Saturday, October 1, 2011

Bil-ħajku nsellimlek – Mill-Ġappun għal Malta u lura, miġbura minn Terence Portelli, 2011.

“Il-ħajku hu poeżija qasira ta’ sbatax-il sillaba mifruxa fuq tliet versi li jaf il-bidu tiegħu fil-Ġappun. Ħafna drabi t-temi ewlenin tiegħu huma n-natura u l-bdil fil-ħajja mal-mogħdija tal-istaġuni.” Ftit ġimgħat ilu ħareġ Bil-ħajku nsellimlek – Mill-Ġappun għal Malta u lura, ktejjeb ta’ 55 paġna li jiġbor fih ftit aktar minn mitejn ħajku miktubin minn 20 poeta Malti differenti. Dan ma jfissirx li ktieb bħal dan m’għandux il-piż tiegħu. Il-persuna li ħadet ħsieb din il-biċċa xogħol sabiħa u interessanti hija Terence Portelli, lecturer tal-Pedagoġija tal-Malti fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta. Kif jikteb fid-Daħla għal dan il-ktieb, Portelli jgħid li bosta kittieba Maltin rabtu isimhom mal-kitba tal-ħajku f’dawn l-aħħar erbgħin sena, ibda minn Anton Buttigieg li twieled fl-1912, u spiċċa b’Sergio Grech li twieled fl-1975. Bejn dawn iż-żewġ estremi hemm poeti oħra bħal Carmel Attard, Louis Briffa, Manwel Cassar, Oliver u Joe Friggieri, Josette Attard, Maurice Mifsud Bonnici, Ġorġ Peresso, John u Joseph Scuberras, Lino Spiteri , Frank Zammit u oħrajn. Xi wħud minn dawn joqogħdu Malta, oħrajn jgħixu barra (fosthom fil-Kanada u fl-Awstralja), uħud ippubblikaw saħansitra ġabriet ta’ ħajku, oħrajn qrajna l-ħajku tagħhom fil-paġni letterarji jew rivisti lokali.

Terence Portelli jistqarr ukoll li Bil-ħajku nsellimlek – Mill-Ġappun għal Malta u lura għandu l-għan li jilħaq żewġ objettivi: dak letterarju, imma anki dak filantropiku. Infatti pubblikazzjoni bħal din twieldet wara l-avvenimenti tal-11 ta’ Marzu 2011 li laqtu l-kosta tal-Grigal tal-Ġappun u li ħallew eluf kbar mejtin, oħrajn mitlufin u eluf oħra bla dar jew familja. Ma ninsewx lanqas li l-emerġenza nukleari għadha għaddejja sal-lum. Hekk jikteb Portelli: “Meta rajt dan kollu, l-idea li darba kelli li niġbor antoloġija ta’ ħajku bil-Malti reġgħet tkebbset fija. Din id-darba l-isforzi tiegħi setgħu jiksbu aktar sens għax minbarra l-għan letterarju, il-ġabra setgħet tilħaq għan ieħor, għan filantropiku. Infatti, il-qligħ kollu ta’ din il-pubblikazzjoni se jmur għas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar.”

Il-preżentazzjoni ta’ dan il-ktejjeb hija sempliċi imma moderna u li tiġbed l-għajn ukoll. Apparti l-għażla ta’ ħajku f’rabta mal-għoxrin kittieb Malti in kwestjoni, Portelli inkluda wkoll seba’ kummenti ta’ daqstant ħajkisti Maltin dwar dan l-istil ta’ kitba. Huma kummenti jew riflessjonijiet li jgħinu lill-qarrej jifhem aħjar x’inhu l-ħajku, kif jaħdem u kif jinħadem. Laqtuni kummenti bħal dak ta’ Victor Fenech: “Konċiżjoni, suġġettività, assoċjazzjoni u emozzjoni – dawn huma kollha karatteristiċi tal-ħajku u jagħmlu minnu poeżija ta’ stil u ħlewwa liema bħalha.” Oliver Friggieri jgħid li l-ħajku hu “poeżija speċjali [li] tagħlaq u trassas espressjoni qawwija.”, filwaqt li Maurice Mifsud Bonnici, kittieb imġarrab anki fil-kitba tal-ħajku, josserva li “l-ħajku bħal ħelu, meta dduqu jtik li tkompli tieklu u jħajrek biex ma tiqafx [...] jaħkmek taħt snienu sa tibda toħolmu billejl!”. Terence Portelli stess jikteb hekk: “Fiċ-ċokon djamantin tagħhom, il-ħajku jistgħu jitqiesu bħala kullana prezzjuża ta’ esperjenzi mġarrba b’intensità kbira.”

Jiena qattajt ftit ħin mhux ħażin naqra u ngawdi l-benna tal-għażla ta’ ħajku li tana Terence Portelli. Dawn huma ftit mill-ħsibijiet li għaddew minn moħħi matul dan il-proċess. Id-daqs tal-ħajku jfakkar f’ċokon il-bniedem, imma dak li jnissel ifakkar fil-kobor bla tarf ta’ ħsieb il-bniedem, u anki ta’ dak kollu li hemm quddiemu lest biex jiġi mġarrab. Fil-ħajku hemm il-mikrokożmu (il-ħolqien iċ-ċkejken) u l-makrokożmu (il-ħolqien il-kbir), l-atomu u l-big bang fl-istess ħin. Fih hemm ukoll impriġjonat kliem dak il-leħen li mhux kulħadd kapaċi jisma’ għax aljenat jew imħabbat, leħen li jsefsiflek f’waqtiet speċjali biex jurik dimensjonijiet u spazji oħra. Il-qarrej ta’ din il-ġabra jifhem li wara l-ħajku, miktub minn min hu miktub, hemm dejjem il-Bniedem, dak li jaf jieqaf għal ftit mill-ġirja sfrenata tal-ħajja, jirrifletti u joħloq cocktail effettiv ta’ 17-il sillaba, murtal, splużjoni li tħalli l-eku tagħha jirbombja fih għal ħin twil. Il-ħajku mela hu biss il-ġebla li titfa’ fil-baħar, imma mbagħad bħall-ġebla kif tolqot wiċċ l-ilma, inissel ċrieki u ċrieki ta’ riflessjonijiet u jiftaħ bibien fuq orizzonti ġodda.

U dan żgur jintrabat ma’ kliem il-poeta u ħajkista Malti-Awstrajlan, Frank Zammit, li għal intervista li għamiltlu jiena reċentement sostna hekk: “Għalija l-ħajku jiddifferixxi mill-biċċa l-kbira ta’ forom oħra ta’ poeżija billi jagħti aktar xogħol lill-qarrej; għaliex kull qarrej ikollu jfittex hu nnifsu x’hemm aktar wara dawk is-sbatax-il sillaba. L-awtur jagħti biss ħjiel. U aktar minn hekk, qarrejja diversi jistgħu jinterpretaw l-istess ħajku differenti minn xulxin, u kultant anki bil-maqlub ta’ dak li kellu f’moħħu l-awtur! [...] Iżda niddubita jekk il-ħajku hux għal kulħadd, għax jekk il-qarrej ma jkunx ippreparat jew kapaċi jipparteċipa attivament biex jimla l-vojt li ħalla l-awtur, ħafna drabi ma japprezzax il-valur tal-ħajku. Mela l-ħajku mhux għall-qarrej għażżien jew mgħaġġel.” Dan imur kontra dak li jaħsbu xi wħud li l-ħajku minħabba l-qosor tiegħu hu apposta għal dawk li m’għandhomx ħafna ħin x’jaħlu!

Inħoss li fl-għażla tiegħu tal-ħajku għal din il-ġabra Terence Portelli żamm l-aktar marbut mad-definizzjoni oriġinali ta’ dan l-istil ta’ kitba: l-għaqda tal-bniedem man-natura fil-preżent. Parti kbira mill-200 ħajku li naqraw f’Bil-ħajku nsellimlek – Mill-Ġappun għal Malta u lura hija marbuta mad-dinja naturali, imma fuq in-naħa l-oħra jispikka wkoll it-tiġrib uman.

Bil-ħajku nsellimlek – Mill-Ġappun għal Malta u lura huwa xogħol oriġinali, demokratiku u frott l-altruwiżmu. Huwa ktieb ċkejken li jinġarr bla ebda diffikultà, mimli b’għadd sabiħ ta’ poeżiji ċkejknin li jidhru innokwi imma li fil-verità joffru sfida lil dak li joħodhom bis-serjetà. Huwa ktejjeb li żgur għandu jifforma parti mill-librerija personali ta’ min għandu għal qalbu l-letteratura Maltija u anki l-qari. Ma ninsewx ukoll li kull min jixtri kopja tiegħu jkun qed jagħti daqqa t’id ukoll lis-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar. Grazzi lil Terence Portelli għal din l-inizzjattiva sabiħa li torbot flimkien żewġ gżejjer daqstant imbegħdin u differenti, imma daqstant qrib xulxin.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment