Saturday, August 20, 2011

24, Triq Ħad-Dwieli ta’ Omar Seguna, 2011

Din hija t-tieni ġabra ta’ poeżiji tal-poeta żagħżugħ Omar Seguna, wara li fl-2001 kien ippubblika l-ġabra Mal-Ħoss Qawwi tar-Ragħad. 24, Triq Ħad-Dwieli jifrex fuq 111 paġna u jiġbor fih mal-81 poeżija ta’ temi u stili differenti. Il-ktieb għandu wkoll introduzzjoni minn Mario Azzopardi bl-isem ta’ “L-ekwivoċità ta’ Omar Seguna”. Fid-daħla għal din il-ġabra Seguna mill-ewwel jiddikjara l-importanza li se jagħti lit-temi soċjali, fosthom il-gwerra u l-qerda tal-ħajja, filwaqt li jfakkar li fil-poeżija dejjem issib element awtobijografiku. Matul din il-ġabra ta’ poeżiji toħroġ evidenti wkoll ir-rabta ta’ Seguna mad-dinja tat-teknoloġija informatika. Hawnhekk għandna poeta li qed jipproduċi fit-tielet millennju, imma dan ma jfissirx li m’hemmx fil li jorbtu mal-poeżija preċedenti, kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni nofs tas-seklu 20.

Tematika:

L-imħabba - Fost it-temi ewlenin hemm dik tal-imħabba, mela r-relazzjoni bejn il-‘jien’ u l-‘int’. Issaħħaħ din ir-rabta bejn il-‘jien’ u l-‘int’ attwali hemm ukoll il-Fidi u valuri pożittivi bħalma hija l-ugwaljanza bejn is-sessi. Hemm dak li hu tanġibbli – id-dar, il-ġebla li minnha hija mibnija -, u dak li hu astratt – il-ħolma. Il-ħin kollu taħkem l-idea tal-poeżija li tintrabat mal-ambjent fiżiku u l-ħwejjeġ li jagħmlu parti minnu, mal-istess struttura tad-dar (anki il-bar, il-kitarra, it-“tapit imqatta’”, it-telefon). F’dan l-ispazju tissawwar storja li tifrex bejn żewġ estremitajiet: fuq naħa l-ħolma u fuq l-oħra r-realtà. Jispikkaw versi bħal dawk li naqraw f’Id-Dar Tagħna,

“Kull kamra hi poeżija ġdida,

b’kull rokna bħal vers b’metafora differenti.

Kull ġebla, frott l-għana ta’ saħħet il-ħaddiem

filosofija realistika, spiritwali u progressiva [...]

Id-dar tiegħi bħal djarju personali,

b’kull paġna rifless tal-ħajja tiegħi.” (p. 13)

Għall-ewwel il-versi dwar l-imħabba jesprimu sitwazzjoni ideali, imħabba żagħżugħa. Fl-imgħoddi, imma, hemm tifkiriet ta’ biża’, nuqqas ta’ ħelsien, l-infern, il-biki, id-dmugħ. Aktar ’il quddiem imbagħad, il-versi tal-‘jien’ u l-‘int’ bħal jakkwistaw ton differenti u jitbiegħdu mill-idealiżmu tal-bidu. Hemm l-għarfien li r-relazzjoni talterna bejn żminijiet ta’ għaqda u oħrajn ikkaratterizzati mill-firda u d-delużjoni, imma xorta l-kelma ewlenija tibqa’ l-“Imħabba”.

Jidħlu hawnhekk il-versi personali, anki ta’ laqta introspettiva, li jservu bħala għajta ta’ wġigħ wara d-delużjoni fl-imħabba (ara Frustrat, Erwieħ Iddisprati u Eżami) jew li jixħtu dawl fuq il-‘jien’ moħbi.

