi tmiem bejn mistenni u mhux mistenni.

L-idea tal-ħrafa nħossuha wkoll f’Il-Vjaġġ: Milju u l-ħmara (kważi umanizzata), il-vjaġġ u l-pjan biex iqarraq bil-ħallelin tal-masġar (l-ostaklu). Dar-rakkont jissawwar u jikseb tifsira bil-lajma. Grasso jibbilanċja bejn in-narrazzjoni, id-deskrizzjoni u d-diskors dirett, filwaqt li ma tonqosx it-tagħlima finali.

Spiss il-livell deskrittiv li jħaddem Grasso huwa mill-awqa. Huwa jħaddem b’sengħa anki r-ritmu tan-narrazzjoni bħalma jiġri f’L-ikreh raġel fid-dinja. Dik li għall-ewwel tidher storja stramba ta’ mħabba fl-aħħar ftit tinbidel f’rakkont tal-waħx tipiku. Naraw lil Grasso fl-aqwa tiegħu: il-qarrej isib ma’ wiċċu tmiem li ma kienx qed jistenna, filwaqt li huwa rakkont li jżommok sal-aħħar. Anki f’Ulied il-Ħsad Grasso jirnexxilu jiżviluppa r-rakkont tiegħu minn wieħed “normali” (fejn niltaqgħu ma’ bniedma leali lejn familtha u b’ħolma f’qalbha) għal wieħed tal-waħx u makabru.

Il-waħx jinħass ukoll f’Meta l-katavri ddeċidew li jagħmlu festin tal-Milied. Il-mod tar-rakkontar, is-siegħa magħżula, iċ-ċpar u t-tinwiħ tal-kelb, kollha jgħinu biex joħolqu sens ta’ biża’ u ta’ stennija (mekkaniżmu favurit minn Grasso u li permezz tiegħu jibni ċerta tensjoni – ara wkoll L-Appuntament) fl-istess ħin.

F’Bikja Grasso juża ingredjenti li jżommu lill-qarrej għajnejh imwaħħlin mal-paġna: is-sens ta’ misteru, il-qrara, id-delitt tal-innoċenti, l-istupru, l-imħabba u t-tarbija barra ż-żwieġ. Lessikalment Grasso ma jiddejjaqx juża l-Malti Semitiku, mela dak safi, imma fl-istess ħin iħalltu mar-Romanz (mela Taljan) fejn meħtieġ. Il-climax f’Bikja jintlaħaq bl-isplużjoni ta’ sparatura f’nofs knisja vojta li twassal għal suwiċidju. L-istil konfessjonali u l-importanza tat-tifkira jinħassu mill-ġdid f’L-Għarqa: ir-rakkont jissaħħaħ sakemm jinbidel f’wieħed tal-waħx u jilħaq il-quċċata bil-mistoqsija aħħarija li tħalli lill-qarrej bejn deluż u bejn jixxennaq biex jistħajjel kif l-azzjoni tista’ tkompli u tintemm.

Mekkaniżmu ieħor li jħaddem Grasso huwa l-flashback (jew ħarsa lura lejn l-imgħoddi). F’L-Appuntament l-issa u l-imgħoddi jissawbu flimkien biex joħolqu mill-ġdid rakkont verament mexxej. Kollox jinbena madwar l-istennija ta’ appuntament li fl-aħħar mill-aħħar ma jseħħx.

Xi drabi niltaqgħu ma’ partijiet jew epilogi li diffiċli tifhimhom. Il-qarrej jistaqsi “X’ġara eżattament?” (ara Destin). Imma forsi dan mhux rifless tal-psike kkumplikat u misterjuż tal-bniedem li fih Grasso l-ħin kollu jimraħ, iqalleb u jfittex? Dan jinħass ukoll f’Il-Lampier, rakkont li jipprova jikxef dak li diffiċli tarah għax moħbi fil-qiegħ nett tal-bniedem mifhum bħala misteru. F’In-Nota Grasso jħaddem taħlita ta’ stili: il-parodiku, il-komiku u l-makabru. Il-parodija tinħass ukoll f’Kelmtejn ta’ fatat meta Grasso jittratta l-klassi diriġenti u l-istituzzjonijiet. Niskopru li did-darba n-narratur huwa fatat li jgawdi “l-immunità ekkleżjastika u governattiva”. It-traġiku u s-serju jiġu ttrattati b’mod komiku, filwaqt li n-narratur fatat spiss jindirizza lill-istess qarrej. Hemm Grasso stess wara l-isforz tal-fatat li jipprova b’ħiltu kollha jħabbeb lill-qarrejja ma’ dak li għal snin twal l-awtur beżżagħhom bih: il-fatati u s-sopranatural.

