Monday, August 29, 2011

IL-VĠILI TAL-GĦID F’SAN PIETRU – ĠWANNI PAWLU II

Traduzzjoni ta’ Fabian Mangion, Pubblikazzjoni Reliġjon u Ħajja, 2011.

Isem Fabian Mangion illum mhux ġdid fil-qasam tal-pubblikazzjonijiet. Is-sena 2010 rat żewġ pubblikazzjonijiet tiegħu bl-isem ta’ L-Aħħar Ikla fil-Lateran – Ġwanni Pawlu II (traduzzjoni tiegħu mit-Taljan, pubblikazzjoni RUĦ), u Xbihat Qaddisa fit-Toroq tal-Isla.

Din is-sena RUĦ qed tippubblika traduzzjoni oħra mill-pinna ta’ Mangion, bl-isem ta’ Il-Vġili tal-Għid f’San Pietru, u li tiġbor fiha s-sebgħa u għoxrin omelija (daqs in-numru ta’ snin kemm dam Papa) tal-Papa waqt il-vġili ta’ Sibt il-Għid. Dan hu ktieb ta’ 125 paġna, bi “Preżentazzjoni” tal-Arċisqof Emeritus ta’ Malta, Ġużeppi Mercieca, u b’ “Daħla” tal-istess traduttur.

Il-vġili jinftehmu bħala “stennija” tal-qawmien ta’ Kristu mill-mewt. It-traduttur jikteb hekk dwar Papa Ġwanni II: “L-umanità ta’ tmiem it-tieni millennju u tal-ftuħ tat-tielet millennju sabet fih patrijarka.” Ifakkar ukoll li l-kliem tal-anġlu tal-qawmien kien ukoll il-motto ta’ dan il-Papa: “Non abbiate paura”, kliem li qal fl-Omelija tal-Bidu tal-Pontifikat tiegħu fit-22 ta’ Ottubru 1978. Fid-“Daħla” Mangion ifakkarna wkoll fl-aħħar jum li l-Papa għadda ħaj, jum iddedikat għat-talb, u anki fl-eluf li żaruh waqt il-velja tal-Papa mejjet. Mangion isejjaħ lill-Papa anki “missier bla preċedent u għalliem fil-fidi... bniedem kbir ta’ talb li għex f’komunjoni, intima u kostanti, mal-Mulej.”

Il-Vġili tal-Għid f’San Pietru jiġbor fih 27 omelija, mill-14 ta’ April 1979 sas-26 ta’ Marzu 2005, ftit qabel il-mewt ta’ dan il-Papa Pollakk. F’dan il-ktieb Mangion jinsisti ħafna fuq ir-rabta li minn dejjem Papa Ġwanni Pawlu II kellu ma’ Kristu, l-aktar waqt il-passjoni tiegħu. Qabel l-omeliji nnifishom insibu talba miktuba mill-istess Papa ddedikata lill-“Mulej Ġesù Msallab u Rxuxtat”.

Il-ktieb huwa wkoll mżewwaq b’21 xbieha (abjad u iswed) ta’ pitturi marbutin mat-tema tal-Irxoxt u xi episodji bibliċi oħra, xogħol ta’ artisti kbar bħal Rubens, Bellini, Gerard Seghers, Tiziano, Mantegna, La Farge, Lorenzo Lotto, Raffaele Sanzio, Tintoretto u oħrajn. Huma kollha xogħlijiet li jinsabu f’mużewijiet jew palazzi mifruxin f’pajjiżi differenti u li nħadmu bejn is-seklu 14 u żminijiet aktar reċenti.

Interessanti u mill-isbaħ huma l-omeliji fihom infushom, imsejsa fuq bosta siltiet mill-Bibbja, b’riflessjonijiet mill-Papa nnifsu, b’sentenzi u ċitazzjonijiet bil-Latin, u dawk kollha indirizzati lill-folol kbar li kienu jinġabru minn bosta pajjiżi differenti biex jisimgħu kliem il-Papa daqshekk maħbub, u li l-Papa nnifsu kien jindirizza bħala “Ħuti”.

Wieħed ma jridx jinsa bravura oħra, apparti l-messaġġ tal-Kotba Mqaddsa u kliem il-Papa; u din hija l-kapaċità tat-traduttur. Fabian Mangion b’sabar u b’sengħa jirnexxilu jwassal kliem il-Papa mit-Taljan permezz tal-isbuħija ta’ lsienna, l-Ilsien Malti, ilsien li llum nafu jħabbatha ma’ lsna ħafna ikbar minnu bħall-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż, l-Ispanjol u l-bqija. U dan għax bħala bażi għandu l-element Għarbi-Semitiku li maż-żmien tħallat ma’ elementi aktar moderni bħall-Isqalli, it-Taljan u l-Ingliż, biex b’hekk seta’ jimxi mal-ħtiġijiet ġodda tal-ħajja preżenti.

Dan hu ktieb li jintrabat partikolarment ma’ żmien il-Għid, imma faċilment jista’ jinqara bi pjaċir matul is-sena kollha. Huwa joffri opportunità biex il-qarrej jinġabar u jirrifletti, mela stedina biex japprezza l-ħajja, is-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-salib u b’hekk ikun iktar ferħan.

Patrick Sammut

1 comment:

  1. Thanks for sharing, nice post! Post really provice useful information!

    🔰 Black Friday 2020 diễn ra vào ngày 27/11/2020, bạn đã sẵn sàng nhập cuộc chưa?! Dịp này, khách hàng yêu thích shopping lại tận hưởng những đợt "SALE GIÁ SỐC" theo đúng nghĩa. Hầu hết các cửa hàng, website TMĐT liên tục đưa ra các chương trình sale lên đến 90%. Cùng chờ đón và sở hữu những Hot Deals Black Friday có 1 0 2 dịp Sale được đón chờ nhất trong năm nhé. Chi tiết Hot Deals Black Friday 2020 tại đây: https://www.facebook.com/TopKhuyenMaiBlackFriday/

    ReplyDelete