Tuesday, March 8, 2011

Kumewawa, iben il-ġungla ta’ Tibor Sekelj, maqlub għall-Malti minn Karmenu Mallia, Wise Owl Publications, 2010.

Lejn l-aħħar tal-2010 il-Wise Publications ħarġu ktejjeb interessanti ferm bl-isem ta’ Kumewawa, iben il-ġungla, tal-kittieb Slovakk, Tibor Sekelj. Dan huwa rumanz ta’ 72 paġna, oriġinarjament miktub bl-Esperanto u ra d-dawl fl-1979. Jirrakkonta l-avventura ta’ grupp ta’ persuni li minħabba li l-vapur tagħhom jinkalja fi xmara f’nofs il-ġungla tal-Amażonja, ikollhom jgħaddu xi żmien f’nofs din id-dinja kompletament differenti minn dik li huma mdorrija jħabbtu wiċċhom magħha. Sekelj ilaqqagħna ma’ tfajjel Indjan li jgħin lil dan il-grupp ikampa f’nofs dan l-ambjent affaxxinanti imma fl-istess ħin perikoluż u ta’ theddida kbira u kontinwa.

Minkejja li huwa tfajjel, Kumewawa huwa meqjus bħala raġel mit-tribù tiegħu ladarba rnexxielu jitgħallem jgħix waħdu fil-ġungla. Il-qarrej jinduna li l-ġungla hija fiha nnifisha l-ikbar skola għan-nies li jgħixu fiha, l-ikbar għajn ta’ għerf. Hemmhekk jgħixu l-bhejjem ta’ natura u daqs differenti, fejn mhux bilfors li l-ikbar annimal huwa tal-akbar theddida. Hemmhekk l-ikbar bniedem jinduna kemm huwa fil-fatt ċkejken quddiem il-misteri u l-forzi tan-natura. Fil-ġungla l-bniedem jitgħallem ikun attent għal kull dettall, ħoss jew moviment, għax inkellha jispiċċa ħażin fi żmien qasir. Fil-ġungla l-bniedem matur jaf kif iqabbad in-nar mingħajr sulfarini, jikkaċċja, jagħraf il-pjanti ta’ ġid għalih minn dawk li huma ta’ deni, jafda lil jew jaħrab minn bhejjem differenti. Kumewawa huwa t-tfajjel li jgħix f’armonija sħiħa mal-ġungla ta’ madwaru u dan anki billi jirrispetta dak kollu li hemm ġewwa fiha. Hemm ukoll Nikuċap, id-”daqni”, jew in-narratur tar-rakkont, li f’dan ir-rakkont huwa wkoll l-alljev ta’ Kumewawa, minkejja li huwa ikbar fl-età mit-tfajjel Indjan.

Fih innifsu dan ir-rumanz qasir jew rakkont twil jista’ jinftiehem bħala stedina biex il-bniedem ”modern” jirrispetta l-ambjent naturali li f’dawn l-aħħar snin tqiegħed taħt theddida kbira minħabba l-progress aggressiv li seħħ bla kontroll ta’ xejn. Huwa wkoll tfakkira li l-bniedem fl-aħħar mill-aħħar ġej min-natura; Sekelj bħal ifakkarna wkoll kemm tbegħedna bla ma nafu mill-oriġini tagħna bħala bnedmin. Il-qarrej bħal jistaqsi jekk il-ħajja moderna li drajna ngħixu fiha hix verament komda daqs kemm naħsbu. Ifakkarna li l-bosta kumditajiet artifiċjali li ngħixu id f’id magħhom huma biss tal-mument u li għalihom ħallasna u għadna nħallsu prezz għoli ferm, prezz li l-konsegwenzi tiegħu se jibqgħu jinħassu għal żmien twil fil-ġejjieni. Permezz ta’ Kumewawa l-awtur Slovakk ifakkarna kemm huma importanti r-rispett lejn ommna n-natura, l-armonija u l-ekwilibriju bejn dak li nieħdu mingħandha u dak li nagħtuha.

Hawnhekk irridu nagħtu ġieħ ukoll lix-xogħol tat-traduttur, Karmenu Mallia. Kien biss permezz tiegħu li stajna ngawdu xogħol letterarju bħal dan miktub bl-Esperanto. U r-rabta ta’ Karmenu Mallia mal-Esperanto hija b’saħħitha sewwa. Huwa president tal-Malta Esperanto-Societo, membru-fundatur tal-Għaqda Kittieba Esperantisti (Esperantista Verkista Asocio), membru tal-Universala Esperanto-Asocio u tal-Akkademja tal-Esperanto. Huwa wkoll l-awtur ta’ għadd ta’ ġabriet ta’ poeżiji bil-Malti, bl-Esperanto, bil-Franċiż u bl-Ingliż, u anki ta’ rumanz bl-Esperanto bi sfond Malti. Ippubblika wkoll divesi artikli bl-Esperanto fuq l-istorja u l-letteratura ta’ Malta f’diversi rivisti barranin. Apparti Kumewawa, Mallia qaleb mill-Esperanto għall-Malti il-kors tal-Esperanto, magħruf bħala l-”Kors ta’ Zagreb”, u ppubblika wkoll Zamenhof, il-ħajja tal-awtur tal-Esperanto. Karmenu Mallia ttraduċa wkoll numru sabiħ ta’ poeżiji miktubin minn membri differenti tal-Għaqda Poeti Maltin flimkien ma’ daħla kritika mill-pinna tal-Prof. Oliver Friggieri, miġburin fil-ktieb Malta Nuntempa Poezio, li ħareġ fl-2009.

Kumewawa, iben il-ġungla, kif miġjub fil-Malti minn Karmenu Mallia jinqara faċilment u bi pjaċir kbir. U dan huwa prova li t-traduttur tas-sengħa jrid ikun midħla sewwa kemm tal-lingwa li minnha qed jittraduċi (hawnhekk l-Esperanto), kif ukoll fil-lingwa li fiha qed jaqleb ix-xogħol oriġinali (f’dan il-każ il-Malti). Din il-pubblikazzjoni hija mżejna b’numru ta’ tpinġijiet ta’ Joanne Ellul Genovese li jgħinu lill-qarrej joqrob dejjem iktar lejn l-ambjent tal-ġungla.

Tibor Sekelj twieled fl-1912 u miet fl-1988. Studja l-liġi u tgħallem l-iskultura, il-pittura u aktar tard ir-reġija. Kien ġurnalist u traduttur ta’ djalogi ta’ films. Bejn l-1939 u l-1954 għex fl-Amerika t’Isfel fejn ħa sehem f’numru ta’ spedizzjonijiet. Studja l-etimoloġija u l-arkeoloġija. Fl-1988 Tibor Sekelj qatta’ wkoll xi jiem f’Malta fejn iltaqa’ ma’ diversi għaqdiet kulturali, fosthom il-Malta Esperanto-Societo.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment