Saturday, August 21, 2021

Patrick Sammut. Leħħiet. Ġabra ta’ poeżiji (2012-2020) Produzzjoni: Andrew Sciberras. Progress Press 2021. ISBN: 978-9918-0-0016-6. Paġni: 113

 Kull bniedem matul ħajtu jgħaddi minn ċerti esperjenzi partikolari li wħud minnhom donnhom jibqgħu stampati f’moħħu aktar minn oħrajn.  Iżda mhux kull bniedem kapaċi jintebaħ b’dawn il-leħħiet li jolqtuh ġieli bħal sajjetti fil-bnazzi. Irid ikun poeta biex dak li jgħaddi minnu jġorru miegħu għal numru ta’ snin, jekk mhux ukoll għal għomru.  Dan aktarx minħabba s-sensibiltà li l-poeta għandu magħġuna miegħu.

    Ġa rajna lil Patrick Sammut jikteb f’oqsma oħra tal-letteratura.  Rajnieh kemm bħala prożatur, kritiku, saġġista u anki poeta.  Ma ninsewx is-sehem li Sammut ta fit-tmexxija tar-rivista Versi (Leħen l-Għaqda Poeti Maltin).  Illum huwa l-edftur tar-rivista virtwali Il-Pont.   Permezz ta’ Dr Andrew Sciberras ftit ilu wasal f’idejna ktieb voluminuż li jħaddan għadd ta’ kritika ta’ kotba li għaddew mill-iskrutinju t’ dan il-kittieb.

  Issa waslet il-Ġabra poetika tiegħu bl-isem Leħħiet. Ġabra li tħaddan mal-40 poeżija minsuġin bejn l-2012 u l-2020.  Bħala kittieb Sammut huwa osservatur ta’ dak kollu li jseħħ madwaru, kif ukoll ħassieb dwar dak li jara quddiemu jew li jkun għadda minnu.  Ngħid għalija  l-aktar li laqatni f’din il-Ġabra hija s-sinċerità tal-poeta.  Dak li jħoss li għandu jgħidu, jgħidu bla tlaqliq u mingħajr tidwir mal-lewża.  Donnu ftakar fil-qawl Ċiniż li il-poeta għandu dejjem jgħid il-verità.

  Il-kritika tal-poeta hi r-ritratt ta’ dak li jkollu quddiemu; hi frott ix-xewqa għas-sewwa.  Mhix kritika distruttiva, imma pjuttost kostruttiva. Fil-fehma tiegħi f’dan il-każ, kollox hu bbażat fuq żewġ kelmiet: iż-żmien u l-imħabba.  It-tnejn huma importanti fil-mixja li l-bniedem jagħmel fuq din l-art.

   Id-dimensjoni tal-żmien tgħinu jħares lejn il-preżent bħala l-aktar importanti.  Dan ifisser li Patrick Sammut iħossu kuntent bil-preżent li għaddej minnu?  It-tweġiba jagħtihielna f’diversi poeżiji bħal L-Olokawst tas-Siġar,  U  Ġġarrfet it-Tieqa u  Le Norqod; kollha versi li jikkundannaw il-qerda tal-ambjent li qiegħda sseħħ f’pajjiżna quddiem poplu xurban, poplu li jibqa’ passiv u sieket quddiemha.  Hawn tidħol il-poeżija satirika Fuq dan l-Iskoll.

    Dan donnu jimbotta lill-poeta biex imur lura fiż-żmien.  Dikment jinbet fih sens ta’ nostalġija għall-imgħoddi.   Versi bħal Ma baqa’ Xejn,  Mena f’Tarf l-Isqaq, Ħsieb Innoċenti tal-Ħadd Imxarrab u Xi darba l-Blata kienet Bajda, kollha jitfgħu dawl fuq l-għażla ta’ Sammut bejn ilbieraħ u llum.    L-istess jista’ jingħad għall-mod kif iħares lejn il-qagħda preżenti tal-Kapitali ta’ pajjiżna, li jseħilha Belt muġugħa għall-qagħda li tinsab fiha.

  Patrick ma jonqosx li jikkundanna l-ipokresija li ssaltan fost uħud mill-poplu tagħna (1984 + 33).  Huwa jirreferi għall-ktieb 1984 tal-awtur ċelebri Ingliż George Orwell (1903-1950).  U dan kollu hu effett tal-ġirja sfrenata għall-voti tal-politikanti ( Aħmar Demm u Iswed Dlam). Effett ukoll għax il-poplu tagħna warrab il-valuri tal-imgħoddi u ntilef wara l-aħħar alla l-ġdid li ħoloq hu stess: Il-Flus!

   Sammut jemmen sħiħ fl-imħabba.  Imħabba f’sens wiesa’ tal-kelma.   Forsi dan jidher l-aktar fit-telfa ta’ ommu u ta’ zitu li trabba magħha. Il-versi Għalik, Posti Ħdejk, Tifkira u Tifkira 2 u Gallarija Mixgħula ifissru dan il-ħsieb b’mod ċar ħafna.  Imma l-imħabba ddur ukoll lejn martu (Mingħajrek), lejn il-poplu Palestinjan (Fil-Bitħa ta’ Gaża) u lejn kulmin qed ibati.  Bir-raġun kollu huwa jistenna żmien aħjar  (Rebbiegħa Splużjoni) kemm għalih kif ukoll għal uliedu. 

   Patrick Sammut f’din il-Ġabra jħaddem il-vers ħieles ħlief f’xi żewġ poeżiji biss.  Il-messaġġ tiegħu jipprova jwasslu b’mod ċar, ir-ritmu tal-vrus hu limitat ħafna.  Naturalment għax hekk titlob il-poeżija moderna. Il-Malti hu sabiħ bla użu ta’ kliem stramb jew mhux użat. 

   Il-ktieb għandu wkoll numru ta’ disinji marbutin ma’ wħud mill-poeżiji.  Dan barra żewġ Studji Kritiċi minn Ċisju Zarb u Andrew Sciberras.  Jinkludi wkoll bijografija dettaljata tal-poeta u kummenti qosra ta’ Flores, Friggieri u Briffa.

  Min hu interessat jakkwista kopja ta’ din il-Ġabra poetika miġbura fi ktieb ta’ daqs ħelu u bi preżentazzjoni sabiħa jista’ jikkuntattja lill-awtur fuq dan l-Email: sammutpatrickj@gmail.com

  ALFRED MASSA

 

 

No comments:

Post a Comment