Monday, August 29, 2011

MA’ MARIJA IMMAKULATA FI PJAZZA DI SPAGNA – Ġwanni Pawlu II

traduzzjoni ta’ Fabian Mangion, Pubblikazzjoni Preca, 2011

Ir-rabta tat-traduttur Fabian Mangion mal-Papa Ġwanni Pawlu II kompliet tissaħħaħ b’pubblikazzjoni ġdida oħra bl-isem ta’ Ma’ Marija Immakulata fi Pjazza di Spagna, u dan proprju fis-sena tal-beatifikazzjoni tal-Papa Pollakk. Fih jiġbor is-27 talba tal-Papa għas-Solennità tal-Immakulkat Konċepiment tal-Imqaddsa Verġni Marija, kif jgħid is-sottotitlu ta’ dan il-ktieb ta’ 112-il paġna.

Din il-pubblikazzjoni tiftaħ bi “Preżentazzjoni” tar-Rev. Dr. Hector Scerri, Lettur tal-Marjoloġija fl-Università ta’ Malta u President tal-Kummissjoni Teoloġika Interdjoċesana, u tal-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana, u b’“Daħla” tal-istess traduttur. Hawn insibu miġbura l-ġabra sħiħa tat-talbiet li għamel Papa Ġwanni Pawlu II quddiem l-istatwa ta’ Marija Immakulata li hemm fi Piazza di Spagna, Ruma. Kif jgħid ir-Rev. Scerri, din “hija l-ewwel darba li dawn is-siltiet Marjani qed jidhru bi lsien art twelidna.”

Fil-“Prezentazzjoni” naqraw li Karol Wojtyla kellu rabta speċjali u filjali mal-Verġni Mbierka sa minn meta kien żgħir, u kif sar Papa ried li fuq l-istemma tiegħu ikollu l-ittra “M” (għal Marija), u l-kliem Totus tuus (Kollni tiegħek), bħala xhieda tal-konsagrazzjoni tiegħu lil Omm Alla. Din il-ġibda tiegħu lejn Marija Immakulata kompliet tispikka mill-fatt li matul il-vjaġġi tiegħu qatt ma kien jitlef opportunità li jżur xi santwarju Marjan. Fosthom żar il-Madonna ta’ Guadaloupe fil-Messiku (1979), il-Madonna ta’ Lourdes (2004) u anki is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa, il-Bażilika-Santwarju ta’ Pinu u l-Katidral f’Għawdex (1990). Ir-Rev. Scerri jikteb ukoll li permezz ta’ dan il-ktieb il-qarrej jingħaqad flimkien mal-Papa biex jgħanni l-qdusija u l-ġmiel ta’ Marija. Ikompli hekk: “[Il-Papa] ipoġġi quddiemha l-weġgħat tal-umanità, l-inkwiet, il-gwerer, kif ukoll it-tamiet tiegħu, għax bit-tnissil u l-miġja ta’ dik li kellha tkun Omm l-Iben t’Alla magħmul bniedem, feġġet tama ġdida għad-dinja”. Ifaħħar ukoll lil Fabian Mangion li qaleb b’attenzjoni u b’ħila dawn it-talbiet għall-Malti.

Id-“Daħla” tat-traduttur hija interessanti u dettaljata. Fl-ewwel parti Mangion jagħtina tagħrif dwar il-figura ta’ Marija u l-istorja tal-venerazzjoni li l-bniedem dejjem wera lejha, u anki ta’ kif il-Madonna ġiet iddikkjarata Immakulata, mela meħlusa mid-dnub tan-nisel. Hekk jikteb Mangion dwar Marija: “Marija kkoperat ma’ Alla f’dak kollu li hu ried minnha. Bir-raġun għalhekk il-Knisja tħares lejn Marija bħala l-membru l-aktar għoli u waħdieni tagħha u bħala mudell l-aktar perfett ta’ ħajja Nisranija.” Fit-tieni parti Mangion jikteb dwar l-imħabba tal-Papa lejn Marija Immakulata sa minn ċkunitu. Huwa jikteb hekk: “...il-Papa Ġwanni Pawlu II. Iż-żagħżugħ seminarista klandestin, dejjem żamm ktejjeb miegħu waqt li kien jaħdem fi Krakovja. Dan il-ktejjeb kien jismu Il-Vera Devozzjoni lejn l-Imqaddsa Verġni Marija, miktub fl-1712 mill-qaddis Franċiż San Luiġi Maria Grignon de Montfort.” Mangion isemmi wkoll is-sena Marjana, l-enċikliki u l-ittri appostoliċi f’rabta mal-Immakulata, imma anki l-jum ikrah tat-13 ta’ Mejju 1981 meta sar attentat fuq il-ħajja tal-Papa Ġwanni Pawlu II, “fil-jum u fis-siegħa li fih il-Verġni Marija dehret f’Fatima 64 sena qabel.”

Ma’ Marija Immakulata fi Pjazza Di Spagna jiftaħ b’omelija li l-Papa għamel fit-8 ta’ Diċembru 1979 fl-ewwel żjara li għamel bħala l-Isqof il-ġdid ta’ Ruma fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore u jkompli bis-26 talba li l-istess Papa kien jagħmel kull sena f’riġlejn il-monument tal-Immakulata fi Piazza di Spagna, Mangion qaleb dan kollu mit-Taljan kif jinsab fuq is-sit elettroniku tal-Vatikan.

Dawk tal-Papa Ġwanni Pawlu II huma kollha talbiet li jikxfu l-umiltà, il-profondità ta’ ħsieb, l-għerf u d-devozzjoni tiegħu lejn l-Immakulata, li huwa jsejħilha “Omm tal-Verb Etern”, “Omm ta’ Kristu”, “Omm Immakulata”, “Verġni ta’ Nażaret”, “Omm ta’ Alla u tal-bniedem”, “Omm il-Feddej”, “Omm tar-Redentur”, “Sultana Immakulata”, “Għarusa tal-Ispirtu s-Santu”, “Salus Populi Romani”, “Sultana tal-Paċi”, u l-bqija. It-talbiet huma f’ċertu sens anki djarju tal-vjaġġi li l-Papa għamel matul is-snin.

Il-ktieb hu wkoll imżewwaq b’14-il pittura (abjad u iswed) ddedikati lill-figura tal-Immakulata Kunċizzjoni, xogħol artisti bħal Tiepolo, Piero di Cosimo, Rubens, Murillo, Mateo Cerezo, El Greco, Guido Reni u oħrajn, u li nħadmu sa mis-seklu 15, bil-parti l-kbira marbutin mas-seklu 17. Kollha jinsabu f’mużewijiet, knejjes jew kollezzjonijiet privati mifruxin mad-dinja kollha.

Dawk li Fabian Mangion jaqleb għall-Malti huma kollha talbiet li jtulu bejn it-tnejn u l-erba’ paġni massimu. Mill-ġdid huma okkażjoni biex il-qarrej jieqaf ftit mill-ġirja tal-ħajja u jiddedika ftit ħin għar-riflessjoni u għat-talb, f’dan il-każ talb mill-isbaħ u modern mill-pinna tal-Papa Pollakk, maħbub minn miljuni ta’ nies ta’ nazzjonalitajiet u anki ta’ twemmin differenti. Huma wkoll talbiet (issa maqlubin għal ilsienna) li jgħinuna niftakru u nħobbu lil dan il-Papa li żar lill-gżejjer tagħna darbtejn.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment