Sunday, May 15, 2011

Quest for Identity – the mellieħa experience ta’ Paul P. Borg

Kif kelli l-okkażjoni ngħid iktar minn darba qabel, illum is-suq tal-ktieb lokali mhux nieqes minn pubblikazzjonijiet li jintrabtu ma’ riċerki varji f’rabta ma’ aspetti differenti tal-kultura Maltija. Minkejja li pajjiżna huwa fiżikament ċkejken, nafu li huwa sinjur ħafna f’oqsma oħra bħalma huma l-Istorja, ir-riżorsi umani, il-letteratura u l-bqija.

Quddiemi għandi pubblikazzjoniji interessanti li rat id-dawl fl-2010. Volum imdaqqas ta’ kważi 500 paġna jġib l-isem ta’ Quest for Identity – the mellieħa experience, ta’ Paul P. Borg. Huwa xogħol ippubblikat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, it-tieni wieħed fis sensiela Ħannieqa Kotba Melleħin. Dan mhux l-ewwel ktieb tal-awtur f’relazzjoni mal-etnografija u lanqas l-ewwel f’rabta mal-inħawi tal-Mellieħa. Fis-sena 1989 Paul P. Borg kien ippubblika Selmun u l-Inħawi, fl-1996 Selmun – A story of love, fl-2000 u 2002 iż-żewġ volumi Snajja’ u Xogħol il-Maltin, u fl-2007 l-ewwel volum Nismagħhem jgħidu.

Quest for Identity – the mellieħa experience huwa maqsum f’erba’ taqsimiet ewlenin li jġibu l-isem ta’ “What man lives by”; “The environment”; “National memory”; u “Quest for identity”. Fl-ewwel taqsima Paul P. Borg jgħaddilna 21 esperjenza differenti marbutin ma’ daqstant individwi li għexu fl-inħawi tal-Mellieħa. Fost dawn naqraw it-tiġrib ta’ bdiewa nisa u rġiel, għannejja, mużiċisti, rgħajja, eremiti, pitturi u anki l-Prof. Godfrey Wettinger, li anki huwa għadda parti kbira minn tfulitu u rġulitu fil-Mellieħa. Interessanti huma l-laqmijiet tal-persuni intervistati li kollha kemm huma b’xi mod jew ieħor jirriflettu kemm epoka kif ukoll l-ambjent fejn għexu: ta’ Pawlu tal-Qantara, tan-Nezz, tal-Blaj, ta’ Salvu taz-Zomblu, ta’ Pirrex, l-Għawdxi, ta’ Żamżam, il-Pajż(an), ta’ Vanġiela, ta’ Vestru, il-Kaptin u oħrajn.

F’din l-ewwel taqsima (li ttul mal-225 paġna) naqraw dwar il-ħrejjef, il-biżgħat, it-tbatija, is-superstizzjonijiet, l-ikel u l-ħxejjex, l-għerusija, iż-żwieġ, l-esplojtazzjoni tal-ħaddiem, il-mewt , l-għeruq, is-siġar, żmien il-gwerra, l-imħabba, il-qiegħa, ix-xogħol fl-għelieqi u fil-barriera, il-banda tar-raħal, il-ħajja fil-ħabs u fir-raħal, ir-razzett, it-trobbija tal-bhejjem, l-għerien, l-imġiebaħ u l-produzzjoni tal-għasel, il-ħdim tal-qoton, is-sajd, it-tunnara, l-għana u l-mużika ta’ dari, u mitt ħaġa oħra.

Fit-tieni taqsima (86 paġna) Paul P. Borg jiddeskrivi fid-dettall l-ambjent fiżiku u naturali li minnu huma magħmula dawn l-inħawi. Hawn naqraw fost ħwejjeġ oħra dwar Wied Mistra, il-Gżejjer ta’ San Pawl, il-ħitan tas-sejjieħ, is-salini, is-sigrieti tal-ħamrija, l-għerien, il-binjiet tad-difiża, il-barriera antiki u s-sienja.

Borg isemmi t-tielet parti “National Memory” (54 paġna). Hawn l-awtur jiftaħ b’kitba bl-isem ta’ “National unconsciousness?” biex ifakkarna li parti kbira mit-tort għall-fatt li nsejna min aħna bħala poplu – u b’konsegwenza għat-tkissir tal-ambjent naturali mill-isbaħ li għandna fi gżiritna u dak kollu (tanġibbli u intanġibbli) li jintrabat miegħu - huwa tagħna minħabba l-apatija u l-indifferenza, jew anki “injuranza”, tagħna bħala poplu fi kwistjonijiet bħal dawn, kwistjonijiet li jintrabtu wkoll mal-Identità li tagħmilna Maltin. Sa minn ħafna snin ilu Paul P. Borg ħadem biex l-għerf tax-xjuħ tagħna ma jintilifx fix-xejn ladarba huma jmutu. Tkellem magħhom wiċċ imb wiċċ għal sigħat twal dwar aspetti differenti tal-ħajja tagħhom, irrekordjahom u ttraskriva dan it-tagħrif kollu bla ma qalgħu mill-kuntest li fih twieled. Dan l-għerf u dan it-taħrif kollu jagħmel parti minn dik li tissejjaħ “Memorja Nazzjonali”, dik li lilna tal-lum tgħinna nifhmu aħjar minn fejn ġejjin u b’hekk inkunu individwi u soċjetà aħjar u aktar konxja ta’ dak li verament jagħmilna Maltin.

F’dan ir-rigward jikteb ukoll dwar ir-rwol tal-letteratura: “...I also beleive in the functionality of literature: it reflects brightly and documents perfectly the little details and nuances of the national character. Literature is the manner in which one can document facts and feelings and the resulting emotions that are experienced through the writer-reader relationship. I have therefore attempted this method in this section as a means to exteriorize individual feelings as the real pinnacle od a social conscience hidden in a collective unconsciousness.”

Fir-raba’ taqsima (54 paġni) naqraw dwar aspetti oħra bħall-bidwi matul is-snin, l-importanza tal-ħamrija u r-rabta tal-individwu mal-ispazju u l-ambjent li jgħix fih, is-soċjetà li warrbet kull tip ta’ sensittività, ix-xogħol tal-etnografu, l-importanza tas-snajja’, il-kliem u l-ilsien, u ħwejjeġ oħrajn.

Quest for Identity – the mellieħa experience huwa ktieb kollu kemm hu ħiereġ mill-qalb ta’ bniedem li verament iħobb lil pajjiżu u lil ġensu. Wara kull taqsima nsibu numru ta’ ritratti bil-kulur li jkomplu jagħtuna stampa ċara tal-inħawi li Paul P. Borg jikteb dwarhom. Jinkludi fih partijiet miġjuba bid-djalett u siltiet minn għanjiet li missirijietna kienu jkantaw f’okkażjonijiet differenti. Importanti wkoll huwa l-fatt li din id-darba Paul P. Borg għażel li jgħaddilna dan it-tagħrif kollu bl-Ingliż, mela b’ilsien li jista’ jinftiehem anki minn miljuni ta’ barranin li jistgħu jaqraw u jgawdu parti mis-sabiħ ta’ dik il-kultura li tagħmilna Maltin bl-ilsien internazzjonali.

PATRICK SAMMUT

No comments:

Post a Comment