Il-versi soċjali - Hemm il-versi kontra l-maskri u l-faċċati li nibnu biex nidhru sbieħ soċjalment. Il-poeta hu dak li jħobb ikun ’il bogħod mill-“għajjat tal-folla” u jħoss li spiss dak li jsir isir biss għall-konvenjenza. Iħoss li l-“ħabib ta’ veru” hu dak li jinsab “fil-bogħod”, u dan huwa paradoss (ara Fil-Bar, p. 20). Anki f’Aħna Warda Ġdida Seguna jilgħab bil-paradossi: konfrontat b’dinja fejn “ma ssibx il-kelma ‘Imħabba’”, fejn hemm “logħba soċjali ta’ nuqqas ta’ drittijiet” u fejn taħkem “ġungla tal-konkrit”, huwa jfittex kenn fil-maħbuba tiegħu.

Poeżija ta’ ċerta saħħa hija Nemmen Jien, li hija kontra l-firdiet u l-preġudizzji razzjali, reliġjużi u kontra l-ġlied etniku. Seguna jikteb ukoll kontra kull tip ta’ integraliżmu: ironikament parti mill-poeżija (ara p. 22) tingħata s-sura ta’ salib. Il-progress hu f’id min “jaqbeż il-linja” tal-konvenzjoni. F’Ħaddiem Imweġġa’ joħroġ il-kuntrast bejn l-imgħallem paxxut u l-ħaddiem li xerred ħafna għaraq u spiss tgħaffeġ mis-sid. Seguna jispira ruħu mill-iSpiiid Kameras biex jgħidilna li l-folla tinsab fid-dlam, imma jittama li “riħ qawwi/ bla ħniena [...] jtajjar lil xi ħadd” u jgħinu “jara d-dawl”. Anki dawn huma versi kontra l-aljenazzjoni li fiha ngħixu ta’ kuljum bla ma biss nindunaw u wisq inqas nipprotestaw. Hemm versi li jesprimu r-rabja kontra sistema li tfalli lil min verament jaf x’inhu jagħmel. Oħrajn huma kontra ċ-ċrieki tal-ħbieb, l-inċensar ta’ wħud u l-manipulazzjoni psikoloġika.

Numru sabiħ mill-versi ta’ Seguna huma għajta favur il-libertà, u din il-libertà tfisser ukoll għarfien li għandna nibżgħu għad-dinja li ngħixu lkoll fiha. Hekk fi 11 ta’ Settembru 2001 jikteb:

“Bdejna neqirdu din l-art li fuqha aħna lkoll ngħixu

bla ma nintebħu li qed ngħixu f’dinja waħda:

dinja magħmula għall-bnedmin.”

Hemm ukoll l-“ilpup” kemm fi Spiiid Kameras kif ukoll f’Poeżija bil-VAT: l-ilpup huma dawk li jaraw kif jagħsru li ta’ taħthom biex jiggwadanjaw dejjem iktar. U dan kollu jintrabat mas-sitwazzjoni nazzjonali attwali: jissemma pereżempju l-infiq żejjed f’rabta ma’ “dar malta,/ it-teatru jew l-isptar” (p.30). Hawn Seguna jinħass bħala l-polz ta’ dak li qed iseħħ fil-kuntest nazzjonali. Dan iseħħ ukoll f’poeżiji bħal Il-Ġid ta’ Ċikku l-Poplu u ...bħal biċċa rap kulħadd iqabbel li jrid. Anki hawn jinħass il-vojt bejn il-ħolma li jridu jbellgħulna ċerti mezzi tal-komunikazzjoni u r-realtà.

L-ixbieha tad-deżert - Element li jirrikorri spiss fil-versi ta’ Omar Seguna huwa d-deżert. Fi Gwerer fid-Deżert huwa dak l-ispazju fejn taħkem in-nixfa li ġġib magħha t-tirrannija, it-terrur, il-ġuħ, l-injoranza, il-gwerra, u n-nuqqas ta’ drittijiet universali. Id-deżert jerġa’ jissemma f’Randan li Għad Irid Jibda: hawn huwa l-ispazju li fih jgħix il-ħaddiem aljenat u sfruttat. Seguna idealist jemmen fir-riskatt min-naħa tal-ħaddiem:

“Għad jgħaddi ż-żmien forsi sabiex tintebaħ

li ta’ xogħlok inti wkoll is-sid,

li tal-istorja inti wkoll kittieb,

u għalik hawn ġejjieni ġdid.” (p. 27)

Versi bħal dawn jorbtu lil Omar Seguna ma’ poeti kontemporanji bħal Mario Griscti, Salv Sammut u Andrew Sammut.