In-narratur onnixxenti (dak li jara kollox u li jidħol f’moħħ kulħadd) narawh f’Il-Funeral. Grasso jibda billi jagħtina l-perspettiva (jew punto di vista) tan-narratur ewlieni, imma aktar tard jintroduċi bosta perspettivi oħra: tan-nisa anzjani, tat-tifel, tar-raġel b’ħarsa biċ-ċiera, tal-mara li tiftaħ il-bieb u tinduna li hemm funeral, u tar-reffiegħa tat-tebut. Permezz ta’ dawn insiru nafu aktar dwar ta’ min hu l-funeral u x’seħħ eżattament. Il-funeral hu biss iċ-ċentru u mad-dawra hemm deskrizzjoni tal-ħajja li tibqa’ għaddejja. Fl-aħħarnett ir-rakkont bħal jieħu żvolta, jiffoka fuq il-biża’ u t-thewdin ta’ Jessie, tant li fl-aħħar jaħsdek b’delitt ieħor mhux mistenni.

F’Waħda mill-familja, dak li jibda b’ikla formali bejn tabib u infermiera kap ta’ sptar mentali, jispiċċa biex permezz tat-teknika tal-gradazzjoni jilħaq climax f’omiċidju doppju li niskopru ma kienx l-ewwel wieħed. Grasso bħal ifakkarna li bejn il-ġenn u r-raġuni mhemmx spazju kbir li jifred.

Grasso jilgħab ħafna bil-kurżità tal-qarrej u jagħmel minn kollox biex inissel fih il-mistoqsija. Hekk f’Il-bniedem ta’ ħajti nistaqsu min hu Ċikku, u għaliex in-narratriċi ma tmurx taħdem flok ommha li qed tgħejja? F’Il-Brimba nistaqsu x’inhi r-rabta bejn Vira, id-dubbien u l-brimba? F’Ir-raġel li fekkek siequ nibqgħu bil-mistoqsija jew dubju dwar jekk il-mewt ta’ Ġilardu kinitx aċċident jew ippjanata. Hekk kif l-istorja donnha tkun qed tiżviluppa u tiżvolġi ruħha Grasso jwaqqafha ħesrem, għalkemm kif tispiċċa taqra r-rakkont tifhem li t-tmiem mhux mistenni b’xi mod kien diġà annunċjat ftit qabel.

Ambjentazzjoni

Huma bosta l-ambjenti li fihom Grasso jqiegħed l-azzjoni tar-rakkonti tiegħu, imma jaħkem ir-raħal. Is-Serqa tiġi ambjentata f’ħabs u fit-Teatru Manoel, filwaqt li l-ispazju f’L-ikreh raġel fid-dinja huwa doppju: dak magħluq tas-solitudni, u dak brijjuż taċ-ċirklu.

F’Meta l-katavri ddeċidew li jagħmlu festin tal-Milied huwa rakkont ambjentat f’ċimiterju. Bikja huwa ambjentat fi knisja ġewwa raħal, waqt qrara. Dan jixbah lir-rakkont L-Għarqa. L-Appuntament huwa ambjentat ġo fabbrika, u Trinu l-iswed isseħħ f’kerrejja u fi klassi ta’ skola.

Iċ-ċokon jinħass f’Destin: l-ambjent hu dak fejn l-indiividwu hu mfittex biss għall-vot qabel xi elezzjoni. Hemm ukoll Każ ta’ eżorċiżmu li huwa ambjentat f’monasteru, u Waħda mill-familja, ambjentat ġo sptar tal-moħħ.

Tematika

Fost it-temi li Grasso jittratta fir-rakkonti tiegħu nsibu l-ambizzjoni, l-imħabba, l-opportuniżmu, l-ingratitudni, id-dedikazzjoni, il-biża’, l-abbandun, it-tama, it-tradiment, l-ingann, id-disprament u s-suwiċidju, il-ġlieda bejn il-ħażen u t-tajjeb. Hemm ukoll temi bħall-bulliżmu fl-iskejjel u l-preġudizzju razzjali (ara Trinu l-iswed):

“Il-bniedem li kienet tħobb daħak biha; ħallielha tifel iswed f’dinja bajda. Kultant kienet taħseb, min jaf ruħ binha kinitx l-unika waħda bajda f’dinja ta’ erwieħ suwed!”

Żgur li hawn jinħass sottokurrent soċjali. Dan jinħass ukoll f’Kelmtejn ta’ fatat meta Grasso jurina l-ipokrisija tal-klassi li tmexxi u anki li, “Bħal dejjem, ibati min hu żgħir u batut.” Dan hu rakkont ta’ ċertu piż politiku-soċjali fis-sens wiesa’:

“Il-faqar mhux grazzja... imma anqas umiljazzjoni. Il-flus mhux kulħadd iġibhom bil-ħila ta’ xogħlu. Hemm min jisraqhom, jinqabad u tiġih iz-zalza ogħla mill-ħut. Ara taħsbu li dawk is-sinjuri li normalment iġibu l-għira lil kulħadd ikunu dejjem kuntenti u rashom mistrieħa!” Però fl-aħħar mill-aħħar dan irid ikun rakkont li jixtieq iwassal messaġġ ta’ għaqda fost il-bnedmin.

Tema oħra hija l-injoranza ta’ min jemmen fis-seħer aktar milli fil-mediċina (ara In-Nota).

Personaġġi

Ħafna mill-personaġġi li joħloq Grasso huma telliefa jew imwarrbin, bħal Kiko (iż-żagħżugħ għama), id-deffien (li għandu iktar mill-bhima milli mill-bniedem), l-ikreh raġel Enzo u l-maħbuba tiegħu Livia, Etienne (ir-raġel deformat), Rafel il-fattiga, Trinu l-iswed u ommu (li jgħixu fil-miżerja), u l-bqija.

F’Kiko, il-personaġġi jistgħu jiġu kklassifikati fi klassijiet soċjali differenti: fuq naħa l-aristokrazija, il-professjonisti, fuq l-oħra l-klassi l-baxxa u fqira. Kiko huwa xempju tal-antieroj (parodija?) li ma jiġġilidx kontra draguni imma kontra ġrieden, u għax jagħmel dmiru u jirrispetta lil min laqgħu f’daru jispiċċa vittma ta’ vendetta, frott l-għira.

Spiss fir-rakkonti ta’ Grasso niltaqgħu mal-omm li tilfet lil żewġha minħabba xi raġuni jew oħra (ara Destin). Hemm ukoll min hu lest li jqarraq u saħansitra joqtol għall-flus filwaqt li jistaħba wara maskra ta’ qaddis (ara In-Nota). F’Il-Lampier naqraw dwar relazzjoni ambigwa bejn qassis u tfajla li tispiċċa ħażin.

Għeluq

Waqt li qed jaqra Qrusa, il-qarrej jinduna kemm sa mill-1974, meta Grasso ppubblika l-ewwel ktieb tiegħu, Iljieli bla qamar, dan il-kittieb li jidentifika ruħu mal-ġeneru tal-waħx mexa ‘l quddiem u rfina fil-kitba tiegħu. Qrusa huwa wkoll prova tal-fatt li Anton Grasso huwa perfezzjonist, b’enerġija li għadha tħeġġeġ wara karriera li ilha 35 sena tissaħħaħ. Dan hu ktieb li għandu jinsab mhux biss fuq l-ixkaffa ta’ min ilu jsegwi lil Grasso matul dawn is-snin kollha, imma anki ta’ min għandu għal qalbu l-ktieb u l-kitba li jagħtu pjaċir filwaqt li huma magħmulin b’sengħa u korrettezza.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment