Sunday, May 15, 2011

Paul’s Churches and Chapels on Malta and Gozo/ Il-Knejjes u l-Kappelli ta’ San Pawl f’Malta u Għawdex ta' Victor Mallia Milanes

Ktieb ieħor ferm interessanti jġib l-isem ta’ Paul’s Churches and Chapels on Malta and Gozo/ Il-Knejjes u l-Kappelli ta’ San Pawl f’Malta u Għawdex tal-Professur Victor Mallia-Milanes, u bi preżentazzjoni ta’ Mgr Alfred Xuereb, mis-Segreterija Partikolari tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedettu XVI. Anki dan ħareġ fl-2010 u huwa ktieb bilingwali, din id-darba bl-Ingliż u bil-Malti. Anki hawnhekk it-traduttur huwa Dr Joseph Axiaq u d-dar tal-pubblikazzjoni hija l-Libreria Editrice Vaticana, flimkien ma’ Reliġjon u Ħajja (ĊAK). Din hija pubblikazzjoni ta’ 153 paġna, megħjuna minn Biblijografija u Indiċi dettaljati, flimkien ma’ numru ta’ ritratti bil-kulur marbutin mal-kult Pawlin fil-gżejjer tagħna.

Dan hu ktieb li jorbot flimkien l-Istorja mal-Arti. Hekk jikteb l-awtur fid-Daħla: “L-istorja u l-arti huma żewġ attributi li f’dan il-każ huma interdipendenti, wieħed jirrifletti lill-ieħor. Kollox ma’ kollox, il-viżjoni artistika hija estensjoni tal-imgħoddi kollettiv tal-gżejjer. Kull żmien, bid-diversità tiegħu, ħalla l-wirt tiegħu kemm fil-qasam kulturali kif ukoll f’dak artistiku. Dan il-fenomenu huwa muri b’mod ċar ħafna fil-knejjes u l-kappelli li nsibu mifruxa kullimkien fil-gżejjer, fiċ-ċentri urbani u fil-kampanja. Għar-raġuni ewlenija ta’ dan ix-xogħol, sa niffoka biss fuq dawk is-santwarji, kbar u żgħar, li huma ddedikati lil San Pawl li maż-żmien, forsi qatt ma aħna se nkunu nafu bl-eżatt meta, inħatar ukoll Qaddis Patrun tal-Istat Malti.

Għaldaqstant huwa l-għan ta’ dawn il-paġni li joffru ħarsa ħafifa lejn din il-konverżjoni gradwali, jew aħjar trasformazzjoni spiritwali, kif tidher fil-bosta knejjes u kappelli li l-Maltin u l-Għawdxin bnew matul is-sekli u b’devozzjoni sinċiera ddedikaw lill-Appostlu San Pawl. Kull binja hija dikjarazzjoni storika interessanti, kif ukoll espressjoni arkitettonika u artistika ta’ din id-devozzjoni”.

Paul’s Churches and Chapels on Malta and Gozo/ Il-Knejjes u l-Kappelli ta’ San Pawl f’Malta u Għawdex jinqasam fi tliet taqsimiet ewlenin. L-ewwel taqsima ġġib l-isem “Il-Kuntest Pawlin”, u fiha Mallia-Milanes jittratta l-Valur tat-Tradizzjoni, in-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta u l-Knisja Primittiva f’Malta. Fit-tieni taqsima jiġu ttrattati “Il-Knejjes”: il-Katidral Metropolitan fl-Imdina; il-Knejjes Kolleġġjati ta’ San Pawl Nawfraġju fir-Rabat (Malta), u fil-Belt (Valletta); il-Knisja tal-Konverżjoni ta’ San Pawl f’Ħal Safi; il-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl Nawfraġju, fil-Munxar (Għawdex); u l-Bażilika tal-Martirji ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur (Għawdex). It-tielet taqsima mbagħad tittratta “Il-Kappelli”: tal-Miraklu tal-Lifgħa (San Pawl tal-Ħuġġieġa) f’San Pawl il-Baħar, u oħra f’Burmarrad; tal-Konverżjoni ta’ San Pawl f’Bormla u f’Birkirkara; ta’ San Pawl Nawfraġju f’Marsalforn (Għawdex) u f’San Pawl tat-Tarġa; u kappelli oħra mxerrdin fil-kampanja.

Anki dan il-ktieb jimmira għal iktar minn objettiv wieħed: huwa frott ta’ riċerka fih innifsu; iħajjar lil aktar barranin biex joqorbu aktar lejn il-wirt artistiku u arkitettoniku Pawlin fil-gżejjer tagħna; u jagħti opportunità lill-qarrej barrani biex jagħti daqqa t’għajn lejn ilsienna, u dan bis-saħħa tas-sabar ta’ traduttur bħal Dr. Joseph Axiaq li għax xogħol tiegħu ħaqqu prosit.

PATRICK SAMMUT

No comments:

Post a Comment