Tuesday, December 21, 2010

L-ERBA’ AĦWA ta’ Alfred Massa, KKM 2008

L-isem ta’ Alfred Massa mhux wieħed ġdid fil-kamp letterarju lokali. Il-pubblikazzjonijiet tiegħu bdew jidhru diġ¿ fl-1972, b’xogħlijiet bħar-rumanz Is-Salib tal-Ġiżirana u l-antoloġija koawturata Qawsalla ’72. Massa huwa awtur ta’ disa’ rumanzi u tliet ġabriet tal-poeżija. Huwa wkoll President tal-Għaqda Poeti Maltin. L-aktar pubblikazzjoni reċenti tiegħu hija r-rumanz L-Erba’ Aħwa, rakkont twil li jifrex fuq 170 paġna u jinqasam f’16-il kapitlu.

Ambjentazzjoni:

L-azzjoni ewlenija hija ambjentata f’Wied il-Għajn. Iż-żmien huwa dak tal-preżent. Naqraw ukoll deskrizzjonijiet dettaljati dwar spazji li jmorru lilhinn mill-fruntieri nazzjonali bħall-Umbria u Perugia, fl-Italja, u Norwitch, fl-Ingilterra. Ir-rumanz L-Erba’ Aħwa jirrifletti soċjetà li f’ċerti każi għadha marbuta mal-imgħoddi u mat-tradizzjonijiet (it-twemmin fil-magħmul, it-tbaħħir tad-djar lejlet Sibt il-Għid) f’ċerti każi, u f’każi oħrajn soċjetà li mxiet mal-modi ġodda li ġab miegħu ż-żmien (il-koabitazzjoni, anki bejn persuni tal-istess sess).

Stil:

Ir-ritmu huwa mexxej, jintuża stil dijaloġiku, b’siltiet deskrittivi u użu estensiv tal-Malti idjomatiku. Fi ftit linji kapaċi jgħaddu xhur sħaħ, bħat-tħabbira tat-twelid ta’ Sammy. Ir-ritmu narrattiv ivarja: ximindaqqiet hemm deskrizzjonijiet, djalogi u riflessjonijiet twal li jkopru parenteżi temporali qasira; drabi oħra fi spazju ta’ sentenza jgħaddu sentejn sħaħ. Massa juża lingwa sempliċi, ta’ kuljum, bħalma d-deskrizzjonijiet li jagħti huma marbutin mal-ħajja kwotidjana – eżempju tajjeb huma d-deskrizzjonijiet marbutin mal-ħajja li jgħaddu l-familji Maltin fil-bajja ta’ Wied il-Għajn fis-sajf. Wieħed jistaqsi jekk il-partijiet deskrittivi twal ibegħdux lill-qarrej mir-rakkont ewlieni jew iserrħuhx għal ftit waqtiet mill-mixja narrattiva tar-rakkont?

Hemm ukoll parenteżi ’l hawn u ’l hinn ta’ natura morali li jirrigwardaw il-ġlieda bejn il-ħażin u t-tajjeb fil-bniedem. U dan jintrabat maż-żewġ forzi kuntrastanti li jissieltu matul ir-rumanz kollu: l-imħabba fuq naħa u l-egoiżmu fuq l-oħra. Niltaqgħu wkoll ma’ partijiet fejn l-awtur-narratur onnixxenti jindirizza lill-qarrej u jagħti sommarju ta’ dak li jkun diġà seħħ ħalli r-rakkont jibqa’ frisk f’moħħu. Drabi oħra l-qarrej jiġi mistieden jistaqsi numru ta’ mistoqsijiet biex jirrifletti dwarhom: Il-bniedem għandu dejjem jirċievi l-grazzja t’Alla meta jitolbu? Fid-dinja dak li jkun inkiteb jista’ qatt iħassru xi ħadd?

In-narratur ma jonqosx milli jagħti l-punto di vista tiegħu bħalma jagħmel fl-aħħar parti tal-kapitlu 11: “Jiena ngħid, il-ħajja fiha nfisha hi misteru; u l-misteri l-bnedmin ma jifhmuhomx. L-aħjar li wieħed jaċċettahom u xejn aktar.” (p. 123)

Kull kapitlu bħal jiffoka fuq personaġġ jew personaġġi partikolari, bħaż-żwieġ bejn Ġorġa u Silvio, ir-relazzjoni bejn Liża u t-tabib Silvio Sammut, l-għażliet li tagħmel Martina, u Sammy. Xi drabi tkun bdiet flashback, imma l-qarrej jinduna biss aktar tard; il-qarrej jerġa’ jintefa’ lura fil-passat bla ma jiġi mgħarraf sewwa min-naħa tal-narratur (ara paġna 90). Dan hu nuqqas min-naħa tal-kittieb? Imma mbagħad, bħal biex ipatti, Massa bil-mod il-mod jibda jgħaqqad flimkien it-trufijiet (li huma bosta) li jkun ħoloq. Kull parti jew kapitlu jfakkru fil-fatt li f’ħajtu l-bniedem dejjem jiltaqa’ ma’ għadd ta’ ostakli.

