Sunday, May 15, 2011

San Ġorġ Preca, Mudell għal Ħajjitna ta' Pawlu Mifsud

San Ġorġ Preca, Mudell għal Ħajjitna (2010) ta’ Pawlu Mifsud, awtur u pubblikatur, hija pubblikazzjoni ta’ 133 paġna, u li ħarġet fl-okkażjoni ta’ Għeluq il-50 Sena mill-Miġja tal-M.U.S.E.U.M. tas-Subien fil-Fgura. Dan il-ktieb għandu erba’ messaġġi: mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Pawl Cremona; mill-Isqof t’Għawdex, Mons. Mario Grech; mis-Superjur u mis-Superjura Ġenerali tal-M.U.S.E.U.M. Victor Delicata u Phyllis Falzon, rispettivament.

Is-sabiħ ta’ ktieb bħal San Ġorġ Preca, Mudell għal Ħajjitna hu li jinqasam f’124 taqsima, kollha qosra apposta biex ma jgħajjewx lil dan li jkun. Fihom Pawlu Mifsud jittratta aspetti varji bħall-isem ta’ Dun Ġorġ, it-tfulija tiegħu, l-ewwel tagħlim, il-mard li kellu jħabbat wiċċu miegħu, ir-relazzjoni tiegħu maċ-ċkejknin u ma’ Patri Piju, l-umiltà tiegħu, il-figura tal-Madonna u tal-Kurċifiss f’ħajtu, missieru, il-funeral tal-qaddis, il-mirakli li wasslu għall-kanonizzazzjoni u wara għall-beatifikazzjoni tiegħu, kliem il-Papa Benedettu XVI dwaru, u bosta iktar. Huma taqsimiet li wieħed jista’ jaqra faċilment u jillimitahom għal waħda sa tlieta kuljum, biex b’hekk ikollu anki ħin għar-riflessjoni dwar il-ħajja siewja ta’ bniedem mudell bħalma kien San Ġorġ Preca.

Pawlu Mifsud għalhekk jurina fil-qosor il-ħajja ta’ Dun Ġorġ, il-qdusija u t-tjieba tiegħu, it-tagħlim tiegħu, u kif Alla nqeda bih biex ixandar il-Kelma tiegħu. Dak tiegħu hu ktieb li jfakkarna fi kliem Dun Ġorġ stess: “Immela meta tisma’ xi ħaġa, ieqaf bil-ħsieb tiegħek fuqha u erda’ u iġbed minnha skond il-forzi tiegħek il-ġid li tista’.” Għalhekk San Ġorġ Preca, Mudell għal Ħajjitna huwa ktieb li jgħinna biex inkunu mhux biss Insara, imma anki bnedmin aħjar.

Il-ktieb huwa don fih innifsu, u l-awtur-kittieb jagħmel bosta sagrifiċċji biex jipproduċih. Jonqos biss lilna li nuru r-rikonoxximent tagħna ta’ dawn ix-xogħlijiet fejjieda billi nixtru, naqraw u ngawdu mill-benna li jafu joffrulna.

PATRICK SAMMUT

No comments:

Post a Comment