Saturday, August 21, 2021

Imħabba lejn l-Umanità - (Rajender Krishan, Il-Vanġelu ta’ Amma, tradott mill-Ingliż għall-Malti minn Patrick J.Sammut, Malta, 2021)

 

KITBA TAL-PROF. CHARLES BRIFFA


Hawnhekk għandna x’naqsmu ħafna ma’ relazzjoni intertestwali komplementari.

 

Rajender Krishan Chowdhry (1951- ) huwa poeta Indjan issetiljat New York. Studja għall-matrikola f’Punjab University u għadda biex iggradwa minn Delhi University, l-Indja. Ħadem ħafna fil-farms tat-tiġieġ, fil-marketing, u fil-qasam tal-propjetà. Fl-1989 emigra għall-Istati Uniti u ssetilja fi New York ma’ martu Meera Chowdhry u ż-żewġ uliedu, Anmol u Chandrika; illum huwa nannu ta’ erbgħa. Jemmen fil-kelma ħielsa u jħobb ħafna l-poeżija; u bħala interessi għandu wkoll il-fotografija u l-arti viżwali. Jaqsam ħsibijietu ma’ kittieba oħra permezz tal-website tiegħu Boloji.com. Kiteb, fost oħrajn, Amma’s Gospel (2020), u Niloufer Wadia pinġiet l-illustrazzjonijiet f’din il-ġabra u hekk tat l-interpretazzjoni artistika tagħha għal kull poeżija biex isseddaq u tħeġġeġ il-ħajja tal-kliem.

 

Amma (jew nanna) hija twaħħida ta’ sliema, sedqa, sabar, u saħħa li jwasslu għal tjieba li dejjem jistħoqqilha ġieħ. Wara li nqasmet l-Indja fl-1947, Amma sfat “migranta f’pajjiżha stess” (p.16) u kellha, bħal ħafna oħrajn, tbati ħajja iebsa. Għal Rajender Krishan Amma’s Gospel huwa għarfien ta’ ġieħ lejn nanntu Shrimati Ratan Devi (1900-1982). Imma minkejja l-iebes tal-ħajja, ix-xwejħa baqgħet iżżomm sħiħ fit-twemmin tagħha f’Alla: “Il-Wieħed li hu dejjem miegħi / dubju m’għandix, Dak jaf.” (p.16, Amma Ji) Il-kunċett ta’ Alla, hawnhekk, jidħol fih kollox u kulħadd: huwa kunċett universali u mhux marbut ma’ xi twemmin partikulari. Huwa kunċett li lil Amma wassalha għall-bixra pożittiva ta’ moħħha, u l-poeta jsaħħaħ din il-bixra bit-tennija spissa tal-prinċipji li jibdew bil-kliem “Ħobb lilek innifsek / billi tkun onest miegħek innifsek” – prinċipji li juru modi kostruttivi, prattiċi, xirqin, siwjin, u mimlijin tama. Kull meta jkollu xi diffikultà f’ħajtu, il-poeta jsejjaħ lil Amma u f’qalbu jisma’ t-tweġiba tagħha li tmexxih sabiex jiddilja mal-qagħda diffiċli li jkun fiha b’mod prudenti. Rajender Krishan ta ħajja lil Amma (nanntu) u t-tagħlim tagħha bil-poeżiji tiegħu. Il-ġabra ta’ dawn il-poeżiji turi lil Amma bħala qawwa li tmexxi lill-poeta lejn it-triq it-tajba. Għalih ix-xwejħa Amma (bi spirtu ta’ omm) hija għelm ta’ ġabra għal kulħadd biex ikun hemm armonija u umiltà. Iħeġġeġ l-imħabba lejn l-umanità f’dinja kollha għawġ u fi żmien ikkowvidjat.

 

Għalih il-ħajja hija wisq sabiħa u jħobb jimraħ fiha u jiskopriha. Dan il-ktieb tal-poeżiji tiegħu aħjar taqrah milli titkellem fuqu (għax huwa esperjenza), inkella trid titkellem fuq kull kelma ta’ kull vers ta’ kull poeżija. Wisa’ għal dan m’għandix u għalhekk ħa ngħid xi ħaġa fuq li għamel Patrick J.Sammut (1968-), imma dak li se ngħid irid jittieħed fil-kuntest sħiħ tal-ġabra.

 

Sammut ittraduċa mill-Ingliż Amma’s Gospel. U wieħed jistaqsi: kien hemm għalfejn Sammut jittraduċi test sors bl-Ingliż għall-Malti, meta hawn Malta l-Ingliż huwa t-tieni lingwa tagħna u aħna nifhmu sew bl-Ingliż? Kieku rridu naqraw lil Rajender Krishan Chowdhry jaqblilna naqrawh bl-Ingliż, għax dak huwa l-oriġinal u nafu li traduzzjoni dejjem għandha element ta’ interpretazzjoni. Allura x’kien l-għan lingwistiku ta’ Sammut? Kif nifhmu jien, dan l-għan kien li juri l-qawwa tal-Malti meta jiġi biex jispjega l-għożża u l-imħabba għall-bniedem fi żmien diffiċli (bħalma hu ż-żmien ikkowvidjat) u fis-soċjopless kontemporanju.

 

Maħkum mill-ispirtu mwiegħer fi żmien il-pandemija u konxju sew ta’ kull ċalinġ postmodern, it-traduttur ried iferra’ nifs u hewwa fl-ambjent Malti bil-qawwa tat-tjubija fil-ħajja umana. U ħaddem l-istrateġiji tat-traduzzjoni li kienu available għalih – fosthom id-domestikazzjoni u l-forinizzazzjoni. Ngħidu aħna, iddomestika meta fil-poeżija Life il-vers sors This four-letter word ittraduċih fil-verżjoni tiegħu Il-Ħajja bħala “Din il-kelma ta’ ħames ittri” (p.98) – b’hekk Sammut żamm il-valur tal-lingwa targit u assimilah mat-test barrani. Mill-banda l-oħra, Sammut jifforinizza t-test tiegħu billi jħalli xi termini bl-Indjan; u dan jagħmlu sabiex lill-qarrejja Maltin targit tiegħu jagħmilhom konxji tal-qasma li hemm bejn il-kultura tagħhom u dik tal-oriġinal – fl-aħħar imbagħad jagħti xi spjegazzjonijiet ta’ xi wħud minn dan il-kliem. Barra minn hekk, ikun qed iħaddem l-etika tat-traduzzjoni ċentrifugali għax iħalli l-element barrani jibqa’ viżibbli – it-traduzzjoni etnoċentrika m’hawnx postha hawn.

 

Bosta drabi t-traduttur ifittex ekwivalenza funzjonali – jiġifieri, it-termini tat-test targit ikollhom (bejn wieħed u ieħor) l-istess relevanza tat-termini korrispondenti tagħhom fit-test sors. Nieħdu l-ewwel poeżija tal-ġabra, Om (p.12). Il-kelma Om tħaddan fiha simbolu spiritwali fir-reliġjonijiet Indjani. Il-qofol tagħha jfisser realtà u għarfien aħħarin; u fid-daħla tiegħu Sammut jorbot Om, omm, u Amma b’rabta evidenti fonetikament u semantikament (p.4). F’din il-poeżija qasira nsibu l-kobor u l-qawwa tal-kelma meta l-poeta fl-oriġinal jgħid: Om / The Only Verse / Manifesting eternally / The Universe. U t-traduttur jaqlibha b’din is-silta: “Om il-Vers Waħdieni / li jberraħ għal dejjem / l-Univers” (p.12). Jiġifieri, it-traduttur jagħżel l-ekwivalenza konnotattiva (manifesting = “li jberraħ”) fi ħdan l-ekwivalenza denotattiva tal-bqija tat-termini  (The Only Verse = “il-Vers Waħdieni”; eternally = “għal dejjem”; The Universe = “l-Univers”). It-terminu manifesting jikkolloka mentalment ma’ ċarezza għall-għajn jew għall-moħħ u jimplika xi ħaġa li tiġi tidher sew – f’kuntest paranormali hemm ukoll rabta ma’ xi ħares. It-traduttur seta’ nqeda bil-verb “jimmanifesta”, imma fil-kuntest psikoloġiku tal-ġabra ried aktar wisa’ biex l-ekwivalenza tkun aktar dinamika għax il-verb “iberraħ” iqanqal assoċjazzjonijiet mhux ma’ jimmanifesta biss, imma anki ma’ jperreċ, jikxef, jagħmel ċar, u jagħmel evidenti.

 

Fil-poeżija li ġġib l-isem Amma (p.44-45) il-poeta jitkellem fuq il-mistiċiżmu ta’ Amma, u filosofikament meta jara li Death is inevitable (“Il-mewt hi inevitabbli”) il-parir (għall-bniedem) li jasal minn dan l-għarfien huwa: sleep with gratitude / for the ultimate dawn (“orqod bi gratitudni / għall-aħħar żerniq”). Li ġibidli l-attenzjoni tiegħi fit-traduzzjoni huwa n-nom “żerniq” (dawn). It-traduttur seta nqeda b’xi terminu ieħor (eż. sebħ, tbexbix); imma l-għażla tiegħu ta’ “żerniq” kelli nirrifletti fuqha. U fhimt li n-nom “żerniq” jassoċja ruħu ma’ xħit ta’ mrieżaq żoroq filgħodu, u l-blu tal-għodwa rajtu jintrabat simbolikament mas-sema ċar u l-baħar kalm: iċ-ċarezza u l-kalma f’dan il-messaġġ filosofiku jidħlu sew fil-ħdan kuntestwali tal-ġabra sħiħa. Fit-traduzzjoni wkoll kelma tenkapsula “l-eżistenza assoluta” (Kelma, p.42).

 

Dan ifisser li r-relazzjoni intertestwali qed tiġi megħjuna u mwieżna mill-kultura lingwistika Maltija.

 

It-traduzzjoni ta’ Sammut hija, mela, orjentata lejn il-funzjoni ta’ komunikazzjoni interkulturali, u fl-għemil translatorjali tiegħu jipproduċi test targit li għandu ħila jiffunzjona fis-sitwazzjoni Maltija – sitwazzjoni li hi parti mill-qagħda dinjija kkowvidjata. It-traduttur donnu impenjat unilateralment lejn il-qagħda targit għax l-għan tematiku tiegħu (kif tani x’nifhem mid-daħla tiegħu) huwa primarjament il-messaġġ universali biex il-bniedem jibqa’ jemmen u jinsisti fuq l-elementi pożittivi tal-ħajja tagħna (p.3). Bħala komunikatur, Sammut it-traduttur qiegħed f’ċentru kruċjali tal-katina ta’ komunikazzjoni min-nissiel oriġinali għal-laqqiegħ aħħari tal-messaġġ, u hekk jinsab fi ħdan il-kuntest soċjali l-wiesa’. Ir-responsabilità etika ta’ dan it-traduttur tiddependi fuq it-transfer xieraq tal-messaġġ transkulturali.

 

It-tagħlim ta’ Amma jiswa għal kull żmien, għal kull ġens, u għal kull qagħda. Dawn il-poeżiji ta’ Rajender Krishan iressqulna t-tifwir intellettwali ta’ bniedem sempliċi, fidil, umli, ġentili, sadiq, u onest f’ħajtu. Huwa poeta Indjan immexxi mill-għaqal ta’ nanntu. U t-traduzzjoni għall-Malti qiegħda turi li l-bixriet ta’ dan l-għaqal jiffittjaw sew fil-kultura tagħna għax għandna l-lingwa biex nispjegawh. U Patrick J.Sammut iressaq ħsibijiet ġejjin minn reliġjonijiet Indjani, u jressaqhom quddiem l-udjenza targit tiegħu mdorrija f’kultura Kattolika; u nsibu li hemm bosta qbil fil-kuntest ta’ dan il-vanġelu ta’ mħabba. It-traduzzjoni tiegħu għandha effett li jagħti l-ħeġġa lill-ħsieb Malti u tbexxqilna tieqa fuq għarfien kulturali li jista’ jsaħħaħ il-psikoloġija (jew is-sens spiritwali) tagħna.

 

 

No comments:

Post a Comment