Mekkaniżmu stilistiku ieħor li juża Massa huwa l-alternanza bejn waqtiet pożittivi u ta’ ferħ, u oħrajn ta’ qtigħ il-qalb u li jbikkuk. L-awtur għandu wkoll ħabta jintroduċilek misteru ġdid – imma anki żviluppi ġodda, mhux dejjem pożittivi - fir-rakkont meta l-qarrej ma jkunx qed jistennieh.

Ir-rumanz jibqa’ sal-aħħarnett jilgħab bil-kuntrasti bħall-mewt u t-twelid.

Riferenzi intertestwali:

Alfred Massa jirreferi għall-poeżija Żjara lil Ġesù ta’ Dun Karm Psaila. Ma ninsewx li Massa mhux biss rumanzier imma anki poeta u President tal-Għaqda Poeti Maltin. Dan jinħass ukoll fid-diskors li jsir bejn Martina u s-Sur Frans dwar l-Għaqdiet tal-Malti. Massa jirreferi wkoll għal kittieba barranin bħal Catherine Cookson, Danielle Steele, Oscar Wilde u Stephen King, u rumanziera Maltin bħal Trevor Zahra, Lina Brockdorff, Ġużè Galea, Paul P. Borg, Frans Sammut, Kilin u Victor Apap. Dan mhu xejn ħlief riklam u stedina min-naħa ta’ Massa biex il-qarrej tar-rumanz tiegħu jaqra wkoll ix-xogħlijiet ta’ kittieba Maltin oħra. Nistaqsi, liema kittieb ieħor hawn Malta kapaċi jagħmel dan fil-kitba tiegħu stess?

Tematika:

Massa jittratta temi bħall-ħajja, il-mewt, il-familja, l-imħabba, it-tbatija, il-ferħ, in-niket, is-suwiċidju, l-abort, it-tfal fiż-żwieġ, l-adulterju, it-twelid, imma anki l-maħfra u r-rikonċiljazzjoni. Diġà mit-tieni kapitlu jidħol l-element tas-superstizzjoni permezz tal-personaġġ tax-xwejħa “saħħara”. Il-familja protagonista aktar ’il quddiem tgħaddi minn traġedja kbira li għeruqha jibqgħu jintrabtu ma’ biċċa drapp sewda misterjuża u li taħsad żewġ ħajjiet żagħżugħa. Naqraw dwar il-problemi li jolqtu lill-koppja fil-preżent, it-tfal u l-infedeltà, u anki dwar il-familja u l-firda li jkollha tgħaddi minnhom f’waqtiet differenti minħabba tradimenti, imħabba, safar u studju. Naraw li l-bniedem jitgħallem ukoll mill-iżbalji li jagħmel. Għalhekk Massa jalterna waqtiet ta’ ferħ ma’ oħrajn ta’ niket. Huwa jfakkarna wkoll li f’kull triq li l-bniedem jaqbad hemm delużjonijiet u waqtiet meta jħossu tellief. Ifakkarna wkoll li xi drabi mill-ikrah jaf jitwieled ukoll is-sabiħ.

Tema oħra hija l-arti li tiġi użata għal skopijiet ulterjuri: hekk is-Sur Frans jimmanipula lil tfajliet bħal Martina bl-iskuża tal-arti. Il-ġrajjiet tal-Ewropa Magħquda u ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea huma rreġistrati fir-rumanz.

Tema ewlenija hija d-destin, tema li Massa ttratta diġ¿ fir-rumanz tiegħu Mad-Destin ma Jilgħab Ħadd (2006). Hemm ukoll it-tema li tittratta r-relazzjoni bejn in-naturali u s-sopranaturali. Għal darb’oħra wieħed jasal biex jistaqsi: Jista’ qatt il-bniedem jifhem misteri bħal dawn?

Konklużjoni:

Bħala għeluq għal dan il-kumment tiegħi xtaqt nirreferi għall-aħħar linji li jagħlqu l-istess rumanz: “Għax il-ħajja tal-bniedem tixbah lil katina, iffurmata minn bosta ħoloq. Ħajja mimlija misteri; u miskin dak il-bniedem li jmaħħaħ u jmaħħaħ biex jipprova jsolvihom. Ikun jaqbillu aktar jekk jaċċettahom. Għax wara kollox, kull bniedem jiġi fid-dinja bi storja partikolari u din l-istorja, b’mod jew ieħor, trid titwettaq.” U dan hu dak li jurina Massa f’dar-rumanz ġdid tiegħu.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment