Saturday, August 21, 2021

Patrick Sammut: L-Istudji Kritiċi. Editur: Andrew Sciberras, 2021


Dr Andrew Sciberras issokta jiġbor fi ktieb wieħed ix-xogħlijiet ta’ awturi differenti; l-aktar fejn tidħol il-kritika. Is-sena l-oħra, tana fost l-oħrajn Studji Kritiċi ta’ Tarċisju Zarb u Charles Briffa.  Issa kien imiss lil Patrick Sammut.

Kull min hu midħla tal-Letteratura lokali jaf tajjeb min hu Patrick Sammut. Barra milli huwa poeta u prożatur bravu hu wkoll kritiku serju. Dan qed ngħidu bi provi ċari kif il-qarrej jista’ jara f’dan il-ktieb voluminuż. Jien nasal biex nittimbra kritiku b’dan il-mod meta narah iħares l-ewwel u qabel kollox lejn il-ktieb li jkollu f’idu, imbagħad lejn l-awtur tiegħu.

 

U dan qed ngħidu b’responsabbiltà għax għaddejt minnu jiena stess. Patrick u jien ilna ħbieb għal bosta snin. Imma meta tajtu f’idejh ktieb tiegħi għall-kritika ma qagħadx iġib dan quddiem għajnejh, imma kien sinċier u stqarr bla tlaqliq dak li emmen fih. Fil-fatt, kif wieħed jistenna wara kollox, kien hemm punti li ma qbiltx magħhom, imma għaraft is-sinċerità u s-serjetà tiegħu u apprezzajtu ħafna u għadni napprezzah. Għadni nqisu bħala wieħed mill-aħjar kritiċi li għandna u li qatt kellna f’pajjiżna.

 

Jiena ċert li Sammut għandu fih ħażna kbira ta’ tagħlim li ġabar anke barra minn xtutna. Huwa qara u studja ħafna. Għadda żmien jistudja l-Italja u rebaħ saħansitra l-istima ta’ professuri Taljani f’dan il-qasam. Barra minn hekk, huwa għalliem tal-Malti u tat-Taljan fi skola sekondarja u allura bilfors li jrid jipprepara u jżomm ruħu aġġornat dwar dak li jseħħ fil-qasam letterarju globali. Dan kollu wieħed jasal għalih kemm-il darba jsegwi r-rivista elettronika “Il-Pont” ippubblikata minnu nnifsu sa mill-2012.

 

Araw ftit il-Credo tiegħu dwar il-kritika letterarja.

 

L-analiżi kritika ta’ test letterarju, li jista’ jkun rumanz, novella, dramm jew poeżija, jiena nħobb inqabbilha ma’ awtopsja li ssir fuq bniedem. Fis-sens li trid ‘tqatta’’ l-ħaġa studjata biċċa biċċa ħalli tifhem minn xiex inhi magħmula u wara terġa’ tgħaqqadha f’ħaġa sħiħa. B’hekk, il-qarrej jasal biex jagħraf dawk il-kurrenti ta’ taħt u moħbijin li jkun hemm fiha.

 

Ma’ dan jaqbel ukoll l-Editur Dr Sciberras kif jistqarr fl-Introduzzjoni: It-Test Ikellimna. U kif tista’ ma taqbilx! Inħeġġeġ lill-qarrej jaqra l-Introduzzjoni ta’ Sciberras għax tinkludi diversi punti interessanti ħafna. Wara kollox, Sciberras innifsu huwa wieħed mill-aħjar kritiċi moderni kontemporanji li qatt ipproduċa pajjiżna.

 

Il-ktieb jgħarbel ix-xogħlijiet ta’ 40 awtur. Kollha awturi ta’ żmienna. Poeti u prożaturi. B’hekk, il-qarrej għandu f’idejh stampa wiesgħa tal-letteratura Maltija kontemporanja. L-awturi mhux kollha għandhom l-istess numru ta’ kotba ladarba Patrick Sammut jagħti prijorità lil dawk il-kotba li jintbagħtulu, imma mhux biss. Għalkemm bħalma jsostni l-Prof. Charles Briffa mal-ktieb bilfors trid tħares ukoll lejn il-kittieb, imma l-qofol tal-kritika trid tiffoka fuq ix-xogħol stampat. Dan jgħodd għal kull xogħol artistiku li hu mera tal-ħallieq tiegħu kif ukoll taż-żmien li fih ikun sar. 

 

Ma rridx ninsa nsemmi l-Antoloġija “Raddiena ta’ Lwien” li l-Għaqda Poeti Maltin kienet ippubblikat biex tfakkar l-40 sena mit-twaqqif tagħha u li fiha kienu ħadu sehem 39 poeta b’87 poeżija. Patrick Sammut jikteb ukoll dwarha u jittratta d-diversi temi u stili tax-xogħlijiet li tħaddan. Ta’ min ifakkar li L-Għaqda Poeti Maltin kienet twaqqfet f’Diċembru 1975.

 

Interessanti huma l-Istudji dwar is-seba’ awturi barranin. Dawn huma Edmondo  de Amicis, Lou Drofenik, Umberto Eco, Deborah Ellis, Tim Willocks, Krishan Rajender u Khaled Hosseini. Mad-daqqa t’għajn wieħed jinduna li dawn il-kittieba mhux biss ġejjin minn pajjiżi varji, imma anki minn żminijiet diversi. Ta’ min jinnota li anke t-temi huma differenti. Hekk ngħidu aħna filwaqt li l-awtriċi Deborah Ellis fil-ktieb tagħha “The Breadwinner” tittratta t-tbatija tat-tfal fi żmien il-gwerra; Lou Drofenik fil-ktieb “Beloved Convict” teħodna lura f’partijiet mill-istorja ta’ pajjiżna.

 

Għandna wkoll żewġ kitbiet bijografiċi kemm dwar Patrick Sammut kif ukoll dwar Andrew Sciberras.  Ma’ kull ktieb ittrattat hemm ritratt tal-qoxra kkulurita tiegħu.

 

Fil-flaps tal-ktieb insibu numru ta’ Ħajku miktubin minn Sammut innifsu.

 

Sadattant, dawk interessati jistgħu jikkuntattjaw kemm lil Patrick Sammut kif ukoll lil Andrew Sciberras fuq dawn iż-żewġ Emails rispettivi: 

 

sammutpatrickj@gmail.com u andrewsciberrasartist@gmail.com


KITBA TA' ALFRED MASSA

 

 

___________________________________________

 

No comments:

Post a Comment