Id-“deżert”, il-“ħalel”, il-“kamaleonte”, il-“baħħ” u l-“irdum sewdien” jinsabu kollha f’Dedika... b’sogħba. Ladarba l-bniedem joħroġ għall-ftuħ u jitbiegħed mill-kenn tad-“dar” jistenna li jiltaqa’ ma’ kull tip ta’ provokazzjoni. Il-kelma “deżert” tintuża mill-ġdid f’Versitarju: hawn ifakkar f’dak l-ispazju niexef li jkollhom jaqsmu r-refuġjati, imma anki f’dak l-ispazju meta fil-qalb ma jibqax imħabba. Din l-assoċjazzjoni ta’ ideat narawha wkoll f’Maskra ta’ Mħabba fejn Seguna jikteb:

“F’din l-oasi ta’ mħabba,

inħażżu qlub dejjiema.

F’deżert miftuħ,

fejn ix-xemx ħamra ma tinżel qatt,

u l-imħabba ssaltan fuq kulħadd.” (p.51)

Poeżija li tispikka fil-modernità bħala xbieha u ħsieb hija Pittura Moderna. Anki hawn tintuża l-kelma ‘deżert’: “qaltli/ raġel għatxan fid-deżert.” Fil-poeżija Fik Biss Qalbi Tistrieħ naqraw, “Waħdi/ f’deżert niexef/eżiljat.” (p. 98) Fl-aħħar nett id-deżert jerġa’ jissemma f’Ondata di bombe su Bagdad, meta Seguna jikteb, “Ricordo a Bagdad/ la luna che brillava sulle acque deserte.” Id-deżert hawn jintrabat mat-tifkira ta’ żminijiet aħjar.

Il-versi ambjentali - It-tema ambjentalistika tiġi ttrattata b’saħħa f’Qalb il-Konkrit ta’ l-Ibliet għall-Mistrieħ, tema ttrattata anki minn patri Marjanu Vella (eż. Ħitan tas-Sejjieħ) u bosta poeti kontemporanji oħra. Seguna jikteb hekk:

“Għax flok twapet ħadranija

Rajt djar kaxxi kaxxi mibnija

U tarmak iebes stanga

Li minnhom darba għal dejjem

Il-weraq u x-xtieli ma jinbtux.” (p. 33)

Minkejja dan Seguna jibqa’ jittama sal-aħħar:

“Nistħajjel nara

fil-ħolm tiegħi

l-art tħaddar,

imżewqa bil-ġmiel tal-ward

taħt is-sema blu.” (Jien li Mhux bħall-Kotra, p. 103)

Fil-ġnien, mela fl-ispazju naturali l-poeta jħossu ħaġa waħda mal-ħallieq li ħalaq in-natura. Hawn iħossu jistrieħ “mit-toqol tal-maskra grotteska li [j]inħeba taħtha.” (p. 68) Hemm, iżda, anki waqtiet ta’ biża’ u inċertezza li jiġu espressi bis-saħħa tad-dinja naturali meta turi l-qilla tagħha. F’poeżiji bħal Lill-Pjanti Tiegħi, Lil Diversi Kakti u Sukkulenti u oħrajn jinħassu ċerti eki Franġiskani fejn il-poeta jindirizza direttament lid-dinja veġetattiva u jumanizza lill-pjanti. Huwa jaf li l-bniedem jista’ jitgħallem ħafna mid-dinja tal-pjanti. Dawn u oħrajn huma versi li jfakkru f’ċerti poeżiji kemm ta’ Anton Buttiigieg kif ukoll ta’ Mary Meilak. F’Lill-Oħrajn Kollha jikteb hekk:

“Permezz tagħkom

Alla jkellimni.

Inħares lejkom, nitpaxxa bikom.

U nara kif il-Mulej

ma jinsa lil ħadd

meta jibqa’

jieħu ħsiebkom”. (p. 78)

Bormla u l-versi tat-twemmin - Hemm imbagħad il-poeżiji marbutin ma’ Bormla, raħal twelid il-poeta. Fil-Gallarija tesprimi waqt ta’ pawża fejn mill-gallarija l-poeta jassisti għal inżul ix-xemx, hemm f’Bormla, bil-baħar quddiemu. Hemm konfront bejn il-kobor (ix-xemx u x-xefaq) u ċ-ċokon (il-poeta-bniedem), bejn iż-żmien u l-ħin (“it-tektik tal-arloġġ f’moħħi”, p. 94). Bormla terġa’ tissemma f’Miegħek Marija – hawn ukoll il-versi tat-twemmin, mela did-darba għandna poeżija tradizzjonali kemm bħala ħsieb kif ukoll bħala forma. Il-versi tat-twemmin jerġgħu fi Quiet Time Corner, fejn naqraw li minkejja l-illużjoni li l-bniedem tal-lum għandu kollox, dan bħal mhux minnu jekk ma jerfax “post speċjali” għall-Mulej. Jekk dan ma jsirx il-poeta ma jsibx is-sliem u qalbu ma tistrieħx (ara Ftit Ħin mal-Mulej, p. 97). Hemm ukoll l-idea tal-poeta bħala wejla f’nofs baħar maltemp. Quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn il-fidi sservi ta’ bastun li fuqu l-poeta jserraħ.

Ir-relazzjoni iben-missier-iben - Tema oħra narawha f’Fuq il-Bieb tal-Maturità, dik tar-relazzjoni bejn il-missier u l-iben, issa li l-iben tar mill-bejta. Hemm il-poeta missier li jindirizza lil missieru quddiem il-miraklu u l-istennija tat-twelid ta’ ibnu. Seguna issa jiftakar ukoll f’logħob tfulitu li bir-rebħiet u t-telfiet tiegħu jsiru metafora tar-rebħiet u t-telfiet li l-bniedem adult irid jgħaddi minnhom matul ħajtu (ara Wild u Wild Ġdid). Hemm l-idea tradizzjonali tat-tfal li jiġu bil-vapuri.

Il-poeta mhux mifhum u l-versi bit-Taljan - Il-poeżiji fl-aħħar ta’ din il-ġabra jittrattaw l-idea tal-poeta bħala bniedem li l-kotra ma tifhmux, mela differenti u li jgħix il-ħolm bħala spazju li fih jitbiegħed mill-ħajja ta’ filgħodu fejn hemm ir-rutina u l-monotonija.

Il-ġabra tagħlaq b’żewġ poeżiji bit-Taljan: waħda tintrabat ma’ Bormla u l-oħra ma’ Bagdad. Ondata di bombe su Bagdad tfakkar fil-gwerra li qed tifni l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani. Anki f’Le scale di Cospicua hemm it-tema tal-gwerra u tal-mewt. Il-mewt f’rabta mal-preżent tfakkar fl-apatijia u fl-indifferenza attwali quddiem ġrajjiet imgħoddija li sawruna u li nsejna kompletament:

“Sono rimasti soltanto ricordi,

e terra morta.”

Stil:

Omar Seguna mill-ewwel jagħti dimensjoni spazjali lill-poeżija tiegħu: huwa fis-salott fejn se jiddiskuti mal-qarrej kwistjonijiet differenti permezz tal-versi tiegħu. ’Il quddiem joħodna wkoll fil-kamra tal-ikel u fil-ġnien. Dan tal-aħħar huwa l-ispazju fejn il-poeta jħossu ħieles, sielem u jistieden ħdejh lill-maħbuba tiegħu. Il-qarrej mill-ewwel jinduna wkoll bil-laqta viżiva li Seguna jagħti lil uħud mill-poeżiji tiegħu, u dan permezz tal-poeżija konkreta u tal-vers projettiv. Apparti l-użu tal-vers ħieles, hija qawwija l-esperimentazzjoni bil-kelma kif tidher iswed fuq l-abjad tal-paġna. Però, hawn tidħol l-idea ta’ “ekwivoċità” li Mario Azzopardi jsemmi fl-introduzzjoni: Seguna xi minn daqqiet iħaddem ukoll il-kwartina, ir-rima mqabbża, il-prosodija u anki xbihat tradizzjonali. Mela f’antoloġija poetika bħal din insibu tlaqqigħ bejn l-antik u l-ġdid, bejn it-tradizzjoni u l-modern.

Stilistikament Seguna juża numerali, parenteżi mhux tas-soltu u simboli oħrajn li jintrabtu mal-formoli matematiċi, abbrevjazzjonijiet u sigli li naraw jew nissubixxu (bla ma rridu) kull waqt, ladarba ’l barra mid-“dar”. Fil-versi fejn jaħkem l-element soċjali Seguna joqrob ħafna lejn il-poeproża. B’Kull Rispett... (bir-Rispett Kollu) niltaqgħu ma’ stil, lessiku u ritmu li jfakkar f’poeżija bħal Monologu mill-Gżira tal-Isponoż ta’ Daniel Massa jew fil-poeproża ta’ Victor Fenech. Fit-tħaddim tal-lessiku Seguna jħobb juża apposta kliem jew frażijiet klixè li jħobbu jħaddmu l-politiċi, il-partiti, il-mezzi tal-komunikazzjoni u l-establishment in ġenerali. L-esperimentazzjoni grafika tkompli permezz ta’ kliem imwaħħal ma’ xulxin mingħajr l-ispazju tradizzjonali bejn kelma u ta’ warajha, kliem miktub anki vertikalment jew li jifforma għamliet jew xbihat differetni fuq il-karta bajda. Hekk, il-poeżija Minn Ġewwa Nett titqiegħed f’erba’ kaxxi konċentriċi, miktuba b’ittri ta’ daqsijiet differenti. Grafikament toħroġ miċ-ċentru għall-perimetru bħalma l-ħsieb jitwieled fuq ġewwa biuex wara joħroġ ’il barra. Hemm l-idea tal-poeżija introspettiva li tiġi rrappreżentata anki grafikamnet fuq il-paġna bajda. Hemm saħansitra poeżiji miktubin rashom ’l isfel, versi oħra li trid taqrahom b’mera quddiem il-ktieb. Taraġ ’il Fuq tingħata l-għamla ta’ taraġ, filwaqt li Siġra tinkiteb f’għamla ta’ siġra.

Hemm ukoll il-partijiet impoġġijin bejn il-virgoletti li jirriflettu partijiet minn diskors li l-poeta donnu ma jinsa qatt, imma fl-istess ħin diskors klixè li jsir mill-bosta. Hemm ħafna spazji bojod jew li jitħallew vojta apposta biex jistiednu lill-qarrej jieqaf, jaħseb u jixtarr dak li qara. Seguna jislet ukoll mil-lingwaġġ jew diskors virtwali li jsir waqt ic-chat u jara f’fenomenu bħal dan theddida kontra wliedna.

Għeluq:

24, Triq Ħad-Dwieli ta’ Omar Seguna huwa wkoll prova ċara li hemm sens ta’ kontinwità u mhux qtugħ bejn il-poeżija li nkitbet fl-ewwel nofs tas-seklu 20, dik tat-tieni nofs tas-seklu 20 u fl-aħħar nett dik li qed tinkiteb illum fil-bidu tat-tielet millennju. Din il-ġabra ta’ poeżiji hija akkumpanjata wkoll minn cd li fih wieħed isib bħal e-book fejn ikun jista’ jisma’ l-poeżiji moqrija fuq il-kompjuter filwaqt li jsegwi t-test tagħhom akkumpanjat mid-dimensjoni fotografika. Poeżiji oħrajn huma akkumpanjati minn vidjows marbutin mat-tema. Din l-idea tkompli torbot il-prodott poetiku ta’ Omar Seguna mad-dinja moderna tat-teknoloġija informatika li tgħin iktar milli ttellef lill-bniedem modern fl-apprezzament tiegħu tal-letteratura.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment